2.3.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 73/14
Appell ippreżentat fil-11 ta’ Diċembru 2014 minn Mirelta Ingatlanhasznosító Kft. mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Il-Hames Awla) fid-19 ta’ Novembru 2014 fil-Kawża T-430/14, Mirelta Ingatlanhasznosító Kft. vs Il-Kummissjoni Ewropea u L-Ombudsman Ewropew
(Kawża C-576/14 P)
(2015/C 073/20)
Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż
Partijiet
Appellanti: Mirelta Ingatlanhasznosító Kft. (rappreżentant: K. Pap, avukat)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea u l-Ombudsman Ewropew
Talbiet
—
tannulla d-digriet appellat u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.
Aggravji u argumenti prinċipali
Aggravju prinċipali: l-interpretazzjoni żbaljata tar-rikors mill-Qorti Ġenerali.
Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali interpretat u rriformulat b’mod żbaljat it-talbiet tagħha, kif ukoll interpretat b’mod żbaljat il-motivazzjoni tar-rikors tagħha billi kkunsidrat li dan kien ġie ppreżentat minħabba r-“[r]ifjut tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu”.
L-appellanti tallega li r-rikors tagħha kien intiż sabiex il-Qorti Ġenerali “tobbliga lill-Kummissjoni Ewropea twettaq proċedura konformi mad-dritt tal-Unjoni u li tiggarantixxi l-effettività tad-dritt tal-Unjoni”.
L-appellanti ppreżentat rikors fuq din il-bażi kontra l-Kummissjoni peress li l-ksur manifest tad-dritt tagħha għal amministrazzjoni tajba kellu bħala konsegwenza l-ksur ta’ dritt fundamentali li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tirrikonoxxilha. Hija tqis li billi l-Kummissjoni baqgħet lura milli twettaq proċedura ekwa, li twettaq analiżi konformi mad-dritt tal-Unjoni u li tiżgura l-effettività tad-dritt tal-Unjoni (b’mod partikolari tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea), hija ma ċaħdithiex biss mid-dritt tagħha għal amministrazzjoni tajba iżda wkoll, fl-istess waqt, mid-dritt tagħha għal proċedura ġudizzjarja effettiva.
L-appellanti tqis li l-interpretazzjoni tar-rikors tagħha fl-ewwel istanza magħmula mill-Qorti Ġenerali tfisser li proċedura konformi mad-dritt tal-Unjoni timplika awtomatikament li, fil-każ ta’ eżami oġġettiv skont id-dritt tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tiftaħ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, filwaqt li l-appellanti ma tistax tirrikjedi tali ħaġa.
Bil-kontra, l-appellanti taħseb li mid-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li għandha l-istess valur legali bħat-Trattati, jirriżulta li huwa biss wara li wettqet eżami ekwu li l-Kummissjoni għandha l-possibbiltà li tevalwa, billi tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza, l-opportunità li tiftaħ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu; b’hekk, l-amministrazzjoni tajba hija r-rekwiżit prinċipali, il-Kummissjoni tista’ teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha – li, skont l-appellanti, ma hijiex estiża għall-ksur tad-drittijiet fundamentali – biss fid-dawl ta’ amministrazzjoni tajba preċedenti peress li l-Kummissjoni inkella tista’ (bħal, wara kollox, f’kull kawża oħra) issib ruħha f’sitwazzjoni fejn ma hemm xejn li jeħtieġ li jiġi evalwat.
Aggravju sussidjarju: il-possibbiltà li l-Istati Membri jiġu eżentati mill-obbligu tagħhom li japplikaw id-dritt derivat u r-Regolament, u dan wisq inqas b’mod indirett, ma taqax taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni, skont id-dritt tal-Unjoni.
L-analiżi tal-Qorti Ġenerali esposta fil-punt 6 tad-digriet fir-rigward tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni tikser, minn numru ta’ aspetti, dispożizzjonijiet imperattivi u mhux ambigwi tat-Trattati u, konsegwentement, li ma humiex tali li jkunu suġġetti għas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni; barra minn hekk l-appellanti tqis li l-obbligu li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet fundamentali previsti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea lanqas ma jista’ jkun suġġett għas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni.
Fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza lanqas darba ma kkritikat id-dritt ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni, iżda fil-verità tikkritika l-fatt li l-Kummissjoni lanqas kellha l-possibbiltà li teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha fis-sens tal-ġurisprudenza stabbilita invokata mill-Qorti Ġenerali, peress li l-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali jassumi li l-eżami nnifsu jkun ekwu u li jkun hemm element li jkun jista’ jiġi evalwat b’mod effettiv.
It-Trattat jipprevedi li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tiżgura l-effettività tad-dritt tal-Unjoni; dan huwa obbligu mogħti lilha mit-Trattat, li għandu preċedenza fuq il-ġurisprudenza.
Fil-każ konkret, l-aġent tal-Unjoni li wettaq l-eżami (korp tal-Unjoni) ċaħħad lill-appellanti minn dritt fundamentali peress li huwa stess wettaq evalwazzjoni u ħa deċizjoni minflok il-Kummissjoni, preċedentement u b’mod mhux ekwu, dwar kwistjonijiet li ma setgħux ikunu suġġetti għal setgħa diskrezzjonali, jiġifieri li, minflok il-possibbiltà ta’ evalwazzjoni, huwa l-aġent inkarigat mill-fajl li ddeċida l-kawża tal-appellanti, b’konstatazzjonijiet fattwali żbaljati.
L-appellanti tqis li la l-qorti nazzjonali u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jistgħu jevalwaw jekk, fil-każ ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, dwar l-implementazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, hijiex obbligatorja jew le, u li l-Kummissjoni lanqas ma tista’ tikkonstata li r-rifjut li jiġi applikat ir-regolament tal-Unjoni (in-nuqqas evidenti ta’ applikazzjoni) huwa ekwivalenti għall-idea li dan lanqas ma ġie applikat “b’ċertu mod”. Fiha nnifisha, din is-sempliċi konstatazzjoni tipprova diġà l-ksur tad-dritt tal-appellanti għal proċess ekwu, li b’konsegwenza ta’ dan ġiet imċaħħda minn proċedura ġudizzjarja effettiva u mill-qorti tagħha skont il-liġi.
Full & Egal Universal Law Academy