7.7.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 212/16
Appell ippreżentat fl-14 ta’ April 2014 minn ArcelorMittal Tubular Products Ostrava a.s. et mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fid-29 ta’ Jannar 2014 fil-Kawża T-528/09, Hubei Xinyegang Steel Co. Ltd vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
(Kawża C-186/14 P)
2014/C 212/18
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: ArcelorMittal Tubular Products Ostrava a.s., ArcelorMittal Tubular Products Roman SA, Benteler Deutschland GmbH, Benteler Stahl//Rohr GmbH, Ovako Tube & Ring AB, Rohrwerk Maxhütte GmbH, TMK-Artrom SA, Silcotub SA, Dalmine SpA, Tubos Reunidos, SA, Vallourec Oil and Gas France, li qabel kienet Vallourec Mannesmann Oil & Gas France, Vallourec Tubes France, li qabel kienet V & M France, Vallourec Deutschland GmbH, li qabel kienet V & M Deutschland GmbH, voestalpine Tubulars GmbH, Železiarne Podbrezová a.s. (rappreżentanti: Dr G. Berrisch, avukat, B. Byrne, Solicitor)
Partijiet oħra fil-proċedura: Hubei Xinyegang Steel Co. Ltd, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Jannar 2014 fil-Kawża T-528/09;
—
tiċħad l-ewwel parti tat-tielet motiv tal-ewwel istanza;
—
tirreferi l-bqija tal-kawża lura lill-Qorti Ġenerali;
—
tikkundanna lil Hubei Xinyegang Steel Co. Ltd għall-ispejjeż kemm ta’ dan l-appell kif ukoll tal-proċedura fil-Kawża T-528/09 tal-Qorti Ġenerali.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet tliet żbalji ta’ liġi.
L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 3(7) tar-Regolament Bażiku dwar l-Antidumping (1) billi ddeċidiet li l-istituzzjonijiet ma setgħux jieħdu inkunsiderazzjoni li s-sitwazzjoni ta’ talba kbira li ma hijiex normali kienet probabbilment ser tispiċċa u li f’sitwazzjoni ta’ talba “normali” l-effetti reali tad-dannu tal-importazzjonijie dumping kienu ser jintwerew u li l-istituzzjonijiet kienu attribwew l-effetti ta’ tnaqqis fit-talba bħala marbuta mal-importazzjonijiet dumping.
It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 3(9) tar-Regolament Bażiku dwar l-Antidumping u kisret l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Bażiku dwar l-Antidumping meta annullat ir-Regolament ikkontestat (2) fuq il-bażi li t-tbassir tal-Kummissjoni fir-Regolament Provviżorju dwar il-volumi u l-prezzijiet probabbli tal-importazzjonijiet dumping allegatament ma kienx totalment skont id-data tal-perijodu ta’ wara l-investigazzjoni.
It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat ikkonkludiet li r-riżultati tal-istituzzjonijiet kienu vvizzjati bi żball manifest ta’ evalwazzjoni u li l-Qorti Ġenerali naqset milli tosserva l-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45); issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51)
(2) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 926/2009, tal-24 ta’ Settembru 2009, li jimponi dazju definittiv kontra d-dumping u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldatura, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 262, p. 19)
Full & Egal Universal Law Academy