23.2.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 65/25
Appell ippreżentat fil-11 ta’ Diċembru 2014 minn Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fit-2 ta’ Ottubru 2014 fil-Kawża T-340/07 RENV: Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-575/14 P)
(2015/C 065/35)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE (rappreżentanti: M. Sfyri, I. Ampazis, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali li tinsab taħt appell.
—
tikkundanna lill-Kummissjoni tikkumpensa d-dannu mġarrab mill-appellanti b’riżultat tan-nuqqas tal-Kummissjoni li tikkonforma ruħha mal-obbligi kuntrattwali fil-kuntest tal-kuntratt EDC-53007 EEBO/27873 dwar il-proġett intitolat “e-Content Exposure and Business Opportunities”. B’mod iktar partikolari, tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas l-ammont ta’ EUR 1 72 588,62, li jirrappreżenta l-ispejjeż kollha mġarrba mill-appellanti fir-rigward tax-xogħol kollu mwettaq mill-appellanti qabel ir-rexissjoni tal-kuntratt tas-16 ta’ Mejju 2003 u kkunsinnat mill-appellanti skont l-obbligi kuntrattwali tagħha. Sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-appellanti kellha twaqqaf kull xogħol mis-16 ta’ Mejju 2003, tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas mill-inqas l-ammont ta’ EUR 1 27 076,48, li jirrappreżenta l-ispejjeż kollha mġarrba jew imħallsa mill-appellanti legalment u strettament skont it-termini tal-kuntratt tagħha, sa dik id-data.
—
Tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż kollha, inklużi l-ispejjeż sostnuti waqt il-proċedura inizjali, anki fl-ipoteżi ta’ ċaħda ta’ dan l-appell, kif ukoll l-ispejjeż sostnuti fil-kuntest ta’ dan l-appell, fil-każ li jintlaqa’.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti tibbaża l-appell tagħha fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali żnaturat it-tifsira ċara tal-provi quddiemha, billi interpretat b’mod żbaljat l-Anness II “Kundizzjonijiet Ġenerali” tal-kuntratt EDC-53007 EEBO/27873, billi mminat il-valur probatorju tad-dikjarazzjoni tan-nefqa sottomessa u, konsegwentement, billi evalwat b’mod żbaljat li d-dokumenti prodotti mill-appellanti ma kinux xierqa u suffiċjenti sabiex jipprovaw li l-ispejjeż imsemmija fihom attwalment ġew imġarrba għall-implementazzjoni tal-proġett.
Full & Egal Universal Law Academy