23.3.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 96/3
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Madrid, Sección 3 de lo Social (Spanja) fit-22 ta’ Diċembru 2014 – Ana de Diego Porras vs Ministerio de Defensa
(Kawża C-596/14)
(2015/C 096/05)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Qorti tar-rinviju
Tribunal Superior de Justicia de Madrid, Sección 3 de lo Social
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Ana de Diego Porras
Konvenut: Ministerio de Defensa
Domandi preliminari
1)
Il-kumpens imħallas fi tmiem kuntratt ta’ xogħol temporanju għandu jiġi kkunsidrat li jaqa’ taħt il-kundizzjonijiet ta’ impjieg li għalihom tagħmel riferiment il-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas CES, UNICE u CEEP (1)?
2)
Jekk dan il-kumpens huwa kkunsidrat li jaqa’ taħt l-imsemmija kundizzjonijiet ta’ impjieg, il-ħaddiem li jkollu kuntratt jew relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat konkluż direttament bejn l-impjegat u l-ħaddiem fejn it-tmiem tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ xogħol huwa ddeterminat minn kundizzjonijiet oġġettivi bħal data konkreta, it-twettiq ta’ xogħol jew servizz partikolari, jew fil-każ li jseħħ xi avveniment partikolari, għandu jirċievi, fi tmiem il-kuntratt, l-istess kumpens bħal dak li jirċievi ħaddiem li jkollu kuntratt għal żmien indeterminat paragunabbli li l-kuntratt tiegħu jintemm għal raġunijiet oġġettivi?
3)
Jekk il-ħaddiem temporanju għandu id-dritt li jirċievi l-istess kumpens bħal dak ta’ ħaddiem għal żmien indeterminat li l-kuntratt tiegħu jintemm għal raġunijiet oġġettivi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 49(1)(c) tal-Istatut tal-Ħaddiema ttraspona korrettament id-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, jew li huwa diskriminatorju u kuntrarju għall-imsemmija direttiva, sa fejn jimmina l-għan u l-effettività tagħha?
4)
Fl-assenza ta’ raġunijiet oġġettivi għall-esklużjoni tal-ħaddiema li l-kuntratt tagħhom jipprovdi essenzjalment għas-sostituzzjoni ta’ ħaddiem li għandu d-dritt li jżomm il-post ta’ xogħol tiegħu, mid-dritt li jirċievu kumpens meta l-kuntratt ta’ xogħol temporanju tagħhom jintemm, id-distinzjoni stabbilita mill-Istatut tal-Ħaddiema bejn il-kundizzjonijiet ta’ impjieg ta’ dawn il-ħaddiema u dawk mhux biss tal-ħaddiema għal żmien indeterminat, iżda wkoll ta’ ħaddiema oħra temporanji, hija diskriminatorja?
(1) Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 65
Full & Egal Universal Law Academy