8.9.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 303/20
Appell ippreżentat fit-12 ta’ Ġunju 2014 minn Faci SpA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fl-20 ta’ Marzu 2014 fil-Kawża T-46/10 – Faci SpA vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-291/14 P)
2014/C 303/26
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Faci SpA (rappreżentanti: S. Piccardo u S. Crosby, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tal-20 ta’ Marzu 2014 tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-46/10, jew
—
bħala alternattiva, tikkanċella jew tnaqqas b’mod sostanzjali l-multa imposta fuq l-appellanti, jew
—
tibgħat il-kawża lura lill-Qorti Ġenerali għal evalwazzjoni mill-ġdid, u
—
fi kwalunkwe każ, tordna lill-Kummissjoni Ewropea tħallas l-ispejjeż tal-appellanti fl-ewwel istanza u f’dan l-appell.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appell huwa ppreżentat kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-20 ta’ Marzu 2014 fil-Kawża T-46/10. Fis-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-azzjoni tal-appellanti tat-28 ta’ Jannar 2010 imressqa kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 8682 finali, tal-11 ta’ Novembru 2009, dwar proċediment skont l-Artikolu 81 tat-Trattat tal-KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/38.589 – Stabilizzanti tat-temperatura) (1).
L-appellanti tqajjem żewġ aggravji:
Permezz tal-ewwel aggravju, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ma eżaminatx il-gravità tal-ksur wara Novembru 1996 b’riferiment għall-bidla fin-natura tal-kartell u b’hekk naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti għall-kalkolu tal-multa imposta fuq l-appellanti u għaldaqstant kisret il-punt 20 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi tal-2006 u/jew l-Artikolu 23 tar-Regolament 1/2003 (2) u l-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Permezz tat-tieni aggravju, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali naqset milli twettaq stħarriġ ġudizzjarju effettiv u fil-fond tad-deċiżjoni billi kkonstatat, mingħajr eżaminazzjoni tal-fatti, li l-appellanti kienet ġabet ruħha eżattament bħall-impriżi l-oħra kollha involuti b’eċċezzjoni għall-fatt li l-implementazzjoni tagħha kienet inqas rigoruża u billi ċaħdet, mingħajr ebda evalwazzjoni, il-motiv li jgħid li l-kompetizzjoni kienet ġiet distorta b’mod illegali għad-detriment tal-appellanti b’applikazzjoni tal-punt 35 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi fir-rigward ta’ kompetitur, Bärlocher.
(1) ĠU C 307, 12.11.2010, p. 9.
(2) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).
Full & Egal Universal Law Academy