19.1.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 16/17
Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Ottubru 2014 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja
(Kawża C-482/14)
(2015/C 016/27)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: W. Mölls, J. Hottiaux u T. Maxian Rusche, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja
Talbiet
1.
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2012/34/UE (1) (Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/440/KEE) billi awtorizzat li fondi pubbliċi mħallsa lill-operat tal-infrastruttura tal-ferrovija jiġu ttrasferiti għas-servizzi ta’ trasport.
2.
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2012/34/UE (Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/440/KEE) billi ma żguratx li l-osservanza tal-projbizzjoni tat-trasferiment ta’ fondi pubbliċi intiżi għall-operat tal-infrastruttura tal-ferrovija lejn servizzi ta’ trasport tkun tista’ tiġi kkontrollata permezz tal-metodu ta’ kontabbiltà.
3.
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 2012/34/UE (Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2001/14/KE) billi ma żguratx li t-tariffi tal-infrastruttura jistgħu jintużaw biss għall-finanzjament tal-attività imprenditorjali tal-operatur tal-infrastruttura.
4.
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2012/34/UE (Artikolu 9(4) tad-Direttiva 91/440/KEE) kif ukoll taħt l-Artikolu 6(1) flimkien mal-punt 5 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 (2) billi ma żguratx li l-kontribuzzjonijiet pubbliċi għall-provvista ta’ servizzi tat-trasport pubbliku ta’ passiġġieri jkunu indikati separatament fil-fatturi rilevanti.
5.
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija kkundannata għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka s-segwenti:
Il-Ġermanja tawtorizza lill-grupp Deutsche Bahn, abbażi ta’ ftehimiet ta’ trasferiment ta’ profitt, tuża d-dħul tal-operatur tal-infrastruttura tal-ferrovija fil-forma ta’ tariffi ta’ infrastruttura u fondi pubbliċi għall-finijiet oħra għajr dawk tal-operat tal-infrastruttura. Dawn il-fondi jistgħu jintużaw, b’mod partikolari, għas-servizzi tat-trasport, kuntrarjament għall-Artikoli 6(1) u 31(1) tad-Direttiva 2012/34/UE.
Barra minn hekk, il-kontabbiltà tal-operatur tal-infrastruttura ma tippermettix li tiġi kkontrollata l-projbizzjoni tat-trasferiment ta’ fondi pubbliċi għas-servizzi tat-trasport. Il-Ġermanja tawtorizza dan kuntrarjament għall-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2012/34/UE.
Fl-aħħar nett, il-Ġermanja ma tiżgurax li l-fondi pubbliċi għall-provvista ta’ servizzi tat-trasport pubbliku ta’ passiġġieri jiġu indikati separament fil-fatturi rilevanti. Dan imur kontra l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2012/34/UE kif ukoll l-Artikolu 6(1) flimkien mal-punt 5 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007.
(1) Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Novembru 2012, li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea, ĠU L 343, p. 32.
(2) Regolament Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2007, dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70, ĠU L 315, p. 1.
Full & Egal Universal Law Academy