16.6.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 184/19
Rikors ippreżentat fil-11 ta’ April 2014 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika
(Kawża C-180/14)
2014/C 184/23
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Patakia u M. van Beek)
Konvenuta: Ir-Repubblika Ellenika
Talbiet tar-rikorrenti
—
tiddikjara illi, peress li ma pprevedietx u/jew ma applikatx ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa li ma huwiex iktar minn 48 siegħa, u peress li la ggarantixxiet perijodu minimu ta’ mistrieħ ta’ jum u ta’ ġimgħa u lanqas perijodu ta’ mistrieħ kumpensatorju immedjatament wara l-ħin ta’ xogħol li għalihom suppost jiġi pprovdut kumpens, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 3, 5 u 6 tad-Direttiva 2003/88/KE (1)
—
tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
1.
Id-Direttiva 2003/88 stabbilixxiet regoli minimi komuni għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol bil-għan li jiġu protetti s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema permezz tal-iffissar ta’ limitu massimu ta’ ħin ta’ xogħol medju fil-ġimgħa (Artikolu 6) u ta’ perijodu minimu ta’ kuljum u ta’ ġimgħa ta’ mistrieħ (Artikoli 3, 5 u 6 tal-istess direttiva)
2.
Il-Greċja ttrasponiet id-direttiva fid-dritt nazzjonali, anki għat-tobba impjegati mad-dipartimenti tas-saħħa pubblika, permezz tad-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 88/1999. Fir-rigward tat-tobba stagiaires, il-Greċja ttrasponiet id-direttiva permezz tad-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 76/2005.
3.
Madankollu, sussegwentement il-Greċja adottat sensiela ta’ miżuri leġiżlattivi li ssospendew l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ implementazzjoni fir-rigward tat-tobba b’salarju u tat-tobba stagiaires tad-dipartimenti tas-saħħa pubblika.
4.
Barra minn hekk, mil-ilmenti li ġew ippreżentati lill-Kummissjoni minn għaxar federazzjonijiet differenti tat-tobba Griegi jirriżulta li tali ħaddiema kienu obbligati, abbażi tal-liġi nazzjonali, iżda wkoll skont il-prassi, jaħdmu medja ta’ 60 sa 72 siegħa fil-ġimgħa (tobba b’salarju) u minn 71 sa 93 siegħa (tobba stagiaires). B’mod regolari, huma kienu wkoll jiġu obbligati jaħdmu bla waqfien sa 32 siegħa fil-postijiet tax-xogħol.
5.
Sussegwentement, ġie konkluż ftehim kollettiv u ġew adottati l-Liġijiet Nri 3754/2009 u 3868/2010 li rriproduċew d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim kollettiv. Il-liġi nazzjonali baqgħet ma stabbilixxietx limitu effettiv ta’ ħin massimu ta’ xogħol li matulu l-imsemmija ħaddiema jistgħu jiġu obbligati jaħdmu inkwantu, ħlief għas-servizz normali, hija tipprevedi li “t-tobba tal-isptar tas-sistema tas-saħħa pubblika, it-tobba universitarji u t-tobba fil-fażi ta’ speċjalizzazzjoni għandhom iwettqu l-għassa indispensabbli għall-funzjonament regolari tal-isptarijiet u taċ-ċentri tas-saħħa”.
6.
Barra minn hekk, sabiex tali dispożizzjonijiet jiġu applikati wkoll fil-prattika, il-perijodu minimu ta’ mistrieħ ta’ kuljum u ta’ ġimgħa ma huwiex iggarantit, għaliex, minn naħa, mhux kull tip ta’ għassa huwa rrikonoxxut bħala ħin ta’ xogħol u, min-naħa l-oħra, ma hemmx stabbilit perijodi ekwivalenti ta’ mistrieħ kumpensatorju li huma pprovduti direttament wara l-ħin addizzjonali ta’ xogħol li huwa preżunt li għandu jiġi kkumpensat.
7.
Il-leġiżlazzjoni u l-prassi msemmija iktar ’il fuq jiddevjaw b’mod gravi mir-rekwiżiti minimi imposti mid-direttiva u jikkostitwixxu ksur tal-Artikoli 3, 5 u 6 tad-Direttiva 2003/88.
(1) Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol
Full & Egal Universal Law Academy