8.9.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 303/26
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vărhoven administrativen săd (il-Bulgarija) fil-25 ta’ Ġunju 2014 – Direktor na Agentsia “Mitnitsi” vs Biovet AD
(Kawża C-306/14)
2014/C 303/33
Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru
Qorti tar-rinviju
Vărhoven administrativen săd
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Direktor na Agentsia “Mitnitsi”
Konvenuta: Biovet AD
Domandi preliminari
1)
X’tifsira għandha tingħata lill-kunċett ta’ “proċess ta’ manifattura” użat fid-dispożizzjoni li tinsab fl-Artikolu 27(2)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (1), u dan il-kunċett ikopri t-tindif u/jew id-diżinfezzjoni bħala proċessi sabiex jintlaħqu standards speċifiċi ta’ ndafa li huma previsti fil-prassi għal manifattura tajba ta’ prodotti mediċinali?
2)
L-Artikolu 27(2)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku, fil-każ ta’ eżenzjoni tal-alkoħol mis-sisa armonizzata rregolata mill-Istati Membri, meta dan l-akoħol jintuża fi proċess ta’ manifattura sakemm il-prodott finali ma jkollux l-alkoħol, jawtorizza l-introduzzjoni ta’ regola li tgħid li għall-implementazzjoni ta’ din l-eżenzjoni l-alkoħol użat għat-tindif ma huwiex ikkunsidrat bħala li jintuża fi proċess ta’ manifattura?
3)
Il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jipprekludu l-introduzzjoni b’effett immedjat (jiġifieri mingħajr ma l-operaturi ekonomiċi jingħataw żmien raġonevoli sabiex jadattaw l-aġir tagħhom) ta’ dispożizzjoni legali bħal dik li hija stabbilita fl-Artikolu 22(7) ZADS, li tillimita l-eżenzjoni mis-sisa, li l-Istat Membru jkun introduċa b’mod diskrezzjonali, permezz tar-rimbors tagħha, fir-rigward tal-alkoħol użat għat-tindif?
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 206.
Full & Egal Universal Law Academy