12.1.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 7/14
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Ġreċja) fl-20 ta’ Ottubru 2014 – Dimos Kropias Attikis vs Ypourgos Perivallontos, Energeias kai Klimatikis Allagis
(Kawża C-473/14)
(2015/C 007/19)
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Qorti tar-rinviju
Symvoulio tis Epikrateias
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Dimos Kropias Attikis
Konvenut: Ypourgos Perivallontos, Energias kai Klimatikis Allagis
Domandi preliminari
1)
Pjan regolatur ta’ agglomerazzjoni urbana metropolitana, li jimponi għanijiet ġenerali, linji gwida u programmi għall-organizzazzjoni tal-ippjanar territorjali u urban taż-żona l-kbira tal-imsemmija agglomerazzjoni, b’mod partikolari billi jiffissa bħala għanijiet ġenerali, fost l-oħrajn, il-protezzjoni taż-żoni muntanjużi ta’ madwarha u l-waqfien tal-espansjoni taż-żona urbana mibnija, jikkostitwixxi jew le att li jeżenta lill-awtorità amministrattiva kompetenti milli tissuġġetta għall-proċedura ta’ stima ambjentali strateġika prevista mid-Direttiva 2001/42/KE (1) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157) – fis-sens tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, kif interpretat mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Marzu 2012, Inter-Environnement Bruxelles, C-567/10, EU:C:2012:159, punt 42 – pjan adottat sussegwentement permezz ta’ digriet abbażi ta’ awtorizzazzjoni prevista mil-liġi li tinkludi l-imsemmi pjan regolatur, liema pjan jistabbilixxi żoni ta’ protezzjoni għal waħda mill-imsemmija żoni muntanjużi u jirregola l-użi u l-attivitajiet li huma permessi fihom, bil-għan li jispeċifika u jimplementa l-għanijiet tal-protezzjoni taż-żoni muntanjużi u tal-waqfien tal-espansjoni urbana?
2)
Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda: fil-każ li, minħabba d-data ta’ adozzjoni tal-pjan fil-kuntest ta’ serje ġerarkika ta’ atti ta’ ppjanar territorjali, ma kinitx twettqet l-istima ambjentali strateġika prevista mill-imsemmija Direttiva 2001/42/KE fir-rigward ta’ dan il-pjan, huwa neċessarju jew le li issa titwettaq din l-evalwazzjoni, fl-okkażjoni tal-att adottat matul il-perijodu ta’ validità tad-Direttiva, liema att jispeċifika l-imsemmi pjan?
3)
Fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda: meta digriet jinkludi dispożizzjonijiet dwar miżuri ta’ protezzjoni u dwar attivitajiet u użi awtorizzati f’żona inkluża bħala sit ta’ importanza għall-Komunità (SIK), żona speċjali ta’ konservazzjoni (ŻSK) u żona ta’ protezzjoni speċjali (ŻPS) fil-kapitolu nazzjonali tan-netwerk NATURA u meta dawn id-dispożizzjonijiet tabilħaqq jistabbilixxu sistema ta’ protezzjoni assoluta tan-natura – li tawtorizza biss installazzjonijiet ta’ protezzjoni kontra n-nar, ġestjoni forestali u mogħdijiet għall-mixi fil-kampanja – iżda madankollu mill-atti preparatorji għall-adozzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma jirriżultax li ttieħdu inkunsiderazzjonijiet l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dawn iż-żoni – jiġifieri il-karatteristiċi ambjentali speċifiċi li ġġustifikaw l-inklużjoni tagħhom fin-netwerk NATURA –, filwaqt li, barra minn hekk, dawn id-dispożizzjonijiet iżommu wkoll, fiż-żona inkwistjoni, attivitajiet li issa ma għadhomx aċċettati, għas-sempliċi raġuni li dawn l-attivitajiet kienu kompatibbli mas-sistema ta’ protezzjoni preċedenti, dan id-digriet jikkostitwixxi jew le pjan ta’ ġestjoni, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43/KEE (2) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102), li l-adozzjoni tiegħu ma għandhiex tiġi ppreċeduta b’mod obbligatorju minn stima ambjentali strateġika skont l-imsemmi artikolu, flimkien mal-Artikolu 3(2)(b) tal-imsemmija Direttiva 2001/42?
4)
Fl-aħħar nett, fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tielet domanda: jekk ikun ġie adottat att ta’ ppjanar territorjali li jikkonċerna żona ġeografika unika iktar wiesgħa li jirrikjedi, bħala prinċipju, skont l-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva 2001/42/KE flimkien mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43/KEE, it-twettiq ta’ stima ambjentali strateġika, li ma tkunx twettqet, u jekk jiġi kkonstatat li t-twettiq ta’ stima ambjentali minn qabel kien meħtieġ biss għal ċerti partijiet ta’ din iż-żona – minħabba d-dispożizzjonijiet finalment applikati dwar l-użu u l-attivitajiet permessi f’dawn il-partijiet, dispożizzjonijiet li ma jikkostitwixxux sempliċi pjanijiet ta’ ġestjoni – iżda li dan ma kienx obbligatorju għall-biċċa l-kbira tal-partijiet taż-żona ġeografika għaliex, fil-prattika, id-dispożizzjoni adottata tikkostitwixxi, fil-parti tagħha applikabbli għal dawn il-partijiet, pjan ta’ ġestjoni li ma jirrikjedix it-twettiq ta’ stima ambjentali minn qabel, skont l-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva 2001/42/KE flimkien mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43/KEE, huwa possibbli jew le, fid-dawl tad-Direttiva 2001/42/KE, li tiġi kkonstatata n-nullità parzjali ta’ dan l-att globali u, għaldaqstant, li jiġi annullat biss fir-rigward tal-partijiet taż-żona ġeografika li għalihom, mid-dispożizzjonijiet finalment applikati, jirriżulta li t-twettiq ta’ stima ambjentali minn qabel kien obbligatorju, filwaqt li konsegwenza oħra tal-annullament parzjali ta’ dan l-att tkun li l-istima strateġika titwettaq biss għall-parti kkonċernata u mhux għaż-żona kollha?
(1) Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2001, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent.
(2) Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa.
Full & Egal Universal Law Academy