17.11.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 409/29
Appell ippreżentat fil-25 ta’ Settembru 2014 mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fis-16 ta’ Lulju 2014 fil-Kawża T-295/12 – Repubblika Federali tal-Ġermanja vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-446/14 P)
2014/C 409/42
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (rappreżentanti: T. Henze u J. Möller, aġenti, kif ukoll Prof. Dr. T. Lübbig u Dr. M. Klasse, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla fl-intier tagħha s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tas-16 ta’ Lulju 2014, fil-Kawża T-295/12;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż tal-proċeduri.
Barra minn hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ttenni t-talbiet kollha tagħha ppreżentati fl-ewwel istanza.
Aggravji u argumenti prinċipali
Dan l-appell huwa intiż kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Lulju 2014 fil-Kawża T-295/12, Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vs Il-Kummissjoni Ewropea, li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-25 ta’ April 2012 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.25051 (C 19/2010) (ex NN 23/2010) mogħtija mill-Ġermanja favur Zweckverband Tierkörperbeseitigung in Rhineland-Pfalz, in Saarland, im Rheingau-Taunus-Kreis und im Landkreis Limburg-Weilburg [Referenza: C(2012) 2557 final].
Permezz tal-appell tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkontesta d-definizzjoni żbaljata tal-kriterji ta’ prova li l-Qorti Ġenerali stabbilixxiet għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ “żball manifest ta’ evalwazzjoni” fl-eventwalità li Stat Membru jiddefinixxi servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali (SIEĠ) f’settur li ma huwiex armonizzat fid-dritt tal-Unjoni. Id-destinatarju (allegat) tal-għajnuna fil-proċedura amministrattiva kkonċernata hija z-“Zweckverband Tierkörperbeseitigung in Rheinland-Pfalz”, assoċjazzjoni li rċeviet kumpens mill-Istat għas-servizz ta’ iġjene fil-qasam tas-saħħa tal-annimali li hija tipprovdi permezz tal-eliminazzjoni ta’ karkassi tal-annimali fil-każ ta’ marda. Il-fatt li, essenzjalment, il-Qorti Ġenerali ma kklassifikatx bħala SIEĠ is-servizzi ta’ iġjene fil-qasam tas-saħħa tal-annimali, li hija r-responsabbiltà taz-Zweckverband, huwa deċiżiv għall-klassifikazzjoni, fis-sentenza appellata, ta’ dan il-kumpens bħala għajnuna mill-Istat.
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tinvoka tliet aggravji insostenn tal-appell tagħha.
L-ewwel nett, hija tallega ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 107(1) TFUE u tal-Artikolu 106(2) TFUE sa fejn ġew interpretati b’mod żbaljat fis-sentenza appellata, fis-sens li, billi kklassifikaw bħala SIEĠ ir-riżervi ta’ kapaċità fil-każ ta’ mard tal-annimali, l-awtoritajiet Ġermaniżi wettqu żbalji tant serji li, fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, għandhom jiġu kklassifikati bħala “manifesti”. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li s-sentenza appellata tinċidi fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri sabiex jiddefinixxu SIEĠ. Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ma hemm, fi kwalunkwe każ, ebda “żball manifest ta’ evalwazzjoni” fid-definizzjoni tas-SEIĠ. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tinnota li huwa inkontestabbli li l-kriterju ta’ evalwazzjoni ma jissemma’ mkien fid-deċiżjoni, li l-Kummissjoni wkoll iddikjarat, matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, li ma kinitx obbligata tipprova l-eżistenza ta’ “żball manifest ta’ evalwazzjoni” u li la l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni inkwistjoni u lanqas il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata ma jikkorroboraw l-eżistenza ta’ allegat “żball manifest ta’ evalwazzjoni”.
It-tieni nett, hija tallega ksur tal-Artikolu 107(1) permezz tal-konstatazzjoni żbaljata tal-fatt li kien hemm vantaġġ ekonomiku abbażi ta’ eżami żbaljat tal-kriterji tas-sentenza Altmark (1). Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta eżaminat it-tielet kriterju tas-sentenza Altmark (neċessità tal-kumpens). Il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi billi naqset milli teżamina jekk il-kumpens dwar ir-riżervi ta’ kapaċità jeċċedix l-ispejjeż addizzjonali netti li jirriżultaw mis-servizz ta’ dawn ir-riżervi ta’ kapaċità. Minflok, il-Kummissjoni, u sussegwentement il-Qorti Ġenerali, ikkonstataw a priori li tali spejjeż ma kinux neċessarji, billi rreferew għall-allegat nuqqas ta’ bżonn għal riżerva ta’ kapaċità separata.
It-tielet nett, hija tallega nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata, b’mod partikolari inkwantu l-allegati żbalji tal-awtoritajiet Ġermaniżi għandhom jiġu kklassifikati bħala partikolarment serji għall-finijiet ta’ “natura manifesta”. Lanqas ma hemm spjegazzjoni għalfejn l-argument tal-awtoritajiet Ġermaniżi ma huwa aċċettabbli minn ebda perspettiva konċepibbli.
(1) Sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C-280/00, EU:C:2003:415).
Full & Egal Universal Law Academy