15.12.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 448/12
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi) fis-6 ta’ Ottubru 2014 – Johannes Evert Antonius Massar vs DAS Nederlandse Rechtsbijstand Verzekeringsmaatschappij NV
(Kawża C-460/14)
(2014/C 448/15)
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Qorti tar-rinviju
Hoge Raad der Nederlanden
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Johannes Evert Antonius Massar
Konvenut: DAS Nederlandse Rechtsbijstand Verzekeringsmaatschappij NV
Domandi preliminari
1)
Il-kunċett ta’ “proċedura” previst fl-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 87/344/KEE (1), tat-22 ta’ Ġunju 1987, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-assigurazzjoni għall-ispejjeż legali, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jinkludi l-proċedura quddiem l-UWV [Uitvoeringsinstituut Werknemersverzekeringen (Aġenzija tal-Assigurazzjoni tal-Impjegati)], fejn il-persuna li timpjega titlob awtorizzazzjoni ta’ tkeċċija sabiex tkun tista’ ttemm ir-relazzjoni ta’ xogħol mal-ħaddiem impjegat (kopert minn assigurazzjoni għall-ispejjeż legali)?
2)
Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tiddependi mill-karatteristiċi tal-proċedura speċifika, flimkien, jekk meħtieġ, mal-fatti u ċ-ċirkustanzi tal-każ, liema karatteristiċi, fatti u ċirkustanzi għandha għalhekk il-qorti nazzjonali tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tiddetermina jekk il-proċedura għandhiex titqies li hija proċedura fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva?
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 187.
Full & Egal Universal Law Academy