26.1.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 26/13
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja) fl-10 ta’ Novembru 2014 – Buzzi Unicem SpA et vs Comitato nazionale per la gestione della Direttiva 2003/87/KE et
(Kawża C-502/14)
(2015/C 026/17)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Qorti tar-rinviju
Consiglio di Stato
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Buzzi Unicem SpA, Colacem SpA, Cogne Acciai Speciali SpA, Olon SpA, Laterlite SpA
Konvenuti: Comitato nazionale per la gestione della Direttiva 2003/87/CE, Ministero dell’Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare, Ministero dello Sviluppo economico
Domandi preliminari
1)
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea 2013/448/UE, tal-5 ta’ Settembru 2013, hija invalida sa fejn la ħadet inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tal-kwoti li għandhom jingħataw mingħajr ħlas, il-parti mill-emissjonijiet marbuta mal-kombustjoni ta’ gassijiet ta’ residwu – jew gassijiet tal-proċess tal-produzzjoni tal-azzar – u lanqas dawk marbuta mas-sħana prodotta mill-koġenerazzjoni, u b’hekk kisret l-Artikolu 290 TFUE u l-Artikolu 10 a(1), (4) u (5) tad-Direttiva 2003/87/KE (1), billi eċċediet il-limiti tad-delega kkonferita mid-direttiva u marret kontra l-għanijiet ta’ din tal-aħħar (inkoraġġiment tat-teknoloġiji enerġetiċi iktar effiċjenti u osservanza tar-rekwiżiti tal-iżvilupp ekonomiku u tal-impjieg)?
2)
Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea 2013/448/UE, tal-5 ta’ Settembru 2013, hija invalida, fid-dawl tal-prinċipji Komunitarji tal-effett utli u ta’ proporzjonalità, imsemmija fl-Artikolu 5 TUE, peress li hija kisret b’mod indebitu l-aspettattivi leġittimi tal-kumpanniji rikorrenti li jinżammu l-kwoti allokati b’mod provviżorju u li huma spettanti lilhom abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva, biex b’hekk wasslet sabiex tinċaħad l-utilità ekonomika marbuta mal-imsemmija kwoti?
3)
Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea 2013/448/UE, tal-5 ta’ Settembru 2013, hija invalida sa fejn din ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tal-kwoti li għandhom jingħataw mingħajr ħlas, l-emissjonijiet tal-istallazzjonijiet li daħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva mill-2013, sa fejn dawn huma inklużi fis-sistema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tad-Direttiva 2009/29/KE?
4)
Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea 2013/448/UE, tal-5 ta’ Settembru 2013, hija invalida sa fejn tiddetermina l-fattur ta’ korrezzjoni transsettorjali, minħabba ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, sa fejn din hija nieqsa minn motivazzjoni adattata?
5)
Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea 2013/448/UE, tal-5 ta’ Settembru 2013, hija invalida sa fejn tiddetermina l-fattur ta’ korrezzjoni transsettorjali, minħabba ksur tar-regoli proċedurali previsti fl-Artikoli 10a(1) u (23)(3) tad-Direttiva 2003/87/KE?
(1) Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631)
Full & Egal Universal Law Academy