9.2.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 46/31
Appell ippreżentat fil-5 ta’ Diċembru 2014 mir-Renju tal-Isvezja mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fil-25 ta’ Settembru 2014 fil-Kawża T-306/12, Spirlea vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-562/14 P)
(2015/C 046/37)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellant: Ir-Renju tal-Isvezja (rappreżentant: C. Meyer-Seitz, aġent)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Darius Nicolai Spirlea u Mihaela Spirlea, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju ta’ Spanja
Talbiet
—
l-annullament tas-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fil-25 ta’ Settembru 2014 fil-kawża Spirlea vs Il-Kummissjoni (T-306/12),
—
l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Ġunju 2012 li tirrifjuta li tagħti lill-konjuġi Spirlea aċċess għad-dokumenti mitluba u
—
l-kundanna tal-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellant jinvoka tliet aggravji insostenn tal-appell tiegħu.
Fl-ewwel aggravju tiegħu, huwa jsostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ir-regolament dwar it-trasparenza) (1), billi qieset li l-Kummissjoni tista’, meta hija tinvoka l-eċċezzjoni dwar il-proċeduri ta’ investigazzjoni, tibbaża ruħha fuq preżunzjoni ġenerali sabiex tirrifjuta l-aċċess għal dokumenti relatati ma’ proċedura EU Pilot, bħala stadju li jippreċedi l-ftuħ formali eventwali ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, u li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi billi interpretat din id-dispożizzjoni tar-regolament dwar it-trasparenza fis-sens li hija setgħet tiċħad it-talba għall-aċċess għad-dokumenti kkontestati relatati ma’ proċedura EU Pilot mingħajr ma teżaminahom b’mod konkret u individwali.
Fit-tieni aggravju tiegħu, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-regolament dwar it-trasparenza billi kkonkludiet li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li ebda interess pubbliku superjuri ma kien jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti taħt din id-dispożizzjoni ma hija vvizzjata b’ebda żball.
Fit-tielet aggravju tiegħu, huwa jargumenta li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat id-dritt tal-Unjoni billi qieset li, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat skont l-Artikolu 263 TFUE, il-legalità tal-att ikkontestat għandha, anke fil-każ li kawża għandha tiġi deċiża fid-dawl tar-regolament dwar it-trasparenza, tiġi evalwata abbażi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data li fiha l-att ġie adottat.
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331.
Full & Egal Universal Law Academy