8.9.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 303/12
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi) fit-28 ta’ Mejju 2014 – C. van der Lans vs Koninklijke Luchtvaart Maatschappij NV
(Kawża C-257/14)
2014/C 303/17
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Qorti tar-rinviju
Rechtbank Amsterdam
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: C. van der Lans
Konvenuta: Koninklijke Luchtvaart Maatschappij NV
Domandi preliminari
1)
Kif għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ avveniment li jissemma fil-premessa 14 [tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91]?
2)
Fid-dawl tal-punt 22 tas-sentenza Wallentin (2), iċ-ċirkustanzi straordinarji kif previsti mill-premessa 14, iċċitata iktar 'il fuq ma jikkoinċidux mal-każijiet iċċitati bħala eżempju fil-lista li tinsab fit-tieni sentenza tal-premessa 14, li huma każijiet li ġew definiti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 22 bħala avvenimenti. Hija korretta l-konklużjoni li l-avventimenti, kif previsti mill-punt 22, ma humiex l-istess bħall-avveniment imsemmi fil-premessa 14 tar-regolament?
3)
X’għandu jinfthiem bil-kunċett ta’ ċirkustanzi straordinarji madwar l-avveniment li huma n-“nuqqasijiet mhux mistennijin fir-rigward tas-sigurtà tat-titjira”, imsemmi fil-premessa 14 iċċitata iktar 'il fuq, u li, skont il-punt 23 tas-sentenza Wallentin, in-nuqqasijiet mhux mistennija fir-rigward tas-sigurtà tat-titjira ma jistgħux fihom infushom jikkostitwixxu ċirkustanzi straordinarji, iżda, fid-dawl tal-punt 22, jistgħu biss jipproduċu tali ċirkustanzi?
4)
Skont il-punt 23 tas-sentenza Wallentin, iċċitata iktar ’il fuq, problema teknika tista’ titqies li hija koperta minn “nuqqasijiet mhux mistennijin fir-rigward tas-sigurtà tat-titjira” u hija għaldaqstant “avveniment” fis-sens tal-punt 22 tas-sentenza Wallentin; xorta jibqa’ l-fatt li ċ-cirkustanzi madwar dan l-avveniment jistgħu jiġu kkunsidrati bħala straordinarji, jekk dawn ikunu jirrigwardaw avveniment li ma huwiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attivitajiet tat-trasportatur bl-ajru u li jmur lil hinn mill-kontroll effettiv ta’ dan tal-aħħar, minħabba n-natura jew l-oriġini tiegħu fis-sens tal-punt 23 tas-sentenza Wallentin iċċitata iktar ’il fuq; skont il-punt 24 ta’ din tal-aħħar, is-soluzzjoni ta’ problema teknika kkawżata minn manutenzjoni ħażina għandha tiġi kkunsidrata bħala inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru; din hija r-raġuni għalfejn tali problemi tekniċi ma jistgħux jikkostitwixxu ċirkustanzi straordinarji, fis-sens tal-punt 25 tas-sentenza Wallentin. Minn dawn il-punti jidher li jirriżulta li problema teknika li taqa’ taħt “nuqqasijiet mhux mistennijin fir-rigward tas-sigurtà tat-titjira” tikkostitwixxi avveniment li jista’ jkun akkumpanjat minn ċirkustanzi straordinarji, u jista’ fl-istess ħin jikkostitwixxi ċirkustanza straordinarja. Liema interpretazzjoni għandha tingħata lill-punti 22 sa 25 tas-sentenza Wallentin sabiex tiġi evitata din il-kontradizzjoni apparenti?
5)
Il-frażi “inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru” tiġi interpretata sistematikament fid-deċiżjonijiet tal-ewwel istanza bħala li tfisser “marbuta mal-attivitajiet normali tat-trasportatur bl-ajru” – interpretazzjoni li barra minn hekk tikkorrispondi mal-kelma Olandiża inerenti (li ma huwiex it-test awtentiku tas-sentenza) – b’tali mod li, pereżempju, kolliżjonijiet ma’ tjur jew ma’ sħab ta’ rmied ma humiex ikkunsidrati bħala avvenimenti fis-sens tal-punt 23 tas-sentenza Wallentin, iċċitata iktar ’il fuq. Ġurisprudenza oħra tiffoka fuq il-frażi “jaħrab mill-kontroll effettiv tiegħu minħabba n-natura jew l-oriġini tiegħu [tal-avveniment]”, li tinsab fil-punt 23 tas-sentenza Wallentin, iċċitata iktar 'il fuq. Il-frażi “inerenti għal” għandha tiġi interpretata fis-sens li huma biss l-avvenimenti li huma effettivament fil-kontroll tat-trasportatrur bl-ajru li huma koperti minn dan il-kunċett?
6)
F’liema sens għandu jinqara’ l-punt 26 tas-sentenza Wallentin, jew mill-inqas kif għandu jiġi interpretat fid-dawl tar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi 4 u 5?
7)
a.
