2.2.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 34/16
Appell ippreżentat fis-26 ta’ Novembru 2014 minn Royal Scandinavian Casino Århus I/S mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fis-26 ta’ Settembru 2014 fil-Kawża T-615/11, Royal Scandinavian Casino Århus vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-541/14 P)
(2015/C 034/18)
Lingwa tal-kawża: id-Daniż
Partijiet
Appellanti: Royal Scandinavian Casino Århus I/S (rappreżentanti: B. Jacobi u P. Vesterdorf, avukati)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika ta’ Malta, Betfair Group plc, Betfair International Ltd, European Gaming and Betting Association (EGBA)
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Settembru 2014 mogħtija fil-Kawża T-615/11, Royal Scandinavian Århus vs Il-Kummissjoni, dwar il-miżura C 35/10 (ex N 302/10) li d-Danimarka qed tipproponi li timplementa fil-forma ta’ taxxi fuq il-logħob on-line fil-liġi Daniza dwar it-taxxi fuq il-logħob, sa fejn din tikkonstata n-nuqqas ta’ locus standi tal-appellanti
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjez tagħha stess kif ukoll għal dawk tal-appellanti, u tordna li l-partijiet intervenjenti jbatu l-ispejjeż tagħhom stess sostnuti fil-kuntest tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
Aggravji u argumenti prinċipali
1°
L-appellanti ssostni li l-konstatazzjoni tas-sentenza appellata li tgħid li hija ma għandiex locus standi hija ineżatta, għaliex hija tissodisfa r-rekwiżiti imposti fl-Artikolu 263 TFUE sabiex tressaq rikors kontra l-Kummissjoni.
2o)
L-appellanti ssostni wkoll li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Settembru 2014 mogħtija fil-Kawża T-615/11 hija vvizzjata bi żbalji ta’ liġi dwar il-preġudizzju għall-interessi tal-appellanti, jiġifieri:
a)
fil-punt 43, billi tinvoka nuqqas ta’ provi u billi tikkonstata li l-appellanti ma wrietx l-importanza tal-impatt li l-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni jista’ jkollha fuq is-sitwazzjoni ekonomika tagħha;
b)
fil-punt 44, billi kkonkludiet li l-appellanti ma stabbilixxietx li l-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni setgħet tikkawża dannu sostanzjali għall-pożizzjoni tagħha fis-suq ikkonċernat u li għaldaqstant ma hijiex ikkonċernata individwalment;
c)
fil-punt 42, billi kkonstatat li l-appellanti ma hijiex individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata, minkejja li hija tifforma parti minn ċirku limitat ta’ każinójiet fiżiċi;
d)
fil-punt 52, billi kkonstatat li r-rikors tal-appellanti ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà previsti fl-aħħar parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE;
e)
fil-punt 53, billi kkonstatat li r-rikors għandu jiġi miċħud minħabba n-nuqqas ta’ locus standi tal-appellanti.
3o)
L-appellanti ssostni li l-każinó huwa kkonċernat individwalment għaliex:
—
l-appellanti kienet ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni dwar il-miżura ta’ għajnuna li tikkonsisti f’intaxxar sinjifikattivvament iktar baxxa tal-każinójiet on-line, hija pparteċipat b’mod attiv kemm qabel kif ukoll matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali u l-każinó kien sinjifikattivament affettwat minħabba l-imsemmija miżura ta’ għajnuna;
—
l-impriża tal-appellanti tifforma parti minn numru limitat ta’ każinójiet fiżiċi affettwati mill-miżura ta’ għajnuna li, kemm legalment kif ukoll effettivament, huma distinti minn attivitajiet oħra eżerċitati fid-Danimarka;
—
id-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni, li tawtorizza l-iskema ta’ għajnuna Daniża f’forma ta’ intaxxar imnaqqas għall-każinójiet on-line, ma tikkostitwixxix att regolamentari li jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni, minn tal-inqas fir-rigward tal-appellanti.
Full & Egal Universal Law Academy