15.9.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 315/35
Appell ippreżentat fid-9 ta’ Ġunju 2014 mir-Repubblika Taljana mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fit-28 ta’ Marzu 2014 fil-Kawża T-117/10, Ir-Repubblika Taljana vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-280/14 P)
2014/C 315/57
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Appellanti: Ir-Repubblika Taljana (rappreżentanti: G. Palmieri, aġent, u P. Gentili, avvocato dello Stato)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
Tannulla, skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-28 ta’ Mejju 2014, Kawża T-117/10, li għandha bħala suġġett ir-rikors ippreżentat mill-Gvern Taljan, skont l-Artikoli 263 u 264 TFUE, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea Nru C(2009)10350, tat-22 ta’ Diċembru 2009, innotifikata fit-23 ta’ Diċembru 2009, dwar il-kanċellament ta’ parti mill-għajnuna mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali mogħtija lill-Italja għall-programm operattiv POR Puglia Objettiv I 2000-2006;
—
Konsegwentement, tannulla fil-mertu, skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-imsemmija deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea u tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tagħha, ir-Repubblika Taljana ressqet dawn l-aggravji:
L-ewwel aggravju: ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju u nuqqas ta’ motivazzjoni.
Wara li eżaminathom flimkien, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel żewġ motivi tar-rikors, li jirrigwardaw l-ilmenti mqajma mill-Kummissjoni fil-konfront tal-verifiki tal-ewwel u tat-tieni livell. Skont l-appellanti, iż-żewġ kwistjonijiet madankollu kienu differenti ħafna, peress li kull waħda minnhom wasslet għal kritika separata fir-rigward tal-effiċjenza u tal-attendibbiltà tal-verifiki. Id-deċiżjoni kkontestata kienet telenka d-diversi kritiki mqajma kontra l-verifiki reġjonali bħala “kapijiet tal-akkuża” li kollha kemm huma jwasslu għal konklużjoni unika u finali ta’ inattendibbiltà tal-verifiki reġjonali u ta’ periklu ta’ dannu għall-baġit tal-Unjoni li tiġġustifika rettifika ta’ 10 %. Għal din ir-raġuni d-diversi “kapijiet ta’ akkuża” kellhom jiġu eżaminati separatament, peress li esklużjoni jew tnaqqis eventwali ta’ wieħed jew iktar minnhom kien jiġi rifless fuq it-totalità. Konsegwentement, l-analiżi mħallta u konġunta ta’ argumenti tant differenti, magħmula mill-Qorti Ġenerali, impedixxiet eżami adegwat tal-kwistjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi mqajma mill-Gvern Taljan, u wasslet saħansitra wkoll għal nuqqas ta’ motivazzjoni evidenti: billi aġixxiet b’dan il-mod il-Qorti Ġenerali naqset milli tagħti spjegazzjoni dettaljata peress li qieset li d-diversi motivi tar-rikors kienu infondati.
It-tieni motiv: ksur tal-Artikolu 39(2)(ċ) u (3) tar-Regolament Nru 1260/1999 (1) , kif ukoll tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 438/2001 (2); ksur tal-prinċipji rigward l-oneru tal-prova; ineżattezza materjali tal-evalwazzjoni tal-fatti fid-dawl ta’ dawk li jirriżultaw mill-fajl ippreżentat lill-Qorti Ġenerali; żnaturament tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali.
L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali ħolqot distorsjoni tal-fatti li ma kinux ikkontestati u tal-provi li jirriżultaw mill-fajl, b’mod partikolari tal-fatt li l-awtoritajiet Taljani kienu analizzaw wieħed wieħed l-osservazzjonijiet tal-ispetturi tal-Kummissjoni dwar in-nuqqasijiet identifikati f’disa’ verifiki tal-ewwel livell. Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali messha rrikonoxxiet li d-deċiżjoni kkontestata kienet żbaljata fir-rigward ta’ dawn id-disa’ verifiki, u għaldaqstant messha laqgħet il-motivi li permezz tagħhom il-Gvern Taljan allega li l-Kummissjoni kienet kisret l-Artikolu 39(2) u (3) tar-Regolament Nru 1260/1999, sa fejn kienet adottat deċiżjoni ta’ rettifika ta’ 10 % mingħajr ma l-kampjun tal-verifiki tal-ewwel livell kien juri ebda irregolarità, u (fil-każ li xorta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-irregolaritajiet l-oħra) b’mod ċertament eċċessiv fid-dawl tal-kriterju ta’ proporzjonalità stabbilit fl-imsemmi Artikolu 39.
Il-Qorti Ġenerali allegatament injorat il-konstatazzjonijiet tal-fajl dwar ir-rikostruzzjoni tal-fatti relatati mat-twettiq tal-verifiki peress li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-iżvilupp kwantitattiv reali (limitu miftiehem mal-Kummissjoni) u kwalitattiv tal-verifiki tal-ewwel u tat-tieni livell matul l-2009.
Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali allegatament ħolqot distorsjoni tal-fatti li ma kinux ikkontestati u tal-provi li jirriżultaw mill-fajl, u kisret l-artikoli ċċitati, meta kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata kienet iġġustifikata minħabba l-fatt li l-awtoritajiet Taljani ma kinux taw prova tal-progress tal-awtorità li tħallas.
It-tielet motiv: ksur tal-Artikolu 39(2)(ċ) u tal-Artikolu 39(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, kif ukoll tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 438/2001; ksur tal-prinċipji rigward l-oneru tal-prova; ineżattezza materjali tal-evalwazzjoni tal-fatti fid-dawl ta’ dawk li jirriżultaw mill-fajl ippreżentat lill-Qorti Ġenerali; żnaturament ta’ provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali.
Skont l-appellanti, l-affermazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali huma bbażati fuq rikostruzzjoni totalment astratta tas-sitwazzjoni fattwali reali tat-twettiq u tad-distribuzzjoni tal-verifiki tat-tieni livell. Il-Qorti Ġenerali messha annullat il-parti tad-deċiżjoni li tirrigwarda l-analiżi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-verifiki tat-tieni livell u fir-rigward tan-nuqqas ta’ affidabbiltà tagħhom, analiżi li kienet kompletament nieqsa minn provi validi dwar l-eżistenza u l-konsistenza ta’ riskju reali għall-FEŻR.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999, tal-21 ta’ Ġunju 1999, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 31).
(2) Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 438/2001, tat-2 ta’ Marzu 2001, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 fir-rigward tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għal għajnuna mogħtija taħt il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 132).
Full & Egal Universal Law Academy