17.11.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 409/29
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Ġermanja) fid-29 ta’ Awwissu 2014 – Dr. Falk Pharma GmbH vs DAK-Gesundheit
(Kawża C-410/14)
2014/C 409/41
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Oberlandesgericht Düsseldorf
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Dr. Falk Pharma GmbH
Konvenuta: DAK-Gesundheit
Parti oħra: Kohlpharma GmbH
Domandi preliminari
Skont l-Artikolu 267 TFUE, saru domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (1) (iktar ’il quddiem, id-“Direttiva”), kif ifformulati hawnhekk:
1)
Id-definizzjoni ta’ “kuntratt pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18/KE, ma tibqax tapplika jekk awtorità kontraenti torganizza proċedura ta’ ammissjoni li fil-kuntest tagħha hija tagħti kuntratt mingħajr ma tagħżel operatur ekonomiku jew diversi operaturi ekonomiċi (mudell imsejjaħ “open house”)?
2)
Jekk għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda fis-sens li l-għażla ta’ operatur ekonomiku jew ta’ diversi operaturi ekonomiċi hija karatteristika ta’ kuntratt pubbliku, tqum id-domanda li ġejja: l-element karatteristiku marbut mal-għażla ta’ operaturi ekonomiċi fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18/KE, għandu jiġi interpretat, fid-dawl tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, fis-sens li awtorità kontraenti tista’ tirrinunzja li tagħżel operatur ekonomiku jew diversi operaturi ekonomiċi fi proċedura ta’ ammissjoni biss jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfatti:
—
issir, fuq il-livell tal-Ewropa, pubblikazzjoni dwar l-eżekuzzjoni ta’ proċedura ta’ ammissjoni,
—
jiġu ffissati regoli ċari rigward il-konklużjoni tal-kuntratt u l-adeżjoni mal-kuntratt,
—
it-termini tal-kuntratt jiġu ffissati minn qabel b’mod li l-ebda operatur ekonomiku ma jkun jista’ jinfluwenza l-kontenut tal-kuntratt,
—
l-operaturi ekonomiċi jibbenefikaw, f’kull ħin, minn dritt għal adeżjoni u
—
ssir komunikazzjoni, fuq il-livell tal-Ewropa, tal-kuntratti konklużi?
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132.
Full & Egal Universal Law Academy