29.9.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 339/15
Appell ippreżentat fil-31 ta’ Lulju 2014 minn Toshiba Corporation mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fil-21 ta’ Mejju 2014 fil-Kawża T-519/09, Toshiba Corporation vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-373/14 P)
2014/C 339/18
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Toshiba Corporation (rappreżentanti: J. F. MacLennan, solicitor, A. Schulz, avukat, J. Jourdan u P. Berghe, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Mejju 2014 fil-Kawża T-519/09 Toshiba Corporation vs Il-Kummissjoni Ewropea sa fejn din ċaħdet it-talba ta’ Toshiba għall-annullament tal-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea fil-Każ COMP/39.129 – Transformers tal-elettriku, u tannulla d-Deċiżjoni;
—
alternattivament, tirreferi l-kawża lura lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-punti ta’ liġi u, fi kwalunkwe każ
—
tiddeċiedi li Toshiba titħallas l-ispejjeż tagħha, inklużi l-ispejjeż tagħha tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti tikkontesta s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Mejju 2014 fil-Kawża T-519/09 Toshiba Corporation vs Il-Kummissjoni Ewropea (is-“sentenza kkontestata”), fejn Toshiba Corporation (“Toshiba”) talbet l-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea fil-Każ COMP/39.129 – Transformers tal-elettriku. Fis-sentenza li qed tiġi appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet kull bażi tat-talba ta’ Toshiba u ordnat lil Toshiba tbati l-spejjeż. Fl-appell preżenti, Toshiba ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet is-segwenti żbalji ta’ liġi:
—
L-ewwel aggravju: Toshiba ssostni li l-Qorti Ġenerali applikat eżami legali żbaljat meta kkunsidrat li l-produtturi Ġappuniżi ta’ transformers tal-elettriku kienu kompetituri potenzjali fis-suq ŻEE (1) fuq il-bażi li ostakoli għad-dħul fis-suq ŻEE ma kinux insurmontabbli u (2) fuq il-bażi tal-eżistenza tal-Ftehim b’Irġulija, minflok hija kellha tivverifika jekk il-produtturi Ġappuniżi kellhomx possibbiltajiet reali u konkreti sabiex jidħlu fis-suq ŻEE u li tali dħul kien strateġija ekonomikament vijabbli. Fl-assenza ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn produtturi Ġappuniżi u Ewropej, il-Ftehim b’Irġulija ma setgħax jikser l-Artikolu 81 KE u l-Kummissjoni ma kelliex kompetenza sabiex tagħmel każ. Is-sentenza kkontestata u d-deċiżjoni kkontestata għandhom għalhekk jiġu annullati f’dak li jirrigwarda lil Toshiba.
—
It-tieni aggravju: Toshiba ssostni li l-Qorti Ġenerali ma tatx stampa ċara tal-kontenut ta’ ittra li fiha parti oħra għall-proċeduri sostniet li ma kinitx ser tikkontesta l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ittra bidlet il-pożizzjoni li kienet tirriżulta mid-dikjarazzjonijiet preċedenti tal-parti, fejn ikkonfermat li ma kienet ikkonkludiet ebda bejgħ fiż-ŻEE. Madankollu, din hija distorsjoni tal-evidenza li fuqha bbażat ruħha l-Qorti Ġenerali sabiex tistabbilixxi li l-ostakoli għad-dħul fis-suq ŻEE ma kinux insurmontabbli. Toshiba b’hekk issostni li s-sentenza kkontestata u d-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu annullati.
—
It-tielet aggravju: Toshiba ssostni li l-Qorti Ġenerali użat raġunament kontradittorju, applikat eżami legali żbaljat għal iddistakkar pubbliku u kisret il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali meta kkunsidrat li l-argument ta’ Toshiba dwar in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħa tal-2003 fi Zurich kien “bla effett”. Is-sentenza kkontestata u d-deċiżjoni kkontestata għandhom għalhekk jiġu annullati sa fejn jikkonkludu li Toshiba kompliet tipparteċipa fil-Ftehim b’Irġulija sa Mejju 2003.
—
Ir-raba’ aggravju: Toshiba ssostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-paragrafu 18 tal-Linji gwida dwar il-multi meta applikat ishma mis-suq globali bħala l-figura fil-kalkolu tal-portata tar-responsabbiltà tal-partijiet fil-ksur. Is-sentenza kkontestata u d-deċiżjoni kkontestata għandhom għalhekk jiġu annullati sa fejn jikkalkolaw il-multa ta’ Toshiba fuq il-bażi tas-sehem mis-suq dinji ta’ Toshiba u l-multa ta’ Toshiba għandha għaldaqstant titnaqqas kif meħtieġ.
Full & Egal Universal Law Academy