12.1.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 7/19
Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Novembru 2014 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika
(Kawża C-504/14)
(2015/C 007/25)
Lingwa tal-kawża: Il-Grieg
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Patakia u C. Hermes)
Konvenuta: Ir-Repubblika Ellenika
Talbiet
—
tiddikjara li r-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha taħt:
—
l-Artikolu 6(2) u (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KΕE (1), tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, (a) billi naqset milli tieħu l-miżuri xierqa sabiex tevita d-deterjorament tal-habitat naturali u tal-habitat tal-ispeċi, u t-tfixkil tal-ispeċi li għaliha ġiet innominata żona, u (b) ippermettiet (mingħajr ma għamlet evalwazzjoni xierqa tal-implikazzjonijiet, skont kif stipulat fl-Artikolu 6(3)) attivitajiet li x’aktarx ikollhom effett sinjifikattiv fuq is-sit inkwistjoni billi, individwalment jew flimkien ma’ pjanijiet jew proġetti oħra, inaqqsu u jwettqu ħsara għaż-żona ta’ fejn tbejjed l-ispeċi ta’ prijorità Caretta caretta, li tinsab hemmhekk, jiddisturbaw lill-ispeċi kkonċernata u, finalment, inaqqsu u jwettqu ħsara għall-habitati tad-djuni tar-ramel 2110, 2220 u għall-habitat ta’ prijorità 2250;
—
l-Artikolu 12(1)(b) u (d) ta’ din id-direttiva, billi naqset milli tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tistabbilixxi u timplementa sistema effettiva ta’ ħarsien strett għall-fkieren tal-baħar tal-ispeċi Caretta caretta (speċi ta’ prijorità) fil-bajja ta’ Kyparissia b’mod li jiġi evitat kwalunkwe tfixkil tal-ispeċi kkonċernata matul il-perijodu ta’ tgħammir u kwalunkwe attività li tista’ tikkawża deterjorament jew qerda tas-siti ta’ tgħammir.
—
tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
1.
Dan il-ksur jirrigwarda: (a) l-effetti ta’ diversi proġetti u attivitajiet fuq is-sit Natura 2000 GR2550005 “Thines Kyparissias” (propost bħala Sit ta’ Importanza Komunitarja, [SIK], mill-1 ta’ April 1997, u Sit ta’ Importanza Komunitarja, [SIK], mill-1 ta’ Settembru 2006) u, b’mod iktar partikolari, fuq l-ispeċi ta’ prijorità Caretta caretta u l-habitati tad-djuni tar-ramel, inkluż l-habitat ta’ prijorità 2250* Thines, tal-bajjiet ma’ Juniperus spp u (b) in-nuqqas li jittieħdu l-miżuri neċessarji sabiex tiġi stabbilita u implementata sistema effettiva ta’ ħarsien strett tal-fkieren tal-baħar tal-ispeċi Caretta caretta, fis-sit inkwistjoni, sabiex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil ta’ din l-ispeċi matul il-perijodu ta’ tgħammir tagħha u kwalunkwe attività li tista’ toħloq deterjorament jew qerda tas-siti ta’ tgħammir tagħha.
2.
Fl-1998, wara l-approvazzjoni mill-Ministeru kompetenti, inbeda l-pjan ta’ tmexxija LIFE-Nature management plan LIFE98NAT/GR/5262 (“Application of Management Plan for Caretta caretta in Southern Kyparissia”). Il-pjan ta’ tmexxija LIFE tlesta fl-2002 bir-redazzjoni ta’ Studju Ambjentali Speċjali (ΕPM taħt il-leġiżlazzjoni Grieka) fejn sar riferiment għall-karatteristiċi tal-ispeċi u l-ħtieġa ta’ ħarsien effettiv tagħha.
3.
Wara rapporti NGO u mawra mill-persunal tal-Kummissjoni f’Lulju 2011 fuq is-sit, il-Kummissjoni tat bidu għall-proċedura dwar il-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/43/KΕE riflessi fit-talbiet ta’ dan ir-rikors.
4.
Qabelxejn, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Ellenika, b’mod kuntrarju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tad-Direttiva, naqset li tiżgura:
li tistabbilixxi sistema ta’ ħarsien strett tal-ispeċi elenkati fl-Anness IV tad-Direttiva, sabiex tipprekludi:
—
li jkun hemm tfixkil intenzjonat, partikolarment fil-perijodu ta’ tgħammir;
—
deterjorament jew qerda ta’ siti ta’ tgħammir jew postijiet ta’ mistrieħ.
5.
B’mod partikolari, ma hemmx qafas leġiżlattiv sħiħ u koerenti fil-Greċja u hemm nuqqas ta’ implementazzjoni ta’ miżuri ta’ ħarsien konkreti, speċifiċi u effettivi, flimkien ma’ tolleranza ta’ attivitajiet li mhux biss x’aktarx jikkawżaw deterjorament/qerda tas-siti ta’ tgħammir iżda x’aktarx jiddisturbaw ukoll il-fkieren ikkonċernati, partikolarment fil-perijodu ta’ inkubazzjoni, tat-tfaqqis tal-bajd u fil-perijodu ta’ meta l-fkieren imfaqqsa jivvjaġġaw lejn il-baħar.
6.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) u (3) tad-Direttiva sa fejn:
(a)
id-deterjorament tal-habitati u t-tfixkil sinjifikattiv tal-ispeċi f’siti nnominati ma humiex evitati. Fil-fatt, billi ttollerat, b’mod kuntrarju għall-Artikolu 6(2), serje ta’ attivitajiet mhux ikkontrollati u/jew mhux irregolati, il-Greċja naqset f’dan il-każ partikolari milli tieħu l-miżuri xierqa sabiex tiżgura li jiġi evitat dan id-deterjorament tal-habitati u t-tfixkil tal-ispeċi.
(b)
l-attivitajiet identifikati inkwistjoni twettqu mingħajr ma saret qabel l-evalwazzjoni xierqa meħtieġa tal-effetti tagħhom fuq bażi individwali għal kull proġett partikolari jew tal-effetti tagħhom meqjusa flimkien, meta l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva jeħtieġ li jkun hemm evalwazzjoni xierqa ta’ kull pjan jew proġett li ma jkunx jikkonċerna direttament l-habitat jew ma jkunx neċessarju għall-konservazzjoni tiegħu, iżda x’aktarx ikollu effetti sinjifikattivi fuqu, f’dak li jirrigwarda l-implikazzjonijiet għall-konservazzjoni tiegħu.
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102.
Full & Egal Universal Law Academy