25.8.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 282/20
Appell ippreżentat fit-30 ta’ Mejju 2014 minn Buzzi Unicem SpA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fl-14 ta’ Marzu 2014 fil-Kawża T-297/11, Buzzi Unicem SpA vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-267/14 P)
2014/C 282/26
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Appellanti: Buzzi Unicem SpA (rappreżentanti: C. Osti, A. Prastaro u A. Sodano, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla fl-intier tagħha d-deċiżjoni kkontestata minħabba assenza ta’ motivazzjoni jew motivazzjoni insuffiċjenti li wasslu għall-ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-kumpannija kif ukoll tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba;
—
tannulla fl-intier tagħha d-deċiżjoni kkontestata minħabba eċċess u użu ħażin tal-poter li wasslu għall-qlib tal-oneru tal-prova;
—
tannulla fl-intier tagħha jew parzjalment id-deċiżjoni kkontestata minħabba eċċess tal-poteri mogħtija mill-Artikolu 18 lill-Kummissjoni, ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ amministrazzjoni tajba, nuqqas tal-proċedura kontradittorja, bi ksur tal-Aħjar Prattiki (Best Practices) tal-Kummissjoni;
—
tannulla s-sentenza kkontestata fir-rigward tal-ħlas tal-ispejjeż tal-kawża tal-ewwel istanza minn Buzzi Unicem;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ din il-kawża kif ukoll dawk marbuta mal-Kawża T-297/11.
Aggravji u argumenti prinċipali
A.
L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi u assenza ta’ motivazzjoni jew motivazzjoni insuffiċjenti dwar ir-raġunijiet tal-ksur tad-drittijiet tad-difiża u l-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba
Permezz tal-ewwel aggravju, Buzzi Unicem teċepixxi li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizjata minn żball ta’ liġi u minn assenza jew nuqqas ta’ motivazzjoni fejn hija tikkonkludi li r-riferiment ġeneriku għal ksur allegat fid-deċiżjoni ta’ ftuħ kienet motivazzjoni suffiċjenti għal talba ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 18(3) billi tintegra “il-livell minimu ta’ ċarezza” mitlub minn din id-dispożizzjoni fir-rigward għas-suġġett u għall-għan tat-talba.
B.
It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u żball ta’ liġi fir-rigward tal-allegat eċċess u użu ħażin tal-poter tal-Kummissjoni li wasslu għall-qlib tal-oneru tal-prova
Permezz tat-tieni aggravju, Buzzi Unicem issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ liġi meta ċaħdet l-ilment li jallega abbuż ta’ poter tal-Kummissjoni, minħabba l-użu ta’ talba għall-informazzjoni skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003 (1) minkejja l-assenza ta’ indizji ta’ ksur, fejn il-Qorti Ġenerali ssostni li Buzzi Unicem ma pproponietx talba espliċita u motivata tali sabiex tippermetti verifika tal-eżistenza ta’ indizji suffiċjenti u fejn tiċħad l-allegat qlib tal-oneru tal-prova mingħajr ma pprovdiet l-ebda motivazzjoni.
C.
It-tielet aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ fatt u ta’ liġi, b’motivazzjoni illoġika tal-eċċess tal-poter fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003
Permezz tat-tielet aggravju, Buzzi Unicem tallega l-applikazzjoni żbaljata tal-prinċipji dwar l-obbligi ta’ kooperazzjoni tal-impriżi, peress li sostniet li l-Kummissjoni imponiet legalment fuq l-impriżi sabiex iwieġbu għal mistoqsijiet mhux ta’ sempliċi fatt, għal informazzjoni li l-Kummissjoni kienet taf li ma kinitx disponibbli għall-impriża u għal informazzjoni ulterjuri li l-Kummissjoni setgħat tikseb b’mod indipendenti.
D.
Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi u nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u ta’ eċċess tal-poter relatat mal-Artikolu 18
Permezz tar-raba’ aggravju ir-rikorrenti ssostni li s-sentenza kkontestata hija vvizjata minn assenza ta’ motivazzjoni jew nuqqas ta’ motivazzjoni u żball ta’ liġi fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità li wassal għal oneru eċċessiv għall-partijiet minħabba talbiet għal informazzjoni, ir-repetizzjoni u r-riformulazzjoni tagħhom, il-proposta ta’ varjanti u mistoqsijiet ġodda, ir-rifjut li tiġi limitata l-informazzjoni li għandha tiġi prodotta, l-għażla li titlob deċiżjoni minkejja l-informazzjoni diġà pprovduta preċedentement.
E.
Il-ħames aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi u assenza ta’ motivazzjoni fuq il-ksur tal-Aħjar Prattiki tal-Kummissjoni u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba
Permezz tal-ħames aggravju Buzzi Unicem issostni li l-iżball ta’ liġi billi l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Aħjar Prattiki tal-Kummissjoni ma humiex vinkolanti għaliha meta, filwaqt li ddeċidiet li titlob lill-impriżi sabiex jikkumentaw dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 18(3), hija mbagħad ma tat ebda kunsiderazzjoni tal-kummenti li rċeviet u biddlet b’mod sinjifikattiv it-test tad-deċiżjoni finali. Qed jtiġi kkontestata wkoll l-assenza ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba min-naħa tal-Kummissjoni minħabba l-mod li bih hija eżerċitat il-poter li titlob informazzjoni.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (Test b’relevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 001, 4.1.2003, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy