DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
12 ta’ Frar 2015 ( *1 )
“Appell — Trade mark Komunitarja — Appell ippreżentat minn ‘parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell’ li ma ppreżentatx risposta quddiem il-Qorti Ġenerali — Assenza ta’ kwalità ta’ intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali — Inammissibbiltà manifesta tal-appell”
Fil-Kawża C‑35/14 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-22 ta’ Jannar 2014,
Enercon GmbH, stabbilita f’Aurich (il-Ġermanja), irrappreżentata minn J. Eberhardt, avukat,
appellanti,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
Gamesa Eólica SL, stabbilita f’Sarriguren (Spanja), irrappreżentata minn E. Armijo Chávarri, avukat,
rikorrenti fl-ewwel istanza,
L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral, bħala aġent,
konvenut fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn M. Ilešič (Relatur), President tal-Awla, A. Ó Caoimh, C. Toader, E. Jarašiūnas u C. G. Fernlund, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ permezz ta’ digriet motivat, skont l-Artikolu 181 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,
tagħti l-preżenti
Digriet
1
Permezz tal-appell tagħha, Enercon GmbH (iktar ’il quddiem “Enercon”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Gamesa Eólica vs UASI – Enercon (Sfumaturi ta’ aħdar) (T‑245/12, EU:T:2013:588, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din tal-aħħar annullat id-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tal-1 ta’ Marzu 2012 (Każ R 260/2011‑1), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Gamesa Eólica SL u Enercon (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).
Il-kuntest ġuridiku
2
It-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jipprevedi:
“Appell jista’ jitressaq minn kwalunkwe parti li tkun tilfet parzjalment jew għal kollox, fit-talbiet tagħha. B’danakollu dawk li jintervjenu ħlief l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Komuntajiet, jistgħu jressqu dan l-appell biss meta d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali taffettwahom direttament.”
3
L-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprevedi:
“Il-partijiet fil-proċedura quddiem il-Bord ta’ l-Appell [tal-UASI], ħlief il-parti rikorrenti, jistgħu jieħdu sehem fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali bħala intervenjenti billi jirrispondu lir-rikors fil-forma u t-termini previsti.”
4
L-Artikolu 135(1) tal-imsemmija regoli jipprevedi dan li ġej:
“L-Uffiċċju u l-partijiet fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell barra mir-rikorrent għandhom jippreżentaw sottomissjonijiet b’risposta għat-talba f’terminu ta’ xahrejn li jibda jiddekorri min-notifika tagħha.”
5
L-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1) jiddisponi:
“Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati:
[…]
b)
trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv;
[…]”.
Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata
6
Fit-30 ta’ Jannar 2003, Enercon kisbet mill-UASI r-reġistrazzjoni bħala trade mark Komunitarja, bin-Nru 2 346 542, tas-sinjal li ġej (iktar ’il quddiem it-“trade mark ikkontestata”):
7
Il-prodotti li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata jaqgħu taħt il-klassi 7 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Konvertituri tal-enerġija prodotta mir-riħ u tal-partijiet tagħhom”.
8
L-imsemmija trade mark ġiet ikklassifikata, fil-formola tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, bħala “trade mark bil-kulur”.
9
Fis-26 ta’ Marzu 2009, Gamesa Eólica SL (iktar ’il quddiem “Gamesa”) ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark ikkontestata. Din it-talba ntlaqgħet mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-UASI, fit-8 ta’ Diċembru 2010, abbażi tal-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(b) ta’ dan.
10
Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI laqa’ l-appell kontra l-imsemmija deċiżjoni għall-annullament ta’ Enercon minħabba, b’mod partikolari, li t-trade mark ikkontestata kienet magħmula minn sinjal figurattiv li jikkonsisti f’forma bidimensjonali li tinkludi l-kuluri u li kellha karattru suffiċjentement distintiv.
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata
11
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Ġunju 2012, Gamesa ppreżentat azzjoni għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Insostenn tar-rikors tagħha, hija invokat tliet motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 minħabba l-fatt li l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI kien bi żball ikklassifika mill-ġdid it-trade mark ikkontestata, li hija trade mark bil-kulur, bħala trade mark figurattiva u kien ikkunsidra li din tal-aħħar għandha karattru distintiv. It-tieni motiv kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 207/2009 kif ukoll tal-prinċipju ta’ kontinwità funzjonali. It-tielet motiv kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 52(1)(b) ta’ dan ir-regolament, sa fejn dan il-bord ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt li Enercon kienet aġixxiet morożament meta ppreżentat l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata.
12
Wara li ċaħdet it-tieni motiv imqajjem minn Gamesa, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata billi laqgħet l-ewwel motiv minħabba li l-imsemmi bord kien ibbaża ruħu fuq perċezzjoni żbaljata tal-karattru u tal-karatteristiċi tat-trade mark ikkontestata u wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li t-trade mark ikkontestata ma kinitx trade mark bil-kulur, iżda trade mark figurattiva bidimensjonali li tinkludi l-kuluri. Peress li kkonstatat dan l-iżball ta’ evalwazzjoni li jirrigwarda l-karattru tat-trade mark ikkontestata, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tiegħu.
