25.8.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 282/17
Appell ippreżentat fis-7 ta’ Mejju 2014 minn Lidl Stiftung & Co. KG mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fis-27 ta’ Frar 2014 fil-Kawża T-226/12 – Lidl Stiftung & Co. KG vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
(Kawża C-224/14 P)
2014/C 282/23
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Lidl Stiftung & Co. KG (rappreżentanti: M. Wolter, M. Kefferpütz, A. K. Marx, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza mill-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Frar 2014 (Każ T-226/12);
—
fil-każ li l-appell huwa ddikjarat fondat, tannulla d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell, tal-21 ta’ Marzu 2012 (R 2380/2010-1) kif imfittex fil-proċedimenti quddiem il-Qorti Ġenerali;
—
tikkundanna lill-UASI bħala l-konvenut fil-proċedimenti quddiem il-Qorti Ġenerali għall-ispejjeż tal-proċedimenti quddiem il-Qorti Ġenerali u l-proċedimenti quddiem l-Appell.
Aggravji u argumenti prinċipali
Bir-rikors għall-appell, Lidl Stiftung & Co. KG tqajjem tliet aggravji kontra s-sentenza kkontestata:
1.
ksur tal-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja (1) u r-Regola 22(3) u (4) tar-Regolament dwar l-implementazzjoni tat-trade mark Komunitarja (2) flimkien mal-Artikolu 15(1) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja billi l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat ir-rekwiżiti għall-prova ta’ użu ġenwin tat-trade mark tal-oppożizzjoni fit-tifsira ta’ dawn id-dispożizzjonijiet;
2.
ksur tal-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja flimkien mal-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja billi l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat ir-rekwiżiti għall-kunsiderazzjoni tal-użu tat-trade mark tal-oppożizzjoni f’forma differenti minn dik reġistrata li tikkostitwixxi użu ġenwin fit-tifsira tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja;
3.
ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja billi l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat ir-rekwiżiti fl-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni.
L-argumenti prinċipali jistgħu jiġu sunti kif ġej:
Dwar l-aggravju (1), il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-Bord tal-Appell ikkunsidra b’mod korrett tliet ritratti mingħajr data flimkien ma xi fatturi bħala evidenza konkreta u oġġettiva, suffiċjenti biex tipprova l-użu ġenwin tat-trade mark tal-oppożizzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tan-natura tal-użu.
Dwar l-aggravju (2), il-Qorti Ġenerali injorat il-karattru eċċezzjonali tal-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja li jeħtieġ, għal raġunijiet ta’ ċertezza u prevedibbiltà legali, interpretazzjoni stretta u dejqa, evalwazzjoni tal-elementi kollha tat-trade mark fil-forma reġistrata tagħha. Il-Qorti Ġenerali b’hekk wettqet żball ta’ liġi meta kkonfermat il-konstatazzjoni li tirriżulta li l-forma użata tat-trade mark kienet ikkostitwixxiet użu ġenwin billi ma biddlitx il-karattru distintiv tat-trade mark tal-oppożizzjoni fil-forma reġistrata tagħha billi l-Bord tal-Appell ma kkunsidrax l-elementi kollha tat-trade mark tal-oppożizzjoni.
Dwar l-aggravju (3), il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja billi, fl-evalwazzjoni tagħha tal-konstatazzjonijiet li rriżultaw tal-Bord tal-Appell dwar ix-xebh tas-sinjali u l-probabbiltà ta’ konfużjoni, ma kkunsidratx b’mod adegwat li, l-ewwel nett, fil-każ preżenti, il-grad ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti huwa pjuttost għoli, it-tieni nett, il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark bħala sħiħa u ma għandux it-tendenza li jeżamina d-dettalji differenti tagħha u, it-tielet nett, huwa biss jekk il-komponenti kollha l-oħra tat-trade mark huma negliġibbli li l-evalwazzjoni tax-xebh tas-sinjali tista’ titwettaq biss fuq il-bażi tal-element dominanti. Li kieku dawn l-aspetti ttieħdu inkunsiderazzjoni b’mod korrett, ma setgħetx tiġi kkonstatata probabbiltà ta’ konfużjoni.
Billi s-sentenza kkontestata ma hijiex, b’hekk, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja, Lidl Stiftung & Co. KG titlob l-annullament tagħha.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189)
Full & Egal Universal Law Academy