8.9.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 303/28
Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Lulju 2014 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Belġju
(Kawża C-317/14)
2014/C 303/36
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Enegren, D. Martin, aġenti)
Konvenut: Ir-Renju tal-Belġju
Talbiet tar-rikorrenti
—
tikkonstata li r-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 45 TFUE u tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2011, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (1), billi jeżiġi li, kandidati għal pożizzjonijiet fid-dipartimenti lokali stabbiliti fir-reġjunijiet ta’ lingwa Franċiża jew ta’ lingwa Ġermaniża, li ma għandhomx diplomi jew ċertifikati li juru li huma wettqu l-istudji tagħhom fil-lingwa kkonċernata, għandhom jiksbu ċ-ċertifikat maħruġ mis-SELOR, wara li jkunu għaddew mill-eżami organizzat minn dan l-organu, bħala l-uniku mezz ta’ prova ta’ għarfien lingwistiku sabiex ikollhom aċċess għal dawn il-pożizzjonijiet;
—
tikkundanna lir-Renju tal-Belġju għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rekwiżit ta’ mezz ta’ prova uniku sabiex jiċċertifika għarfien lingwistiku, stabbilit fil-leġiżlazzjoni Belġjana, bħala kundizzjoni minn qabel għall-aċċess għall-pożizzjonijiet li għandhom jimtlew fid-dipartimenti pubbliċi lokali tar-reġjunijiet ta’ lingwa Franċiża jew ta’ lingwa Ġermaniża, għall-kandidati li ma jirriżultax mid-diplomi tagħhom li wettqu l-istudji tagħhom fil-lingwa kkonċernata, jikkostitwixxi diskriminazzjoni prekluża mill-Artikolu 45 TFUE kif ukoll mir-Regolament (UE) Nruo492/2011.
(1) ĠU L 141, p. 1
Full & Egal Universal Law Academy