23.3.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 96/6
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski gradski sad (il-Bulgarija) fil-31 ta’ Diċembru 2014 – Proċeduri kriminali kontra Atanas Ognyanov
(Kawża C-614/14)
(2015/C 096/08)
Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru
Qorti tar-rinviju
Sofiyski gradski sad
Partijiet fil-kawża prinċipali
Proċeduri kriminali kontra: Atanas Ognyanov
Fil-preżenza ta’: Sofiyska gradska prokuratura
Domandi preliminari
1.
Ikun hemm ksur tad-dritt tal-Unjoni (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u dispożizzjonijiet rilevanti oħra) jekk, wara li tasal id-deċiżjoni preliminari, il-qorti li tkun bagħtet it-talba għal deċiżjoni preliminari tkompli bl-eżami tal-kawża u tagħti deċiżjoni dwar il-mertu, mingħajr ma tastjeni? Ir-raġuni għal din l-astensjoni hija l-espressjoni mill-qorti tar-rinviju ta’ opinjoni provviżorja dwar il-mertu tal-kawża fit-talba għal deċiżjoni preliminari (jekk jitqies li huwa stabbilit qafas fattwali partikolari u jekk jitqies li regola legali partikolari hija applikabbli għal dan il-qafas fattwali).
Id-domanda qiegħda ssir fuq il-premessa li, fid-determinazzjoni tal-fatti u tad-dritt applikabbli għall-finijiet tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, ġew osservati r-regoli proċedurali kollha sabiex jitħares id-dritt tal-partijiet li jipproduċu provi u li jagħmlu sottomissjonijiet orali.
2.
Jekk, b’risposta għall-ewwel domanda preliminari, it-tkomplija tal-eżami tal-kawża titqies li hija konformi mad-dritt, ikun hemm ksur tad-dritt tal-Unjoni jekk:
A)
fid-deċiżjoni finali tagħha, il-qorti tar-rinviju tirripproduċi mingħajr emenda dak kollu li tkun ikkonstatat fit-talba għal deċiżjoni preliminari, filwaqt li tirrifjuta li tiġbor provi ġodda jew li tisma’ lill-partijiet fir-rigward ta’ dawn il-konstatazzjonijiet ta’ fatt jew ta’ liġi? Fil-verità, il-qorti tar-rinviju tiġbor provi ġodda u tisma’ lill-partijiet biss fir-rigward tal-punti li ma ġewx ikkunsidrati li huma stabbiliti fit-talba għal deċiżjoni preliminari.
B)
il-qorti tar-rinviju tibqa’ tiġbor provi ġodda u tisma’ l-partijiet fir-rigward tal-punti rilevanti kollha, inklużi l-punti li dwarhom diġà espremiet l-opinjoni tagħha fit-talba għal deċiżjoni preliminari, u, fid-deċiżjoni finali tagħha, tirripproduċi l-aħħar opinjoni tagħha, filwaqt li tibbaża ruħha fuq il-provi kollha miġbura u wara li tkun eżaminat l-osservazzjonijiet kollha tal-partijiet, kemm dawk magħmula qabel ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari u kemm dawk magħmula wara li tasal id-deċiżjoni preliminari?
3.
Jekk, b’risposta għall-ewwel domanda preliminari, it-tkomplija tal-eżami tal-kawża titqies li hija konformi mad-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ, ikun konformi mad-dritt tal-Unjoni li l-qorti tagħżel li ma tkomplix bl-eżami tal-kawża u, minflok, tastjeni, minħabba li t-tkomplija ta’ dan l-eżami jkun kuntrarju għad-dritt nazzjonali li jiggarantixxi livell ogħla ta’ protezzjoni tal-interessi tal-partijiet u tal-ġustizzja? F’dan ir-rigward, għandu jitqies li l-astensjoni tirriżulta:
A)
mill-fatt li l-qorti tar-rinviju espremiet opinjoni provviżorja dwar il-kawża, permezz tat-talba għal deċiżjoni preliminari, qabel ma tat id-deċiżjoni finali tagħha, li għalkemm huwa ċertament awtorizzat mid-dritt tal-Unjoni huwa pprojbit mid-dritt nazzjonali;
B)
mill-fatt li l-qorti tar-rinviju ser tagħmel l-opinjoni tagħha definittiva permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet u mhux permezz ta’ deċiżjoni waħda (jekk jitqies li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija opinjoni mhux provviżorja iżda finali), li għalkemm huwa ċertament awtorizzat mid-dritt tal-Unjoni huwa pprojbit mid-dritt nazzjonali.
Full & Egal Universal Law Academy