1.9.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 292/19
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Helsingin hovioikeus (ir-Repubblika tal-Finlandja) fit-30 ta’ Ġunju 2014 – Nike European Operations Netherlands BV vs Sportland Oy, fi stralċ
(Kawża C-310/14)
2014/C 292/24
Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż
Qorti tar-rinviju
Helsingin hovioikeus
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Nike European Operations Netherlands BV
Konvenuta: Sportland Oy, fi stralċ
Domandi preliminari
1)
L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kliem “dak l-att fil-każ relevanti” jfissru li l-att ma jistax jiġi kkontestat, meta jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża?
2)
Jekk ir-risposta għad-domanda 1) hija affermattiva u jekk il-konvenut f’tali azzjoni invoka d-dispożizzjoni ta’ liġi fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 13, li jipprovdi li l-ħlas ta’ dejn li għandu jitħallas jista’ jiġi kkontestat biss fiċ-ċirkustanzi li huma previsti fih u li ma humiex elenkati fl-azzjoni mressqa taħt il-liġi tal-Istat fejn inbdew il-proċeduri ta’ insolvenza,
(i)
hemm raġunijiet li jipprekludu li l-Artikolu 13 jiġi interpretat fis-sens li l-parti li tikkontesta l-att għandha, wara li ssir taf b’din id-dispożizzjoni, tinvoka dawn iċ-ċirkustanzi jekk, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru fejn inbdew il-proċeduri ta’ insolvenza, hija marbuta tispjega ċ-ċirkustanzi kollha li fuqhom tkun ibbażata l-azzjoni kkontestata, jew
(ii)
huwa neċessarju li l-konvenut juri li dawn iċ-ċirkustanzi ma kinux jeżisti f’din il-kawża u li, konsegwentement, skont il-dispożizzjoni inkwistjoni, il-kontestazzjoni hija impossibbli, mingħajr ma l-parti li tikkontesta l-att ma tkun marbuta tinvoka b’mod speċjali dawn iċ-ċirkustanzi?
3)
Irrispettivament mir-risposta għall-domanda 2(i), l-Artikolu 13 għandu jiġi interpretat fis-sens li
(i)
huwa l-konvenut li għandu l-oneru tal-prova li ċ-ċirkustanzi msemmija fid-dispożizzjoni ma jeżistux f’din il-kawża, jew
(ii)
l-oneru tal-prova dwar l-eżistenza ta’ dawn iċ-ċirkustanzi jista’ jiġi ddeterminat skont il-liġi applikabbli għall-att, li hija dik ta’ Stat Membru differenti minn dak tal-ftuħ tal-proċedura u li tipprovdi li l-oneru tal-prova hija l-parti li tikkontesta l-att, jew
(iii)
l-Artikolu 13 jista’ wkoll jiġi interpretat fis-sens li din id-domanda tal-oneru tal-prova hija rregolata skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-Istat tal-forum?
4)
L-Artikolu 13 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kliem “ma tippermettix xi meżżi biex jiġi disputat dak l-att” ikopru, minbarra d-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar l-insolvenza, li għaliha huwa suġġett l-att, ukoll id-dispożizzjonijiet u l-prinċipji ġenerali ta’ din il-liġi, applikabbli għall-att?
5)
Jekk ir-risposta tad-domanda 4) hija affermattiva,
(i)
l-Artikolu 13 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konvenut għandu juri li l-liġi fis-sens tal-Artikolu 13 ma tinkludix dispożizzjonijiet jew prinċipji ġenerali jew oħrajn, li skonthom kontestazzjoni abbażi ta’ punti ta’ fatt hija possibbli u
(ii)
skont l-Artikolu 13, qorti tista’, meta hija tikkunsidra li l-konvenut ikun ippreżenta spjegazzjonijiet suffiċjenti dwar is-suġġett, tqis li l-parti l-oħra għandha tipproduċi l-prova ta’ dispożizzjoni jew ta’ prinċipju tal-leġiżlazzjoni fil-qasam ta’ falliment jew tal-liġi ġenerali applikabbli għall-att, li huma ta’ Stat Membru ieħor minbarra l-Istat tal-ftuħ tal-proċeduri fis-sens tal-Artikolu 13, li tipprovdi li l-kontestazzjoni hija madankollu possibbli?
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191).
Full & Egal Universal Law Academy