2.2.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 34/18
Appell ippreżentat fid-9 ta’ Diċembru 2014 minn Jean-Charles Marchiani mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fl-10 ta’ Ottubru 2014 fil-Kawża T-479/13, Marchiani vs Il-Parlament
(Kawża C-566/14 P)
(2015/C 034/20)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellant: Jean-Charles Marchiani (rappreżentant: C.-S. Marchiani, avukat)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Parlament Ewropew
Talbiet tal-appellant
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tal-10 ta’ Ottubru 2014, Jean-Charles Marchiani vs Il-Parlament Ewropew, mogħtija fil-Kawża T-479/13.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka ħames aggravji.
L-ewwel nett, huwa jsostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta rrifjutat li tapplika fil-konfront tiegħu t-testi li jikkonċernaw miżuri ta’ applikazzjoni tal-istatut tad-deputati fil-Parlament Ewropew. Fil-fatt, id-deċiżjoni tal-4 ta’ Lulju 2013 ittieħdet wara proċedura irregolari minħabba li hija kuntrarja għad-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Mejju u tad-9 ta’ Lulju 2008 li timplementa l-istatut tad-deputati fil-Parlament Ewropew. Barra minn hekk, din id-deċiżjoni ġiet adottata, b’mod iktar wiesa’, bi ksur tal-prinċipji ta’ kontradittorju u ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża.
It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u vvizzjat ir-raġunament tagħha b’kontradizzjoni tal-motivi meta rreferiet għar-Regoli dwar il-ħlas ta’ spejjeż u allowances lill-Membri tal-Parlament Ewropew (iktar ’il quddiem ir-“Regoli SAM”) sabiex tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata fl-4 ta’ Lulju 2013. Minn naħa, id-deċiżjoni tal-4 ta’ Lulju 2013 tirriżulta minn applikazzjoni żbaljata tar-Regoli SAM revokati mill-2009. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali, li inizjalment kienet irreferiet għar-Regoli SAM, imbagħad abbandunatat kull riferiment għalihom sabiex tressaq bħala l-bażi legali esklużiva r-Regolament Finanzjarju tal-Unjoni Ewropea ppubblikat fl-2012.
It-tielet nett, l-appellant jallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta imponiet l-oneru tal-prova esklużivament fuqu.
Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali approvat ksur serju tal-prinċipju ta’ imparzjalità li japplika għal kull awtorità tal-Unjoni Ewropea fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma kkunsidrat il-funzjonijiet politiċi eżerċitati qabel mis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew, awtur tad-deċiżjoni kkontestata.
Fl-aħħar nett, ir-rikorrent jikkontesta lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi billi aċċettat li d-deċiżjoni tal-4 ta’ Lulju 2013 tiddeċiedi dwar somom li l-irkupru tagħhom kieku fi kwalunkwe każ kien preskritt. Ir-rikorrent għalhekk isostni li l-fatt li l-Qorti Ġenerali naqset milli tikkunsidra r-regoli ta’ preskrizzjoni wassal għal ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-atti Komunitarji, tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi, kif ukoll ksur tal-prinċipju ta’ tul raġonevoli.
Full & Egal Universal Law Academy