2.3.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 73/13
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Noord-Holland (il-Pajjiżi l-Baxxi) fl-10 ta’ Diċembru 2014 – Timberland Europe BV vs Inspecteur van de Belastingdienst, kantoor Rotterdam Rijnmond
(Kawża C-571/14)
(2015/C 073/19)
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Qorti tar-rinviju
Rechtbank Noord-Holland
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Timberland Europe BV
Konvenut: Inspecteur van de Belastingdienst, kantoor Rotterdam Rijnmond
Domandi preliminari
1)
Ir-Regolament (KE) Nru 1472/2006 (1) huwa invalidu fir-rigward tal-produttur-esportatur (C) stabbilit fil-Vjetnam u tal-produttur-esportatur (F) stabbilit fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, sa fejn dan jikser l-Artikoli 2(7)(b) u 9(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 (2) (iktar ’il quddiem “ir-Regolament bażiku”) peress li l-Kummissjoni la ddeċidiet dwar l-istatus ta’ kumpannija li topera f’ekonomija tas-suq u lanqas dwar it-trattament individwali, hekk kif mitluba mill-produtturi-esportaturi msemmija iktar ’il fuq?
2)
Ir-Regolament (KE) Nru 1472/2006 huwa invalidu fil-parti li tirrigwarda l-produtturi-esportaturi msemmija fl-ewwel domanda, sa fejn dan jikser l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku peress li l-Kummissjoni ma ddeċidietx fit-terminu ta’ tliet xhur mid-data tal-bidu tal-investigazzjoni?
3)
Ir-Regolament (KE) Nru 1472/2006 huwa invalidu fir-rigward tal-produttur-esportatur (A), li jifforma parti minn (B), stabbilit fil-Vjetnam u tal-produttur esportatur (D), li jifforma parti minn (E), stabbilit fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, sa fejn dan jikser l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku peress li l-Kummissjoni ma ddeċidietx fit-terminu ta’ tliet xhur mid-data tal-bidu tal-investigazzjoni?
(1) Ir-Regolament tal-Kunsill, tal-5 ta’ Ottubru 2006, jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ lbies għar-riġlejn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Vjetnam (ĠU L 352M, 31.12.2008, p. 485).
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45).
Full & Egal Universal Law Academy