7.7.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 212/19
Appell ippreżentat fis-7 ta’ Mejju 2014 minn LG Display Co. Ltd, LG Display Taiwan Co. Ltd mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fis-27 ta’ Frar 2014 fil-Kawża T-128/11, LG Display Co. Ltd, LG Display Taiwan Co., Ltd vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-227/14 P)
2014/C 212/22
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: LG Display Co. Ltd, LG Display Taiwan Co., Ltd (rappreżentanti: A. Winckler, avukat, F.-C. Laprévote, avukat)
Il-parti l-oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla parzjalment is-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-128/11, sa fejn tiċħad it-talba tagħha għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Diċembru 2010 fil-Każ COMP/39.309;
—
tannulla parzjalment id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, fid-dawl tal-elementi ppreżentati lilha, u tnaqqas l-ammont tal-multa ffissata b’din id-deċiżjoni; insostenn ta’ din it-talba, LG Display tissottometti fl-Anness A.2 tabella li tippreżenta l-kalkolu tal-multa f’ipoteżijiet differenti. LG Display tindika li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha biżżejjed informazzjoni f’dan ir-rigward biex teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż u spejjeż oħra sostnuti minn LG Display fil-kuntest ta’ din il-kawża; u
—
tieħu kull miżura oħra li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis xierqa.
Aggravji u argumenti prinċipali
Permezz tal-ewwel aggravju, LG Display tikkontesta l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tipprovdi li l-Kummissjoni setgħet tinkludi l-bejgħ ta’ LG Display lill-kumpanniji parent tagħha LGE u Philips għall-valur ta’ bejgħ sabiex tikkalkola l-multa ta’ LG Display. Dan l-aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet. L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, ipprovdiet motivazzjoni insuffiċjenti, manifestament żnaturat il-provi, kisret id-drittijiet tad-difiża ta’ LG Display u ma eżerċitatx il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha meta ddeċidiet li l-Kummissjoni tista’ tinkludi l-bejgħ intern fil-valur ta’ bejgħ sabiex tikkalkola l-ammont tal-multa, sempliċement għaliex dan il-bejgħ seħħ fis-suq affettwat mill-kartell li fih ipparteċipat LG Display. It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, ipprovdiet motivazzjoni insuffiċjenti, manifestament żnaturat il-provi u kisret id-drittijiet tad-difiża ta’ LG Display meta kkonfermat il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi li l-bejgħ intern effettivament kien affettwat mill-kartell.
Permezz tat-tieni aggravju tagħha, LG Display tikkontesta l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tipprovdi li l-Kummissjoni ġustament irrifjutat li tagħti lil LG Display immunità parzjali tal-multa għas-sena 2005. Dan l-aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet. L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u pprovdiet motivazzjoni insuffiċjenti meta tat lill-applikant għall-immunità totali pożizzjoni pprivileġjata fir-rigward tal-immunità parzjali. It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali manifestament żnaturat il-provi u wettqet żball ta’ liġi meta rrifjutat li tagħti immunità parzjali ta’ multa lil LG Display għall-perijodu mis-26 ta’ Awwissu 2005, data li warajha l-Kummissjoni ma kellhiex provi pprovduti mill-applikant għall-immunità biex juru l-parteċipazzjoni kontinwata ta’ LG Display fil-kartell.
Full & Egal Universal Law Academy