2.3.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 73/10
Appell ippreżentat fit-28 ta’ Novembru 2014 minn Arnoldo Mondadori Editore SpA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fis-26 ta’ Settembru 2014 fil-Kawża T-490/12 – Arnoldo Mondadori Editore SpA vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
(Kawża C-548/14 P)
(2015/C 073/16)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Arnoldo Mondadori Editore SpA (rappreżentanti: G. Dragotti, R. Valenti, S. Balice, E. Varese, avukati)
Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), Grazia Equity GmbH
Talbiet tal-appellant
—
tannulla l-punti 25 sa 33 u 68 sa 83 tas-sentenza kkontestata għall-motivi kollha esposti fl-appell;
—
tilqa’ r-rikors tal-appellanti kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell jew, sussidjarjament, terġa’ tibgħat il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex teżaminaha mill-ġdid, u;
—
tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż tal-appellanti, kemm tal-ewwel istanza kif ukoll tal-istanza tal-appell.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti ssostni li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata parzjalment minħabba l-aggravji li ġejjin:
a)
il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi eskludiet l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 (1) mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar in-natura kumplementari tal-prodotti u servizzi u tal-prinċipju ta’ interdipendenza; barra minn hekk il-Qorti Ġenerali kisret jew għawġet il-fatti u l-provi prodotti quddiemha minn Arnoldo Mondadori Editore fir-rigward tax-xebh bejn il-prodotti u servizzi kkonċernati, mill-inqas b’rabta mal-kunċett ta’ natura kumplementari.
b)
il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 għar-raġunijiet li ġejjin:
i)
il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi attribwixxiet intensità speċifika għar-reputazzjoni tat-trade mark ta’ Arnoldo Mondadori Editore, li ma hijiex meħtieġa għall-finijiet tal-implementazzjoni tal-protezzjoni addizzjonali mogħtija mill-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009; barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma kkonformatx ruħha mal-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-livell ta’ reputazzjoni ta’ trade mark.
ii)
il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi eskludiet l-eżistenza ta’ rabta bejn it-trade marks abbażi ta’ evalwazzjoni tal-fatturi rilevanti (b’mod partikolari n-natura tal-prodotti jew servizzi kkonċernati, il-pubbliku kkonċernat, l-intensità tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, il-livell tal-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti) mhux konformi mal-kriterji stabbiliti mill-ġurispridenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009; il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball billi eżaminat l-eżistenza ta’ riskju ta’ konfużjoni bejn it-trade marks ikkonċernati, liema fatt ma huwiex meħtieġ għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009;
iii)
il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ċaħdet l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 mingħajr ma evalwat jekk is-sinjal li għaliha saret l-applikazzjoni setgħetx tikseb vantaġġ indebitu mit-trade mark preċedenti li kien igawdi minn reputazzjoni jew kien jikkawżalu preġudizzju.
(1) Regolament tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy