21.7.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 235/9
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Audiencia Provincial de Barcelona (Spanja) fit-13 ta’ Mejju 2014 – Safe Interenvios, S.A. vs Liberbank, S.A., et
(Kawża C-235/14)
2014/C 235/13
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Qorti tar-rinviju
Audiencia Provincial de Barcelona
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Safe Interenvios, S.A.
Konvenuti: Liberbank, S.A., Banco de Sabadell, S.A. u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, S.A.
Domandi preliminari
1.
Dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2005/60:
a.
Fir-rigward tal-Artikolu 7 ta’ din l-istess direttiva, il-leġiżlatur Komunitarju ried jistabbilixxi eċċezzjoni vera għall-possibbiltà, għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li jadottaw miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti tagħhom stess meta dawn tal-aħħar huma istituzzjonijiet ta’ ħlas, li huma stess huma suġġetti għas-sistema ta’ sorveljanza tagħhom stess, jew din hija sempliċi awtorizzazzjoni sabiex tiġi prevista eċċezzjoni?
b.
Fir-rigward tal-Artikolu 5 ta’ din l-istess direttiva, il-leġiżlatur nazzjonali jista’ jittrasponi l-eċċezzjoni prevista mir-regola inkwistjoni f’termini differenti minn dawk tal-formulazzjoni tagħha?
c.
L-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 11(1) tapplika fir-rigward tal-miżuri ta’ diliġenza msaħħa fl-istess termini bħal fir-rigward tal-miżuri ta’ diliġenza?
2.
Sussidjarjament, fil-każ fejn ir-risposta għad-domandi preċedenti tkun fis-sens li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jistgħu jadottaw miżuri ta’ diliġenza u miżuri ta’ diliġenza msaħħa fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ ħlas:
a.
Il-possibbiltà għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jissorveljaw l-operazzjonijiet tal-istituzzjonijiet ta’ ħlas sa fejn testendi? L-istituzzjonijiet ta’ kreditu jistgħu jitqiesu bħala li huma awtorizzati mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/60 sabiex jikkontrollaw il-proċeduri u l-miżuri ta’ diliġenza adottati mill-istituzzjoni ta’ ħlas jew huma biss l-awtorijiet pubbliċi msemmija fid-Direttiva 2007/64, jiġifieri, f’dan il-każ, il-Bank ta’ Spanja, li għandhom din is-setgħa?
b.
L-applikazzjoni ta’ din il-possibbiltà li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jadottaw miżuri teħtieġ xi ġustifikazzjoni partikolari marbuta mal-atti tal-istituzzjoni ta’ ħlas jew din il-possibbiltà tista’ tiġi eżerċitata b’mod ġenerali, minħabba s-sempliċi fatt li l-istituzzjoni ta’ ħlas teżerċità attivita riskjuża bħat-trasferiment ta’ fondi barra mill-pajjiż?
c.
Jekk jiġi deċiż li hija meħtieġa ġustifikazzjoni konkreta sabiex l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jkunu jistgħu jadottaw miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ ħlas:
i.
Liema huwa l-aġir rilevanti li l-istituzzjoni bankarja għandha tieħu inkunsiderazzjoni bil-għan li tadotta miżuri ta’ diliġenza?
ii.
L-istituzzjoni ta’ kreditu tista’ titqies bħala li hija awtorizzata tevalwa, għal dan il-għan, il-miżuri ta’ diliġenza li l-istituzzjoni ta’ ħlas tapplika fil-proċeduri tagħha?
iii.
L-applikazzjoni ta’ din il-possibbiltà teħtieġ li l-istituzzjoni bankarja tkun identifikat, fl-operazzjonijiet tal-istituzzjoni ta’ ħlas, xi aġir li jġegħla tissuspetta dwar kollaborazzjoni f’attivitajiet ta’ ħasil tal-flus jew dwar finanzjament tat-terroriżmu?
3.
Barra minn hekk, fil-każ li jiġi deċiż li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma awtorizzati jadottaw miżuri ta’ diliġenza msaħħa fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ ħlas:
a.
Huwa aċċettabbli li dawn il-miżuri jinkludu dik li teħetieġ li tingħata informazzjoni dwar l-identità tal-klijenti kollha tal-istituzzjoni ta’ ħlas li minnhom joriġinaw il-fondi ttrasferiti kif ukoll informazzjoni dwar l-identità tad-destinatarji ta’ dawn il-fondi?
b.
Il-fatt li l-istituzzjonijiet ta’ ħlas għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni relatata mal-klijenti tagħhom lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu li magħhom huma obbligati li joperaw u li magħhom huma jinstabu f’kompetizzjoni simultanja fis-suq huwa konformi mad-Direttiva 95/46 (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data?
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355.
Full & Egal Universal Law Academy