8.9.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 303/23
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Belġju) fis-16 ta’ Ġunju 2014 – Alain Laurent Brouillard vs Jury du concours de recrutement de référendaires près la Cour de cassation, État belge
(Kawża C-298/14)
2014/C 303/30
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Qorti tar-rinviju
Conseil d’État
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Alain Laurent Brouillard
Konvenuti: Jury du concours de recrutement de référendaires près la Cour de cassation, État belge
Domandi preliminari
1)
L-Artikoli 45 u 49 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea kif ukoll id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (1) għandhom jiġu interpretati bħala li japplikaw f’sitwazzjoni fejn ċittadin ta’ nazzjonalità Belġjana, residenti fil-Belġju u li ma eżerċitax attività professjonali fi stat Membru ieħor, jipprevalixxi ruħu, insostenn tat-talba tiegħu sabiex jipparteċipa f’kompetizzjoni għar-reklutaġġ ta’ assistenti ġudizzjarju mal-Cour de cassation Belġjana, minn grad maħruġ minn università Franċiża, jiġifieri master fil-liġi, ekonomija, amministrazzjoni, għal għanijiet professjonali, b’riżultat distintiv fid-dritt privat, u bi speċjalizzazzjoni ta’ ġurista-lingwista mogħtija fit-22 ta’ Novembru 2010 mill-università Franċiża ta’ Poitiers?
2)
Il-funzjoni ta’ assistent ġudizzjarju mal-Cour de cassation Belġjana, li fir-rigward tagħha l-Artikolu 259k tal-Kodiċi ġudizzjarju jipprevedi li l-ħatra hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-applikant għandu jkollu dottorat jew grad fil-liġi, hija funzjoni regolata fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2005/36 iċċitata iktar ’il fuq tas-7 ta’ Settembru 2005?
3)
Il-funzjoni ta’ assistent ġudizzjarju mal-Cour de cassation, li l-kompiti tagħha huma ddefiniti mill-Artikolu 135a tal-kodiċi ġudizzjarju, tikkostitwixxi impjieg mal-amministrazzjoni pubblika fis-sens tal-Artikolu 45(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-applikazzjoni tal-Artikoli 45 u 49 ta’ dan it-Trattat kif ukoll id-Direttiva 2005/36, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali hija għaldaqstant eskluża mill-Artikolu 45(4) iċċitat iktar ’il fuq?
4)
Jekk l-Artikoli 45 u 49 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea kif ukoll id-Direttiva 2005/36, tas-7 ta’ Settmebru 2005, huma applikabbli għal dan il-każ, dawn ir-regoli għandhom jiġu interpretati bħala li jipprekludu lill-bord tal-għażla għar-reklutaġġ tal-assistenti ġudizzjarji mal-Cour de cassation milli jissuġġetta l-parteċipazzjoni f’din il-kompetizzjoni għall-pussess ta’ dottorat jew ta’ grad fil-liġi maħruġ minn università Belġjana jew għar-rikonoxximent, mill-entità Franċiża, kompetenti fil-qasam tal-edukazzjoni, tal-ekwivalenza akkademika ta’ master, maħruġ favur ir-rikorrent mill-università Franċiża ta’ Poitiers, ma’ dottorat, grad jew master fil-liġi maħruġ minn università Belġjana?
5)
Jekk l-Artikoli 45 u 49 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea kif ukoll id-Direttiva 2005/36, tas-7 ta’ Settmebru 2005, huma applikabbli għal dan il-każ, dawn ir-regoli għandhom jiġu interpretati bħala li jimponu fuq il-bord tal-għażla għar-reklutaġġ tal-assistenti ġudizzjarji mal-Cour de cassation l-obbligu li jipparaguna l-kwalifiki tar-rikorrent, li jirriżultaw mill-gradi tiegħu kif ukoll mill-esperjenza professjonali tiegħu, ma’ dawk li jirrendi dottorat jew grad fil-liġi maħruġ minn università Belġjana u, fejn xieraq, li jimponi fuqu miżura kumpensatorja msemmija fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2005/36?
(1) Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (ĠU L 255, p. 22).
Full & Egal Universal Law Academy