21.7.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 235/6
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice, Chancery Division (ir-Renju Unit) fit-28 ta’ April 2014 – Société de Produits Nestlé SA vs Cadbury UK Ltd
(Kawża C-215/14)
2014/C 235/08
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Qorti tar-rinviju
High Court of Justice, Chancery Division (England and Wales)
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Société de Produits Nestlé SA
Konvenuta: Cadbury UK Ltd
Domandi preliminari
1)
Sabiex jiġi stabbilit li trade mark kisbet karattru distintiv permezz tal-użu li jkun sar minnha fis-sens tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2008/95/KE (1), huwa biżżejjed li l-applikant għal reġistrazzjoni jagħti prova li fid-data rilevanti, proporzjon sinjifikattiv tal-klassi rilevanti ta’ persuni jirrikonoxxu t-trade mark u jassoċjawha mal-prodotti tal-applikant għal reġistrazzjoni fis-sens li, kieku kellhom jikkunsidraw min ikkumerċjalizza l-prodotti li juru dik it-trade mark, huma jidentifikaw lill-applikant għal reġistrazzjoni; jew l-applikant għal reġistrazzjoni għandu jagħti prova li proporzjon sinjifikattiv tal-klassi rilevanti ta’ persuni jqisu li t-trade mark (ipparagunata ma’ trade marks oħra li wkoll jistgħu jkunu preżenti) tindika l-oriġini tal-prodotti?
2)
Meta forma tikkonsisti fi tliet karatteristiċi essenzjali, fejn waħda minnhom tirriżulta min-natura nnifisha tal-prodott u fejn it-tnejn l-oħra huma neċessarji sabiex jinkiseb riżultat tekniku, l-Artikolu 3(1)(e)(i) u/jew (ii) tad-Direttiva 2008/95/KE jipprekludi r-reġistrazzjoni ta’ din il-forma bħala trade mark?
3)
L-Artikolu 3(1)(e)(ii) tad-Direttiva 2008/95/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi r-reġistrazzjoni ta’ forom li huma meħtieġa sabiex jinkiseb riżultat tekniku fir-rigward tal-mod li bih huma mmanifatturati l-prodotti meta mqabbla mal-mod li bih il-prodotti jiffunzjonaw?
(1) Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 299, p. 25).
Full & Egal Universal Law Academy