16.3.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 89/2
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Najwyższy (il-Polonja) fil-11 ta’ Diċembru 2014 – PGE Górnictwo i Energetyka Konwencjonalna vs Prezes Urzędu Regulacji Energetyki
(Kawża C-574/14)
(2015/C 089/03)
Lingwa tal-kawża: il-Pollakk
Qorti tar-rinviju
Sąd Najwyższy
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: PGE Górnictwo i Energetyka Konwencjonalna S.A.
Konvenut: Prezes Urzędu Regulacji Energetyki
Domandi preliminari
1)
L-Artikolu 107 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE u mal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-25 ta’ Settembru 2007 (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-Kummissjoni tqis għajnuna mill-Istat bħala kompatibbli mas-suq komuni, il-qorti nazzjonali ma tkunx awtorizzata tivverifika jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali meqjusa bħala għajnuna mill-Istat awtorizzata jikkonformawx mal-prinċipji tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-metodoloġija ta’ analiżi tal-għajnuna mill-Istat marbuta ma’ spejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati (iktar ’il quddiem il-“metodoloġija tal-ispejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati”)?
2)
L-Artikolu 107 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE u mal-Artikolu 4(1) u (2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta ‘Settembru 2007, interpretati fid-dawl tal-punti 3.3 u 4.2 tal-metodoloġija tal-ispejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati, għandu jinftiehem fis-sens li, waqt l-implementazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna mill-Istat meqjusa mill-Kummissjoni bħala kompatibbli mas-suq komuni, l-aġġustament annwali tal-ispejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati għal produtturi li jagħmlu parti minn gruppi ta’ impriżi jitwettaq billi wieħed jippresupponi li l-unika kwistjoni rilevanti hija dik tal-appartenenza tal-produttur fi grupp ta’ impriżi konformement mal-preżentazzjoni fl-annessi tal-att legali evalwat mill-Kummissjoni, jew tabilħaqq fis-sens li għal kull sena li għaliha jitwettaq l-aġġustament tal-ispejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-appartenenza effettiva, f’dak il-mument, tal-benefiċjarju tal-iskema ta’ għajnuna mill-Istat marbuta ma’ spejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati, fi grupp ta’ impriżi flimkien ma’ produtturi oħra li jaqgħu taħt din l-iskema?
(1) Deċiżjoni 2009/287/KE dwar għajnuna mill-istat mogħtija mill-Polonja bħala parti mill-Ftehimiet dwar ix-Xiri tal-Enerġija u dwar l-għajnuna mill-istat li l-Polonja qed tippjana li tagħti dwar il-kumpens għat-terminazzjoni volontaria tal-Ftehimiet dwar ix-Xiri tal-Enerġija (notifikata bid-dokument numru C(2007) 4319, ĠU L 83, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy