22.12.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 462/12
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Wojewódzki Sąd Administracyjny we Wrocławiu (il-Polonja) fil-5 ta’ Settembru 2014 – ROZ-ŚWIT Zakład Produkcyjno-Handlowo-Usługowy Henryk Ciurko, Adam Pawłowski spółka jawna vs Dyrektor Izby Celnej we Wrocławiu
(Kawża C-418/14)
(2014/C 462/20)
Lingwa tal-kawża: il-Pollakk
Qorti tar-rinviju
Wojewódzki Sąd Administracyjny we Wrocławiu
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: ROZ-ŚWIT Zakład Produkcyjno-Handlowo-Usługowy Henryk Ciurko, Adam Pawłowski spółka jawna
Konvenut: Dyrektor Izby Celnej we Wrocławiu
Domandi preliminari
1)
L-Artikolu 5, moqri flimkien mal-Artikolu 2(3) u mal-Artikolu 21(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE, tas-27 ta’ Ottubru 2003, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (1), għandu jiġi applikat fis-sens li jipprekludi l-leġiżlazzjoni nazzjonali prevista fl-Artikolu 89(16) tal-Liġi dwar id-dazju tas-sisa, tas-6 ta’ Diċembru 2008 (ustawa z dnia 6 grudnia 2008 r. o podatku akcyzowym, Dz. U. Nru 3 tal-2009, Titolu 11, kif emendata), li teżiġi l-applikazzjoni tar-rata tad-dazju tas-sisa, prevista fir-rigward tal-karburanti, għall-kombustibbli tat-tisħin, fil-każ li l-persuna taxxabbli ma tissodisfax il-kundizzjoni formali stabbilita fl-Artikolu 89(14) u (15) tal-Liġi dwar id-dazju tas-sisa?
2)
Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jipprekludi l-kundizzjoni formali stabbilita fl-Artikolu 89(14) u (15) tal-Liġi dwar id-dazju tas-sisa, li tissuġġetta l-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa prevista għall-kombustibbli tat-tisħin għall-obbligu li titfassal u tiġi ppreżentata lista ta’ dikjarazzjonijiet tax-xerrejja f’terminu legali, indipendentement mill-osservanza tal-kundizzjoni sostanzjali li teżiġi l-bejgħ ta’ kombustibbli tat-tisħin?
3)
Is-sanzjoni prevista fl-Artikolu 89(16) tal-Liġi dwar id-dazju tas-sisa li, bħal fil-każ ineżami, tikkonsisti fl-impożizzjoni, lil bejjiegħ ta’ kombustibbli tat-tisħin, ta’ dazju fuq is-sisa kkalkolat bir-rata stabbilita għall-karburanti (Artikolu 89(4)(1) tal-Liġi dwar id-dazju tas-sisa), peress li l-kundizzjoni formali prevista fl-Artikolu 89(14) u (15) tal-Liġi dwar id-dazju tas-sisa ma hijiex issodisfatta, hija konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità?
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405.
Full & Egal Universal Law Academy