Jekk ir-risposta għad-domanda 6 tingħata fis-sens li problemi tekniċi, li jistgħu jingħaddu fost in-nuqqasijiet mhux mistennija fir-rigward tas-sigurtà tat-titjira, jikkostitwixxu ċirkustanzi straordinarji li jistgħu jagħtu lok għall-invokazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament, jekk dawn ikunu joriġinaw minn avveniment mhux inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru u jekk imorru lil hinn mill-kontroll effettiv tiegħu, dan ikun ifisser li problema teknika li oriġinat b’mod spontanju u li ma tkunx dovuta għal manutenzjoni difettuża u li addizzjonalment ma tkunx ġiet skoperta matul kontrolli regolari ta’ manutenzjoni (l-ispezzjonijiet A-D u d-Daily Control iċċitati iktar 'il fuq fil-fatti tal-kawża) tista’ jew ma tistax tikkostitwixxi ċirkustanza straordinarja – jekk jiġi preżunt li din ma setgħetx tiġi skoperta matul l-imsemmija kontrolli regolari – peress li inkella ma jkunx possibbli li jiġi identifkat avveniment fis-sens tal-punt 26, u għaldaqstant ma jkunx jista’ jiġi stabbilit jekk dan kienx inerenti għall-eżerċizzju tal-attività tat-trasport bl-ajru u jekk imurx lil hinn mill-kontroll tat-trasportatur bl-ajru?
b.
Jekk ir-risposta għad-domanda 6 tingħata fis-sens li problemi tekniċi, li jaqgħu taħt nuqqasijiet mhux mistennija fir-rigward tas-sigurtà tat-titjira, huma avvenimenti fis-sens tal-punt 22 u l-problema teknika toriġina b’mod spontanju u ma tkunx dovuta għal manutenzjoni difettuża u addizzjonalment ma tkunx ġiet skoperta matul kontrolli regolari ta’ manutenzjoni (l-ispezzjonijiet A-D u d-Daily Control), dik il-problema teknika hija jew ma hijiex inerenti għall-eżerċizzju tal-attività tat-trasportatur bl-ajru u tmur lil hinn jew le mill-kontroll tiegħu, fis-sens tal-punt 26 iċċitat iktar 'il fuq?
ċ.
Jekk ir-risposta għad-domanda 6 tingħata fis-sens li problemi tekniċi, li jaqgħu taħt nuqqasijiet mhux mistennija fir-rigward tas-sigurtà tat-titjira, huma avvenimenti fis-sens tal-punt 22 u l-problema teknika toriġina b’mod spontanju u ma tkunx dovuta għal manutenzjoni difettuża u addizzjonalment ma tkunx ġiet skoperta matul kontrolli regolari ta’ manutenzjoni (l-ispezzjonijiet A-D u d-Daily Control), liema ċirkustanzi għandhom jakkumpanjaw lill-imsemmija problema teknika u meta dawn iċ-ċirkustanzi għandhom jiġu kkunsidrati bħala straordinarji, b’mod li jkunu jistgħu jiġu invokati fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-regolament?
8)
Trasportatur bl-ajru jista’ jinvoka ċirkustanzi straordinarji biss jekk ikun jista’ juri li l-annullament/id-dewmien huwa dovut għal ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki li kieku ttieħdu l-miżuri raġjonevoli kollha. Hija korretta l-konklużjoni li t-teħid tal-miżuri raġjonevoli kollha huwa intiż sabiex tiġi evitata l-okkorrenza ta’ ċirkustanzi straordinarji, iżda ma huwiex intiż sabiex jiġu adottati miżuri sabiex id-dewmien ma jkunx ta’ iktar minn 3 siegħat, li huwa previst mill-Artikolu 5(1)(c-iii) tar-Regolament Nru 261/2004 ikkunsidrat flimkien mal-punti 57 sa 61 tas-sentanza Sturgeon (C-402/07) (3)?
9)
Bħala prinċipju, hemm żewġ kategoriji ta’ miżuri li għandhom jittieħdu sabiex id-dewmien dovut għal problemi tekniċi jiġi limitat għal massimu ta’ 3 siegħat, senjatament, minn naħa, iż-żamma ta’ ħażna ta’ komponenti li jistgħu jinbidlu f’diversi postijiet mad-dinja kollha, u għaldaqstant mhux biss fl-ajruport ta’ reġistrazzjoni tal-kumpannija, u, min-naħa l-oħra, it-trasferiment ta’ passiġġieri tat-titjira ttardjata. Fid-determinazzjoni tal-portata tal-ħażna tagħhom u tal-postijiet fejn iżommuhom, il-kumpanniji tat-trasport bl-ajru jistgħu jibbażaw ruħhom fuq l-użanzi fid-dinja tal-avjazzjoni, anki għal kumpanniji li jaqgħu biss parzjalment taħt ir-regolament?
10)
Fl-għoti tar-risposta għad-domanda dwar jekk ittiħdux il-miżuri raġjonevoli kollha sabiex jiġi limitat id-dewmien dovut għal problemi tekniċi li jaffettwaw is-sigurtà tat-titjira, il-qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi li jaggravaw l-effetti ta’ dewmien, bħaċ-ċirkustanza f’dan il-każ li l-ajruplan affettwat mill-problema teknika jkollu jinżel f’diversi ajruporti qabel ma jinżel fl-ajruport ta’ reġistrazzjoni, liema fatt jista’ jwassal għal telf ta’ ħin?
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10.
(2) Sentenza Wallentin-Hermann, C-549/07, EU:C:2008:771.
(3) Sentenza Sturgeon et., C-402/07 u C-432/07, EU:C:2009:716
Full & Egal Universal Law Academy