23.3.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 96/4
Appell ippreżentat fit-22 ta’ Diċembru 2014 mill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fil-21 ta’ Ottubru 2014 fil-Kawża T-453/11, Szajner vs UASI
(Kawża C-598/14 P)
(2015/C 096/06)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellant: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) (rappreżentant: A. Folliard-Monguiral, aġent)
Partijiet oħra fil-proċedura: Gilbert Szajner, Forge de Laguiole
Talbiet tal-appellant
—
li tannulla s-sentenza appellata,
—
li tikkundanna lir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali għall-ispejjeż sostnuti mill-Uffiċċju.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellant jinvoka żewġ aggravji insostenn tal-appell tiegħu, jiġifieri, il-ksur tal-Artikolu 65 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark komunitarja (1), u l-ksur tal-Artikolu 8(4), tal-istess regolament flimkien mal-Artikolu L 711-4 tal-kodiċi Franċiż dwar il-proprjetà intelletwali.
Skont l-appellant, il-Qorti tista’ tannulla jew tirriforma d-deċiżjoni biss jekk fil-mument meta tkun ittieħdet, din kienet mittiefsa minn wieħed mir-raġunijiet għall-annullament jew ta’ riformazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 65(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009. Il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 65(2) tar-Regolament imsemmi hawn fuq billi injorat il-portata tal-istħarriġ tagħha, li għandu jkun limitat għal punti ta’ liġi (inkluża l-ġurisprudenza eżistenti fil-jum li tiġi adottata d-deċiżjoni) u ta’ fatt ippreżentati quddiem il-Bord tal-Appell. Il-Qorti Ġenerali ma stabbilixxietx li l-Bord tal-Appell wettaq żball fil-jum li ġiet adottata d-deċiżjoni kontestata. Il-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell b’tagħha stess u wettqet evalwazzjoni tas-sentenza tal-qorti tal-kassazzjoni Franċiża tal-10 ta’ Lulju 2012, li fuqha l-imsemmi Bord ma setax jieħu pożizzjoni.
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali żnaturat is-sentenza tal-qorti ta’ kassazzjoni Franċiza tal-10 ta’ Lulju 2012 meta ddikjarat li kienet “nieqsa minn kull ambigwità fir-rigward tal-portata tal-protezzjoni mogħtija lil denominazzjoni soċjali u għandha tiġi applikata b’mod ġenerali”, filwaqt li tatha portata li ma kellhiex fil-konfront tad-dokumenti l-oħra tal-proċess, fil-kuntest tal-Artikolu 711-4 tal-kodiċi ċivili Franċiż dwar il-proprjetà intellettwali.
Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball billi ddeterminat is-setturi ta’ attività tal-kumpannija Forge de Laguiole fid-dawl ta’ kriterji speċifiċi għal-liġi tat-trade marks. Il-Qorti Ġenerali kellha tiddetermina s-setturi ta’ attività tal-kumpannija Forge de Laguiole b’riferiment għad-destinazzjoni u l-utilizzazzjoni tal-prodotti mibjugħa minn din tal-aħħar, u mhux mhux biss fir-rigward tal-kriterju tan-natura tal-prodott.
(1) ĠU L 78, p. 1
Full & Egal Universal Law Academy