25.8.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 282/18
Appell ippreżentat fit-13 ta’ Mejju 2014 minn Lidl Stiftung & Co. KG mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fis-27 ta’ Frar 2014 fil-Kawża T-225/12 – Lidl Stiftung & Co. KG vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
(Kawża C-237/14 P)
2014/C 282/24
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Lidl Stiftung & Co. KG (rappreżentanti: M. Wolter, M. Kefferpütz, A. K. Marx, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Frar 2014 (Kawża T-225/12);
—
fil-każ li l-appell jitqies fondat, tannulla d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-21 ta’ Marzu 2012 (Każ R 2379/2010-1) skont it-talbiet tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali;
—
tikkundanna lill-UASI, bħala konvenut fil-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali, għall-ispejjeż sostnuti matul il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
Aggravji u argumenti prinċipali
Fil-kuntest tal-appell tagħha, Lidl Stiftung & Co. KG tqajjem tliet aggravji kontra s-sentenza appellata:
1.
ksur tad-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009 (1), tar-Regola 22(3) u (4) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni (2) flimkien mal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009, sa fejn il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod inkorrett il-kundizzjonijiet dwar il-prova ta’ użu ġenwin mit-trade mark preċedenti fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.
2.
ksur tad-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 15(1)(a) u tal-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009, sa fejn il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod inkorrett il-kundizzjonijiet li jippermettu li jitqies li l-użu tat-trade mark preċedenti fi forma li ma hijiex dik li bih huwa ġie rreġistrat jikkostitwixxi użu ġenwin fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009;
3.
ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, sa fejn il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod inkorrett il-kundizzjonijiet dwar l-evalwazzjoni ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni.
L-argumenti prinċipali jistgħu jiġu mqassra kif ġej:
Fir-rigward tal-ewwel aggravju, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Bord tal-Appell ġustament qies tliet ritratti li ma kellhomx data u xi fatturi bħala provi konkreti u oġġettivi, biżżejjed biex juru l-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti, b’mod partikolari fir-rigward tan-natura tal-użu.
Fir-rigward tat-tieni aggravju, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni n-natura derogatorja tal-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 li jeħtieġ, minħabba raġunijiet ta’ ċertezza legali u ta’ prevedibbiltà, interpretazzjoni stretta u limitata, evalwazzjoni tal-elementi kollha tat-trade mark fil-forma li fiha hija ġiet irreġistrata. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonfermat il-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell li tipprovdi li l-forma użata tat-trade mark kienet ikkostitwixxiet użu ġenwin peress li ma biddlitx il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti fil-forma li fiha hija ġiet irreġistrata, sa fejn il-Bord tal-Appell ma kkunsidrax l-elementi kollha tat-trade mark preċedenti.
Fir-rigward tat-tielet aggravju, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod inkorrett l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 sa fejn, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-konklużjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar ix-xebh tas-sinjali u l-probabbiltà ta’ konfużjoni, hija ma kkunsidratx b’mod xieraq il-fatt li, fl-ewwel lok, fil-kawża ineżami l-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti huwa pjuttost għoli, li, fit-tieni lok, il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi t-trade mark bħala ħaġa sħiħa u ma jeżaminax id-dettalji differenti tagħha u li, fit-tielet lok, huwa biss jekk il-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ikunu neġliġibbli li l-evalwazzjoni tax-xebh tista’ ssir sempliċement abbażi tal-element dominanti. Li kieku ħadet debitament inkunsiderazzjoni dawn l-aspetti, hija ma kinitx tikkonkludi li teżisti probabbiltà ta’ riskju.
Konsegwentement, peress li s-sentenza appellata ma hijiex konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 207/2009, Lidl Stiftung & Co. KG titlob l-annullament tagħha.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas- 26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)
(2) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189)
Full & Egal Universal Law Academy