10.11.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 395/27
Appell ippreżentat fid-19 ta’ Settembru 2014 mir-Repubblika Ellenika mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fis-16 ta’ Lulju 2014 fil-Kawża T-52/12, Il-Ġreċja vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-431/14 P)
2014/C 395/32
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Partijiet
Appellanti: Ir-Repubblika Ellenika (rappreżentanti: I. Khalkias u A. Vasilopoulou)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
tilqa’ dan l-appell;
—
tannulla s-sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fl-intier tagħha;
—
tilqa’ r-rikors tar-Repubblika Ellenika skont kif huwa espost b’mod iktar speċifiku;
—
tannulla d-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni Ewropea;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni, jew inkella, fuq ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali. B’mod iktar partikolari, fl-ewwel parti tal-aggravju, ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-kunċett, imsemmi fl-Artikolu 107(1) TFUE, ta’ riżorsi tal-Istat, jekk inkella żball ta’ fatt meta kklassifikat bħala tali l-ammont tal-kontribuzzjonijiet obbligatorji mħallsa mill-agrikolturi li kienu jirċievu l-għajnuna u assigurati mill-Organismos Ellinikon Georgikon Asfaliseon (Organizzazzjoni Griega għall-Assigurazzjoni tal-Agrikoltura) (ELGA), filwaqt li, fit-tieni parti tal-istess aggravju, hija ssostni li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali ngħatat bi ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali sa fejn il-Qorti Ġenerali ma investigatx, u lanqas immotivat b’mod speċifiku, jekk l-ammonti li tħallsu bħala kontribuzzjonijiet mill-agrikolturi li jirċievu l-għajnuna meqjusa li hija għajnuna mill-Istat illegali, kinux jagħtu lil dawn tal-aħħar vantaġġ illeċitu, skont l-Artikolu 107(1) TFUE, jiġifieri vantaġġ li jista’ jwassal għal distorsjoni fil-kompetizzjoni; jew inkella, interpretat u applikat b’mod żbaljat dan l-artikolu billi ċaħdet b’mod impliċitu l-argument ippreżentat f’dan ir-rigward.
Permezz tat-tieni aggravju, qed jiġi sostnut li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali ngħatat bi ksur tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u, b’mod iktar speċifiku, b’interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(1) TFUE għaliex il-Qorti Ġenerali qieset li l-ħlasijiet ta’ kumpens fis-sena 2009 jikkostitwixxu vantaġġ finanzjarju selettiv għal dawk li jirċievu l-għajnuna, li seta’ jhedded u joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li fihom kienet tinsab u għadha tinsab l-ekonomija Griega.
Permezz tat-tielet aggravju, qed jiġi sostnut, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali wettqet interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE għaliex irrestrinġiet il-portata ta’ dik id-dispożizzjoni għall-ħlasijiet tal-kumpens kuntenzjużi għas-sena 2009 għall-kundizzjonijiet tal-Komunikazzjoni dwar il-Qafas Komunitarju Temporanju, minkejja ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali kollha li fihom kienet tinsab l-ekonomija Griega fiż-żmien rilevanti (l-ewwel parti tat-tielet aggravju) u, min-naħa l-oħra, li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx l-ilment tar-Repubblika Ellenika li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, sa fejn ordnat l-irkupru tal-għajnuna f’Diċembru 2011, kienet sproporzjonata (it-tieni parti tat-tielet aggravju).
Full & Egal Universal Law Academy