30.6.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 202/12
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Eparchiako Dikastirio Lefkosias (Ċipru) fis-16 ta’ April 2014 – Bogdan Chain vs Atlanco LTD
(Kawża C-189/14)
2014/C 202/14
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Qorti tar-rinviju
Eparchiako Dikastirio Lefkosias (Tribunal Distrettwali ta’ Nikosija)
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Bogdan Chain
Konvenuta: Atlanco LTD
Domandi preliminari
1)
Il-fatt li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 (1) u tal-Artikolu 14(5)(b) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 987/2009 (2) jinkludi lill-“[p]ersuna li normalment twettaq attività bħala persuna impjegata f’żewġ Stati Membri jew aktar” għandu jiġi interpretat fis-sens li hija inkluża wkoll is-sitwazzjoni ta’ persuna li hija impjegata bis-saħħa ta’ kuntratt ta’ xogħol minn persuna waħda li timpjega, stabbilita fi Stat Membru tal-Unjoni, li għaliha l-persuna impjegata taħdem f’żewġ Stati Membri oħra tal-Unjoni, minkejja li:
i.
it-tieni Stat Membru li fih għandha taħdem il-persuna impjegata jkun għadu ma ġiex iddefinit u lanqas ma jkun jista’ jiġi previst fil-mument tat-talba għall-ħruġ tal-formola A1 minħabba n-natura partikolari tax-xogħol, jiġifieri impjieg temporanju ta’ ħaddiema, għal perijodi qosra, f’diversi Stati Membri tal-Unjoni?
jew
ii.
it-tul tal-attività fl-ewwel u/jew fit-tieni Stat Membru jkun għadu ma jistax jiġi ddeterminat jew ma jkunx prevedibbli minħabba n-natura partikolari tax-xogħol, jiġifieri impjieg temporanju ta’ ħaddiema, għal perijodi qosra, f’diversi Stati Membri tal-Unjoni?
2)
Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domandi fil-punt 1 preċedenti, l-Artikolu 14(5)(b) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 987/2009 jista’ jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 883/2004, l-espressjoni “[p]ersuna li normalment twettaq attività bħala persuna impjegata f’żewġ Stati Membri jew aktar” tirreferi wkoll għas-sitwazzjoni fejn ikun hemm perijodi ta’ assenza ta’ attività bejn żewġ xogħlijiet f’diversi Stati Membri li matulhom il-ħaddiem jibqa’ rregolat mill-istess kuntratt ta’ xogħol?
3)
Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domandi fil-punt 1 preċedenti, il-fatt li l-Istat Membru kompetenti ma joħroġx formola A1 jipprekludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 883/2004?
4)
L-Artikoli 16(5) u/jew 20(1) jew kull artikolu ieħor tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 987/2009, jimponu l-obbligu għall-Istat Membru li, abbażi ta’ deċiżjoni preliminari tal-Istat Membru ta’ residenza dwar il-liġi applikabbli, joħroġ ex officio l-formola A1, mingħajr ma l-persuna li timpjega kkonċernata jkollha tippreżenta talba oħra f’dan is-sens lill-Istat Membru kompetenti?
(1) Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72)
(2) Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 284, p. 1)
Full & Egal Universal Law Academy