It-talbiet tal-partijiet
13
Enercon titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla s-sentenza appellata, u
—
tikkundanna lil Gamesa għall-ispejjeż.
14
L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tilqa’ l-appell;
—
tannulla s-sentenza appellata, u
—
tikkundanna lil Gamesa għall-ispejjeż.
15
Gamesa titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tiċħad l-appell, u
—
tikkundanna lil Enercon għall-ispejjeż.
Fuq l-appell
16
Skont l-Artikolu 181 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta l-appell ikun, kompletament jew parzjalment, manifestament inammissibbli jew manifestament infondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi li tiċħad dan l-appell, kompletament jew parzjalment, permezz ta’ digriet motivat.
17
Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka żewġ aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà tagħha minħabba fl-assenza ta’ proċedura ġudizzjarja regolari u fuq ksur tar-Regoli tal-Proċedura. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.
Fuq l-ammissibbiltà tal-appell
L-argumenti tal-partijiet
18
Gamesa ssostni li dan l-appell huwa inammissibbli, peress li Enercon irrinunzjat għall-possibbiltà li tressaq kawża quddiem il-Qorti Ġenerali bħala intervenjenti billi naqset milli tirrispondi għar-rikors promotur.
19
Enercon tirribatti li l-fatt li tirrispondi għal dan ir-rikors skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali ma huwiex l-uniku mod għal parti sabiex tintervjeni fil-proċedura pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali. Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aċċettazzjoni, minn Enercon, tal-lingwa tal-kawża kif ukoll il-preżentata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-mandat tar-rappreżentant tagħha. Enercon tirreferi għall-fatt li l-Qorti Ġenerali niżżlitha fost il-partijiet fis-sentenza appellata, li l-UASI wkoll iċċitaha fit-talbiet tiegħu u li l-iskambju ta’ korrispondenza bejnha u l-Qorti tal-Ġustizzja mill-preżentata ta’ dan l-appell jixhed il-fatt li din tal-aħħar tqis dan l-appell bħala ammissibbli.
20
L-UASI ma għamilx osservazzjonijiet b’mod espliċitu dwar l-ammissibbiltà ta’ dan l-appell. Huwa madankollu nnota, fil-kuntest tal-aggravju dwar il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, li l-appellanti kienet deliberatament għażlet li ma tippreżentax ir-risposta prevista fl-Artikolu 134(1) tal-imsemmija regoli.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
21
Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-appell jista’ jitressaq minn kwalunkwe parti li tkun tilfet parzjalment jew għal kollox fit-talbiet tagħha. B’danakollu dawk li jintervjenu ħlief l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, jistgħu jressqu dan l-appell biss meta d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali taffettwahom direttament.
22
Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li, il-partijiet fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, ħlief ir-rikorrenti, jistgħu jieħdu sehem fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali bħala intervenjenti billi jirrispondu lir-rikors fil-forma u t-termini previsti.
23
Skont l-Artikolu 135(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-UASI u l-partijiet fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell barra mir-rikorrent għandhom jippreżentaw sottomissjonijiet b’risposta għat-talba f’terminu ta’ xahrejn li jibda jiddekorri min-notifika tagħha.
24
F’dan il-każ, huwa stabbilit li r-rikorrenti ma rrisponditx għar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, li kien madankollu ġie nnotifikat lilha, u li Enercon ikkomunikat biss lil din il-qorti l-mandat mogħti lill-avukat tagħha kif ukoll ittra ta’ aċċettazzjoni tal-arranġament lingwistiku. Għalhekk hija ma tistax titqies li rrispondiet għar-rikors fil-forma u fit-termini previsti. Barra minn hekk, hija tniżżlet fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali biss bħala “parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI”.
25
Għalhekk għandu jiġi kkunsidrat li Enercon ma ħaditx sehem fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, fis-sens tal-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura ta’ din il-qorti, b’mod partikolari sa fejn hija la ressqet it-talbiet tagħha u lanqas ma indikat li hija kienet qiegħda ssostni dawk ta’ xi waħda mill-partijiet. Hija għaldaqstant ma kisbitx l-istatus ta’ intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali u ma tistax, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, tippreżenta appell kontra s-sentenza appellata. F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi enfasizzat li skambju ta’ korrispondenza bejn id-dipartimenti tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-appellanti ma jista’ bl-ebda mod jippreġudika l-ammissibbiltà ta’ appell ippreżentat minn din tal-aħħar.
26
Minn dan isegwi li dan l-appell huwa manifestament inammissibbli.
Fuq l-ispejjeż
27
Skont l-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li huwa applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, deċiżjoni dwar l-ispejjeż għandha tingħata fis-sentenza jew fid-digriet li jagħlaq is-sentenza. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli wkoll għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tiegħu, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.
28
Peress li Gamesa talbet li l-appellanti biss tiġi kkundannata u peress li din tal-aħħar tilfet, hemm lok li din tiġi kkundannata tbati, barra l-ispejjeż tagħha stess, l-ispejjeż sostnuti minn Gamesa. Konsegwentement, l-UASI għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tordna:
1)
L-appell huwa miċħud.
2)
Enercon GmbH hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż sostnuti minn Gamesa Eólica SL.
3)
L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.
Firem
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.
Full & Egal Universal Law Academy