26.5.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 159/19
Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Marzu 2014 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Latvja
(Kawża C-151/14)
2014/C 159/26
Lingwa tal-kawża: il-Latvjan
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: I. Rubene u H. Støvlbæk)
Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Latvja
Talbiet tar-rikorrenti
—
tiddeċiedi li l-funzjonijiet tan-nutar, kif inhuma attwalment irregolati fl-ordinament ġuridiku Latvjan, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu eżerċizzju tal-awtorità pubblika tal-Istat Membru, fis-sens tal-eċċezzjoni stipulata fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u, konsegwentement, tiddikjara li l-leġiżlazzjoni tar-Repubblika tal-Latvja, sa fejn fil-kuntest ta’ ħatra bħala nutar timponi r-rekwiżit tan-nazzjonalità, tistabbilixxi diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità pprojbita mill-Artikolu 49 tat-Trattat.
—
tiddikjara li, billi ssuġġettat il-ħatra bħala nutar għar-rekwiżit tan-nazzjonalità, ir-Repubblika tal-Latvja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 49 tat-Trattat.
—
tikkundanna lir-Repubblika tal-Latvja għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Kummissjoni tallega li l-impożizzjoni tar-rekwiżit tan-nazzjonalità għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar hija diskriminatorja u tistabbilixxi restrizzjoni sproporzjonata fuq il-libertà ta’ stabbiliment. B’konsegwenza ta’ dan ir-Repubblika tal-Latvja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Il-Kummissjoni ssostni li, min-natura tagħhom stess, il-funzjonijiet li l-leġiżlazzjoni Latvjana tatribwixxi lin-nutar ma humiex relatati mal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika u li, b’konsegwenza ta’ dan, l-impożizzjoni tar-rekwiżit tan-nazzjonalità għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar ma tistax tkun iġġustifikata bl-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 51 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Full & Egal Universal Law Academy