16.3.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 89/11
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Handelsgericht Wien (l-Awstrija) fid-29 ta’ Diċembru 2014 – Stephan Naumann vs Austrian Airlines AG
(Kawża C-612/14)
(2015/C 089/12)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Handelsgericht Wien
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Stephan Naumann
Konvenuta: Austrian Airlines AG
Domandi preliminari
1)
Id-dritt għal kumpens previst fl-Artikolu 7 (Dritt għall-kumpens) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan huwa dritt għal kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa, piena kuntrattwali, dritt għal danni punittivi (“punitive damage”), dritt li jippreżenta natura ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt u garanzija jew dritt sui generis?
2)
It-tnaqqis tal-kumpens previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1) (Kumpens ulterjuri) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan għandu jirrigwarda biss id-dritt għal kumpens komplementari tal-passiġġier kontra t-trasportatur tal-ajur effettiv jew ukoll dritt għal kumpens komplementari tal-passiġġier kontra l-operatur tat-tour?
3)
Id-dritt għal kumpens komplementari tal-passiġġier previst fl-Artikolu 12(1) (Kumpens ulterjuri) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jinkludi anki dritt għal tnaqqis tal-prezz (garanzija) previst mid-dritt nazzjonali f’każ ta’ dewmien ta’ titjira?
4)
Tnaqqis fil-prezz mogħti lill-passiġġier mill-operatur tat-tour skont id-dritt nazzjonali (garanzija) u/jew danni bħala kumpens għad-dewmien ta’ titjira jistgħu jitnaqqsu mill-kumpens dovut mit-trasportatur tal-ajru effettiv skont l-Artikolu 7 (Dritt għall-kumpens) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, sabiex jiġi kkumpensat l-istess dewmien (Artikolu 12)?
5)
Sa fejn it-tnaqqis huwa possibbli: it-trasportatur tal-ajru jista’ dejjem iwettaq tali tnaqqis jew dan jiddependi mill-kwistjoni dwar sa fejn id-dritt nazzjonali jawtorizzah jew sa fejn il-qorti tqis dan bħala xieraq?
6)
Sa fejn id-dritt nazzjonali huwa rilevanti jew sa fejn il-qorti għandha tagħti deċiżjoni diskrezzjonali: għandhom jiġu kkumpensati permezz tal-kumpens fis-sens tal-Artikolu 7 tar-Regolament unikament l-inkonvenjenzi u t-telf ta’ ħin subit mill-passiġġier minħabba d-dewmien jew ukoll id-danni materjali?
(1) Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).
Full & Egal Universal Law Academy