16.6.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 184/15
Appell ippreżentat fit-3 ta’ April 2014 minn Evonik Degussa GmbH, AlzChem AG, li qabel kienet AlzChem Trostberg GmbH, li qabel kienet AlzChem Hart GmbH, mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fit-23 ta’ Jannar 2014 fil-Kawża T-391/09 – Evonik Degussa GmbH, AlzChem AG, li qabel kienet AlzChem Trostberg GmbH, li qabel kienet AlzChem Hart GmbH vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-155/14 P)
2014/C 184/19
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Evonik Degussa GmbH, AlzChem AG, li qabel kienet AlzChem Trostberg GmbH, li qabel kienet AlzChem Hart GmbH (rappreżentanti: C. Steinle u I. Bodenstein, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
1.
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tat-23 ta’ Jannar 2014 (Kawża T-391/09), sa fejn tikkonċerna lill-appellanti;
2.
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 5791 finali, tat-22 ta’ Lulju 2009 (Każ COMP/39.396 – il-Karbur tal-Kalċju u rijaġenti bbażati fuq il-manjeżju għall-industriji tal-azzar u tal-gass), sa fejn tikkonċerna lill-appellanti;
sussidjarjament, tnaqqas il-multa imposti fuq l-appellanti bl-Artikolu 2(g) u (h) tal-imsemmija deċiżjoni,
sussidjarjament, fil-każ li t-talba preċedenti tiġi miċħuda, temenda l-Artikolu 2(g) u (h) tad-deċiżjoni fis-sens li SKW Stahl-Metallurgie GmbH tinżamm responsabbli in solidum għall-multi kollha imposti fuq l-appellanti; l-appellanti jinterpretaw din it-talba sussidjarja bl-istess mod li ġiet interpretata mill-Qorti Ġenerali fil-punti 264 u 265 tas-sentenza, jiġifieri bħala talba sussidjarja intiża li żżid il-proporzjon tal-multa imposta lill-appellanti, li titqies li tħallset meta SKW tħallas il-multa imposta fuqhom mill-Kummissjoni.
3.
sussidjarjament, fit-tieni kap tat-talbiet, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi skont l-evalwazzjoni legali tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja;
4.
fi kwalunkwe każ, tordna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż tal-appellanti sostnuti fil-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appell huwa intiż kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Jannar 2014 fil-Kawża T-391/09, sa fejn tikkonċerna lill-appellanti. Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet parzjalment u ċaħdet parzjalment ir-rikorsi tal-appellanti ppreżentati kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 5791 finali, tat-22 ta’ Lulju 2009, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.396 – il-Karbur tal-Kalċju u rijaġenti bbażati fuq il-manjeżju għall-industriji tal-azzar u tal-gass).
L-appellanti jinvokaw ħames aggravji:
1.
Permezz tal-ewwel aggravju, l-appellanti jallegaw li l-Qorti Ġenerali attribwixxiet fir-rigward tagħhom l-aġir antikompetittiv ta’ SKW Stahl-Technik GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “SKW”) bi ksur tal-portata tal-imputazzjoni tar-responsabbiltà li tirriżulta mill-Artikolu 81 KE (issa l-Artikolu 101 TFUE), tal-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tal-prinċipju ta’ responsabbiltà għal negliġenza billi ċaħdet il-preżunzjoni konfutabbli tal-influwenza deċiżiva. B’effett minn April 2004, waqt pożizzjoni ta’ poter vakanti qabel il-bejgħ ta’ din il-kumpannija lil terz, SKW, minn jeddha u kuntrarjament għall-istruzzjonijiet espliċiti tal-appellanti, ipparteċipat unilateralment f’akkordju. F’dan il-każ partikolari eċċezzjonali, li jiddistingwi ruħu mill-massa ta’ każijiet li ġew deċiżi sa issa, il-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, irrifjutat li tiddeċiedi ex aequo et bono f’każ individwali.
2.
Permezz tat-tieni aggravju, l-appellanti jsostnu li, bi ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tagħhom li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kellha tiġi ddikjarata nulla peress li l-propozjonijiet ta’ responsabbiltà fir-rapporti interni bejn id-debituri in solidum ma ġewx stabbiliti skont is-sentenza li ngħatat fil-frattemp mill-Qorti Ġenerali fil-kawża Siemens Österreich (tat-3 ta’ Marzu 2011, Kawżi T-122/07 sa T-124/07, Ġabra p. II-793). Dan l-argument insostenn tar-rikors la kien tardiv u lanqas insuffiċjenti.
3.
Fir-rigward tal-ammont tal-multa, permezz tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jallegaw li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament sa fejn ma naqqsitx, bħal fil-kawża paralleli Gigaset, il-multi imposti fuq l-appellanti fid-dawl tal-iżbalji tal-kalkolu tal-multa, b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż tad-dħul u t-teħid inkunsiderazzjoni żbaljat ta’ tnaqqis skont il-klemenza sa fejn hija kkonċernata l-multa ta’ SKW.
4.
L-appellanti jilqgħu l-fatt li, meta stabbilixxiet il-multa l-ġdida tagħhom, il-Qorti Ġenerali evalwat ukoll, mill-ġdid, il-proporzjon tal-multa li “jitqies li tħallas meta SKW tħallas il-multa imposta fuqhom mid-deċiżjonijiet ikkontestati” (l-ewwel inċiż tal-punt 2 tad-dispożittiv). Madankollu, bir-raba’ aggravju sussidjarju, l-appellanti jikkritikaw il-fatt li, bi ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, tal-prinċipju nulla poena sina lege certa u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, fl-evalwazzjoni mill-ġdid, il-Qorti Ġenerali ma ddeterminatx b’mod espress l-effett ta’ ħlas doppju minn SKW kemm fir-rigward ta’ ARQUES Industries AG (li issa saret Gigaset AG) kif ukoll fir-rigward tal-appellanti.
5.
Permezz tal-ħames aggravju sussidjarju, l-appellanti jsostnu li fl-evalwazzjoni mill-ġdid tal-multi, il-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, bi ksur tal-prinċipji dwar l-istabbiliment tal-multi in solidum (Artikolu 81 KE, Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 (1)
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, dwar ir-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205)), wettqet tnaqqis skont il-klemenza fir-rigward tal-proporzjon li jitqies li tħallas fil-każ ta’ pagament minn SKW minkejja li SKW ma kkooperatx mal-Kummissjoni skont l-Avviż ta’ Klemenza.
Full & Egal Universal Law Academy