6.10.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 351/6
Appell ippreżentat fl-4 ta’ Awwissu 2014 minn Walcher Meßtechnik GmbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fit-22 ta’ Mejju 2014 fil-Kawża T-95/13, Walcher Meßtechnik GmbH vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
(Kawża C-374/14 P)
2014/C 351/08
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Walcher Meßtechnik GmbH (rappreżentant: S. Walter, avukat)
Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tat-22 ta’ Mejju 2014, fil-Kawża T-95/13 u d-deċiżjoni kkontestata tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI, tat-13 ta’ Diċembru 2012, fil-Każ R 1779/2012-1.
—
sussidjarjament, tannulla s-sentenza tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali, tat-22 ta’ Mejju 2014, fil-Kawża T-95/13 u tirrinvija l-kawża lill-Qorti Ġenerali.
—
tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti tinvoka żewġ aggravji, li l-ewwel fosthom huwa maqsum fi tliet partijiet.
1.
L-ewwel aggravju:
Is-sentenza appellata tikser l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 (1) għal tliet raġunijiet:
—
L-evalwazzjoni tan-natura reġistrabbli ta’ sinjal għandha ssir fuq il-bażi tal-kliem tal-prodotti u/jew tas-servizzi li fir-rigward tagħhom issir l-applikazzjoni. Dan ma sarx fil-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali. Minflok, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni s-siti internet tal-appellanti u l-lista ta’ prodotti ta’ trade mark fl-Istati Uniti, li ma kinux is-suġġett tal-kawża.
—
Anki fis-sens tat-tifsira li l-Qorti Ġenerali tagħti lill-kelma HIPERDRIVE, is-sinjal HIPERDRIVE sempliċement jiddeskrivi karatteristika waħda ta’ drive. Fid-deskrizzjoni tal-parti tad-drive integrata fil-prodotti li għalihom qed issir l-applikazzjoni, l-ebda karatteristika ma hija deskritta f’din il-kawża bħala li hija essenzjali għall-prodotti li għalihom qed issir l-applikazzjoni. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta applikat il-kriterji stabbiliti fil-ġurisprudenza l-iktar reċenti tagħha (ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Jannar 2013, BSH vs UASI [ecoDoor] (2), T-625/11 u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Lulju 2014, BSH vs UASI (3), C-126/13 P, punt 27).
—
Il-kunsiderazzjoni, allegatament żbaljata, tal-Qorti Ġenerali li “HIPER” għandha tiġi ekwiparata ma “hyper”, minkejja li dawn it-termini qatt ma huma użati bħala sinonimi, hija bbażata fuq l-affermazzjoni żbaljata li, bl-Ingliż, kemm “HIPER” kif ukoll “hyper” huma ppronunzjati bl-istess mod. Il-Qorti Ġenerali la turi u lanqas timmotiva din l-allegazzjoni żbaljata, minkejja n-numru ta’ eżempji kuntrarji mressqa mill-appellanti. Skont il-ġurisprudenza, il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali hijiex kontradittorja jew insuffiċjenti tikkostitwixxi kwistjoni ta’ dritt.
2.
It-tieni aggravju:
—
L-appellanti ssostni li s-sentenza tmur kontra l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-projbizzjoni ta’ arbitrarjetà. Teżisti prattika ċara tal-UASI, li ma tekwiparax applikazzjonijiet li jkun fihom l-element HIPER ma dawk li fihom l-element “hyper”. Din il-prattika kienet teżisti sa minn qabel ma saret l-applikazzjoni għas-sinjal inkwistjoni f’din il-kawża u kompliet teżisti wara. Il-każ preżenti huwa differenti mill-każijiet fejn l-applikanti jinvokaw biss applikazzjoni preċedenti. Il-fatt li, wara li rrifjuta l-applikazzjoni inkwistjoni, l-UASI ma rrifjutax r-reġistrazzjoni ta’ trade marks “HIPER” juri li r-rifjut ta’ reġistrazzjoni inkwistjoni jikser b’mod ċar il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-projbizzjoni ta’ arbitrarjetà.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).
(2) EU:T:2013:14.
(3) EU:C:2014:2065.
Full & Egal Universal Law Academy