26.5.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 159/21
Appell ippreżentat fl-4 ta’ April 2014 minn Pesquerias Riveirenses, S.L. et mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fis-7 ta’ Frar 2014 fil-Kawża T-180/13, Pesquerías Riveirenses et vs Il-Kunsill
(Kawża C-164/14 P)
2014/C 159/28
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Appellanti: Pesquerias Riveirenses, S.L., Pesquera Campo de Marte, S.L., Pesquera Anpajo, S.L., Arrastreros del Barbanza, S.A., Martinez Pardavila e Hijos, S.L., Lijo Pesca, S.L., Frigorificos Hermanos Vidal, S.A., Pesquera Boteira, S.L., Francisco Mariño Mos y Otros, C.B., Juan Antonio Pérez Vidal y Hermano, C.B., Marina Nalda, S.L., Portillo y Otros, S.L., Vidiña Pesca, S.L., Pesca Hermo, S.L., Pescados Oubiña Perez, S.L., Manuel Pena Graña, Campo Eder, S.L., Pesquera Laga, S.L., Pesquera Jalisco, S.L., Pesquera Jopitos, S.L. u Pesca-Julimar, S.L. (rappreżentant: J. Tojeiro Sierto, avukat)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
Tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali li jiddikjara l-inammissibbiltà tar-rikors għal annullament ippreżentat mill-appellanti kontra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 40/2013, tal-21 ta’ Jannar 2013 (1), u tadotta deċiżjoni ġdida li tiddikjara l-ammissibbiltà ta’ dak ir-rikors.
Aggravji u argumenti prinċipali
Eżistenza tal-interess dirett – ksur tal-Artikolu 263 TFUE
Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jipprovdi li “[k]walunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’ [...] tressaq appell kontra [...] att regolatorju li jirrigwardha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”. Għal dan il-għan, l-interess dirett u l-assenza ta’ miżuri ta’ implementazzjoni huma żewġ rekwiżiti differenti, u l-kwistjoni tal-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istat, essenzjali sabiex jiġi ddeterminat l-interess dirett fir-rigward tal-att ikkontestat, hija għall-kuntrarju irrilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk l-att nazzjonali għandux in-natura ta’ “miżur[a] ta’ implimentazzjoni” għall-finijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.
L-appellanti jqisu li hemm interess dirett ċar bejnhom, bħala sidien ta’ bastimenti tas-sajd speċjalizzati fil-qbid tal-istokkafixx (Micromesistius poutassou), u r-Regolament li jistabbilixxi u li jillimita l-qbid ta’ din l-ispeċi. Il-ġestjoni tal-istokk tal-istokkafixx issir kull sena mill-UE permezz tat-TACs (total ta’ qbid ammissibbli) u skont l-appellanti l-istabbiliment ta’ dawn it-TACs ma huwiex korrett peress li ma jieħux inkunsiderazzjoni l-aħħar rakkomandazzjonijiet xjentifiċi eżistenti, u għaldaqstant, il-fatt li l-istokkafixx jiġi ġġestit bħala stokk uniku u mhux bħala żewġ stokkijiet differenti jwassal sabiex it-total ta’ qbid ammissibbli huwa inqas minn dak li jkollu jiġi attribwit lill-appellanti li kieku l-istokk kellu jiġi ġġestit separatament fit-Tramuntana u fin-Nofsinhar. F’dan l-istabbiliment tat-TAC, ma jista’ jkun hemm ebda intervent la fir-rigward ta’ assenjazzjoni sussegwenti tal-possibbiltajiet ta’ sajd min-naħa tal-Istati u lanqas fir-rigward tal-metodu ta’ ġestjoni użat għad-distribuzzjoni tagħhom peress li din tal-aħħar dejjem hija bbażata fuq it-TAC inizjalment stabbilit mill-UE u għaldaqstant l-unika għażla jew alternattiva li l-appellanti għandhom sabiex juru n-nuqqas ta’ qbil tagħhom ma’ dan it-TAC u mal-metodu ta’ stabbiliment tiegħu jew mal-ġestjoni tas-sajd huwa li jippreżentaw rikors quddiem il-qrati Ewropej.
(1) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 40/2013, tat-21 ta’ Jannar 2013, li jiffissa għall-2013 l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli fl-ilmijiet tal-UE u, għall-bastimenti tal-UE, f’ċerti ilmijiet mhux tal-UE għal ċerti stokkijiet tal-ħut li huma suġġetti għal negozjati [jew għal ftehimiet internazzjonali] (ĠU L 23, p. 54).
Full & Egal Universal Law Academy