8.12.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 439/25
Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Ottubru 2014 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tad-Danimarka
(Kawża C-468/14)
(2014/C 439/34)
Lingwa tal-kawża: id-Daniż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Clausen. u C. Cattabriga, aġenti)
Konvenut: Ir-Renju tad-Danimarka
Talbiet
—
tikkonstata li, billi żamm fis-seħħ sitwazzjoni legali fejn il-bejgħ ta’ tabakk għall-użu orali (snus) huwa awtorizzat, bi ksur tal-Artikolu 8, moqri flimkien mal-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 2001/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Ġunju 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jirrelataw mal-manifattura, preżentazzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk (1), ir-Renju tad-Danimarka naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt din id-direttiva.
—
tikkundanna lir-Renju tad-Danimarka għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-Renju tad-Danimarka naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/37/KE billi pprekluda biss il-bejgħ ta’ tabakk għall-użu orali (snus) f’boroż żgħar, iżda mhux il-bejgħ ta’ tabakk għall-użu orali sfuż fid-Danimarka. Ir-Renju tad-Danimarka ma kkontestax il-fatt li l-leġiżlazzjoni tiegħu ma hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ tabakk għall-użu orali. Abbozz ta’ liġi dwar projbizzjoni kompleta tal-bejgħ ta’ tabakk għall-użu orali fid-Danimarka kien madankollu miċħud mill-Folketing (Il-Parlament Daniż).
Ir-Renju tad-Danimarka ma ħax impenji oħra sabiex irendi l-leġiżlazzjoni Daniża konformi mad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonstata li r-Renju tad-Danimarka jissokta bin-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 8, moqri flimkien mal-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 2001/37.
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 147
Full & Egal Universal Law Academy