28.7.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 245/5
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Kúria (l-Ungerija) fit-12 ta’ Mejju 2014 – Weltimmo s.r.o vs Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság
(Kawża C-230/14)
2014/C 245/07
Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż
Qorti tar-rinviju
Kúria
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Weltimmo s.r.o
Konvenuta: Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság
Domandi preliminari
1)
L-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46/KE (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 95/46”) jista’ jiġi interpretat fis-sens li d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali huma applikabbli, fit-territorju tal-ewwel Stat Membru, fir-rigward ta’ kontrollur li jopera sit tal-internet li jippubblika riklami dwar proprjetà immobbli u li huwa esklużivament stabbilit fit-tieni Stat Membru, li jippubblika wkoll riklami dwar proprjetà immobbli li tinsab fl-ewwel Stat Membru u fejn il-proprjetarji jitrażmettu d-data personali tagħhom lejn l-apparat (server) li jaħżen u li jipproċessa d-data tal-operatur tas-sit tal-internet, li jinsab fit-tieni Stat Membru?
2)
L-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 95/46, fid-dawl tal-premessi 18 sa 20, tal-Artikolu 1(2) u tal-Artikolu 28(1) tal-istess direttiva, jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritá nazzjonali Ungeriża – inkarigata mill-protezzjoni tad-data u mil-libertá tal-informazzjoni (Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság, iktar il-quddiem l-“awtoritá ta’ superviżjoni”) ma tistax tapplika l-liġi Ungeriża dwar il-protezzjoni tad-data, inkwantu dritt nazzjonali, fir-rigward tal-operatur ta’ sit tal-internet li jippubblika riklami dwar proprjetà immobbli li huwa stabbilit esklużivament fi Stat Membru ieħor, anki meta huwa jippubblika riklami dwar proprjetà immobbli li tinsab fl-Ungerija u li d-data dwarha tiġi trażmessa mill-proprjetarji tagħha, probbabbilment, mit-territorju tal-Ungerija lejn lejn l-apparat (server) li jaħżen u li jipproċessa d-data tal-operatur tas-sit tal-internet, li jinsab f’dan l-Istat Membru l-ieħor?
3)
Il-kwistjoni dwar jekk servizz ipprovdut minn kontrollur li jopera sit tal-internet huwiex orjentat lejn it-territorju ta’ Stat Membru ieħor hija rilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni?
4)
Il-kwistjoni dwar jekk id-data dwar il-proprjetà immobbli li tinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor, jew id-data personali tal-proprjetarji tagħhom, effettivament tniżżlitx mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, hija rilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni?
5)
Il-fatt li d-data personali marbuta ma din il-proprjetá immobbli hija d-data personali ta’ ċittadini ta’ Stat Membru ieħor huwa rilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni?
6)
Il-fatt li l-proprjetarji tal-impriża stabbilita fis-Slovakkja għandhom residenza fl-Ungerija huwa rilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni?
7)
Jekk mir-risposti mogħtija għad-domandi magħmula iktar il-fuq jirriżulta li l-awtorità ta’ superviżjoni Ungeriża tista’ taġixxi, iżda għandha tapplika, minflok id-dritt nazzjonali, id-dritt tal-Istat Membru ta’ stabbiliment, l-Artikolu 28(6) tad-Direttiva 95/46 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità ta’ superviżjoni Ungeriża tista’ teżerċità biss is-setgħat previsti fl-Artikolu 28(3) ta’ din l-istess direttiva, u dan b’mod konformi mad-dritt tal-Istat Membru ta’ stabbiliment, u li konsegwentement hija ma tistax timponi multa?
8)
Il-kunċett ta’ “adatfeldolgozás” [operazzjonijiet tekniċi ta’ pproċessar ta’ data] kemm fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) kif ukoll f’dak tal-Artikolu 28(6) tad-Direttiva 95/46, huwa, fit-terminoloġija ta’ din id-direttiva, identiku għall-kunċett ta’ “adatkezelés” [ipproċessar ta’ data]?
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355
Full & Egal Universal Law Academy