29.9.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 339/11
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Social no 33 de Barcelona (Spanja) fit-22 ta’ Lulju 2014 – Estrella Rodríguez Sanchez vs Consum Sociedad Cooperativa Valenciana
(Kawża C-351/14)
2014/C 339/13
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Qorti tar-rinviju
Juzgado de lo Social no 33 de Barcelona
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Estrella Rodríguez Sanchez
Konvenuta: Consum Sociedad Cooperativa Valenciana
Domandi preliminari
1)
Ir-relazzjoni ta’ membru-ħaddiem ta’ kooperattiva tax-xogħol assoċjat bħal dik irregolata mill-Artikolu 80 tal-Liġi Spanjola 27/99 dwar il-kooperattivi u mill-Artikolu 89 tal-Liġi 8/2003 dwar il-kooperattivi tal-Komunità Awtonoma ta’ Valencia u li, għalkemm hija kklassifikata bħala “membru” mil-leġiżlazzjoni u mill-ġurisprudenza nazzjonali, tista’ titqies bħala “kuntratt ta’ xogħol” fil-kamp tad-dritt Komunitarju, għandha titqies bħala li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2010/18 (1) dwar il-“Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri”, kif iddefinit fil-Klawżola 1(2) [ta’ dan il-ftehim]?
It-tieni domanda qegħda ssir b’mod sussidjarju, fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv.
2)
Il-Klawżola 8(2) tal-“Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri” (Direttiva 2010/18) u, b’mod iktar preċiż, is-silta “[l]-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim m’għandhiex tikkostitwixxi raġuni valida għat-tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ ħarsien mogħti lill-ħaddiema fil-qasam kopert minn dan il-ftehim” għandha tiġi interpretata fis-sens li, fin-nuqqas ta’ traspożizzjoni espliċita tad-Direttiva 2010/18 mill-Istat Membru, il-portata tal-protezzjoni ddefinita minn dan l-Istat meta huwa ttraspona d-Direttiva preċedenti 96/34 (2) ma tistax tiġi mnaqqsa?
Huwa biss fil-każ ta’ risposta affermattiva għal waħda minn dawn id-domandi u jekk id-Direttiva 2010/18 titqies bħala applikabbli fir-rigward ta’ relazzjoni ta’ xogħol assoċjat bħal dik tal-konvenuta li jkun iġġustifikat, għar-raġunijiet li ser naraw, li jsiru wkoll id-domandi sussegwenti.
3)
Il-Klawżola 6 tal-“Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri” il-ġdid, inkorporata fid-Direttiva 2010/18, għandha tiġi interpretata fis-sens li din teħtieġ li r-regola jew il-ftehim nazzjonali intern ta’ traspożizzjoni jinkorpora u jespliċita l-obbligi tal-persuni li jimpjegaw li “jikkunsidraw” u li “jirrispondu” għat-talbiet tal-ħaddiema tagħhom intiżi sabiex, meta huma jirritornaw minn leave tal-ġenituri, huma jkollhom “tibdil fil-ħinijiet u/jew fl-arranġamenti tax-xogħol tagħhom” filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet tagħhom u dawk tal-ħaddiema, mingħajr mat-traspożizzjoni ma tista’ titqies bħala żgurata minn dispożizzjoni interna, leġiżlattiva jew tal-kooperattivi, li tissuġġetta l-implementazzjoni effettiva ta’ dan id-dritt, esklużivament, għas-sempliċi għażla diskrezzjonarja tal-persuna li timpjega li jilqa’ jew le dawn it-talbiet?
4)
Il-Klawżola 6 [tal-]“Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri” – ikkunsidrata fid-dawl tal-Artikolu 3 tad-Direttiva [2010/18] u tad-“dispożizzjonijiet finali” li jinsabu fil-Klawżola 8 tal-Ftehim – għandha titqies [bħala li] tgawdi, fl-assenza ta’ traspożizzjoni, minn effett “dirett orizzontali” għaliex din hija regola minima Komunitarja?
(1) Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE, tat-8 ta’ Marzu 2010, li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li jħassar id-Direttiva 96/34/KE (ĠU L 68, p. 13).
(2) Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE, tat-3 ta’ Ġunju 1996, dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri konkluż mill-UNICE, CEEP u ta’ ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 285).
Full & Egal Universal Law Academy