15.9.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 315/43
Appell ippreżentat fl-24 ta’ Lulju 2014 mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fl-14 ta’ Mejju 2014 fil-Kawża T-198/12 – Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-360/14 P)
2014/C 315/70
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (rappreżentanti: T. Henze, A. Lippstreu, aġenti, U. Karpenstein, avukat)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-14 ta’ Mejju 2014 fil-Kawża T-198/12, Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vs Il-Kummissjoni Ewropea, li għandha bħala suġġett l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/160/UE, tal-1 ta’ Marzu 2012, dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati mill-Gvern Federali tal-Ġermanja li jżommu l-valuri ta’ limitu għaċ-ċomb, il-barju, l-arseniku, l-antimonju, il-merkurju u n-nitrosammini u s-sustanzi nitrosatabbli fil-ġugarelli lil hinn mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sikurezza tal-ġugarelli (1), sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet din it-talba;
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/160/UE, tal-1 ta’ Marzu 2012, sa fejn f’din id-deċiżjoni ma ġewx approvati d-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati li jżommu l-valuri ta’ limitu għall-antimonju, l-arseniku u l-merkurju fil-ġugarelli; sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-kawża.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka tliet aggravji.
L-ewwel aggravju: L-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 114(4) TFUE minn tliet aspetti. L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ evalwazzjoni awtonoma tar-riskju mill-Istati Membri meta kkonstatat li l-miżuri nnotifikati mill-appellanti kienu inadegwati minħabba li kienu bbażati fuq evalwazzjoni differenti tar-riskju. It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta eżiġiet li jiġi pprovat li, fih innifsu, il-livell ta’ protezzjoni ggarantit mid-Direttiva 2009/48/KE huwa insuffiċjenti. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali bbażat il-kunsiderazzjonijiet tagħha fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dritt sa fejn irrifjutat li twettaq paragun kwantitattiv tal-livelli ta’ protezzjoni bbażat fuq il-valuri ta’ limitu.
It-tieni aggravju: Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li timmotiva s-sentenzi, stabbilit fl-Artikolu 36 u fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-ewwel nett, il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tat-Tabella 1 ppreżentata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija fiha nfisha kontradittorja sa fejn hija bbażata, minn naħa, fuq allegati żbalji ta’ kalkolu u, min-naħa l-oħra, fuq allegati żbalji ta’ kejl. It-tieni nett, il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija insuffiċjenti sa fejn tikkunsidra, mingħajr ma tanalizza r-rilevanza tal-kategorija tal-materjali li jistgħu jinbarxu, li l-paragun tal-limiti ta’ migrazzjoni magħmul mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma jurix livell ta’ protezzjoni superjuri.
It-tielet aggravju: L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti u l-provi minn tliet aspetti. L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali rriproduċiet b’mod manifestament żbaljat il-kontenut tat-Tabella 3 ppreżentata mill-appellanti. It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod manifestament żbaljat li t-tabella tal-Bundesinstitut für Risikobewertung (Istitut federali għall-evalwazzjoni tar-riskju) ippreżentata mill-appellanti kienet tinkludi addizzjoni illegali ta’ valuri. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod manifestament żbaljat l-opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji Sanitarji u Ambjentali (SCHER) tal-1 ta’ Lulju 2010, sa fejn minn din l-opinjoni ddeduċiet affermazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-limiti ta’ bijodisponibbiltà li s-SCHER ċertament ma għamilx.
(1) ĠU L 80, p. 19.
Full & Egal Universal Law Academy