DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
3 ta’ Lulju 2014 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttivi 93/13/KEE u 2008/48/KE — Applikazzjoni ratione temporis u ratione materiae — Fatti li ġraw qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea — Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni — Assenza — Nuqqas manifest ta’ ġurisdizzjoni — Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE — Inammissibbiltà manifesta”
Fil-Kawża C‑92/14,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Judecătoria Câmpulung (ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Frar 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Marzu 2014, fil-proċedura
Liliana Tudoran,
Florin Iulian Tudoran,
Ilie Tudoran
vs
SC Suport Colect SRL,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn A. Borg Barthet, President tal-Awla, E. Levits (Relatur) u M. Berger, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukat Ġenerali, li tingħata deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat, skont l-Artikolu 53(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,
tagħti l-preżenti
Digriet
1
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE, tal-Artikolu 47 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-Artikoli 3 u 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288) kif ukoll ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU L 133, p 66).
2
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Liliana Tudoran kif ukoll Florian Iulian Tudoran u Ilie Tudoran u SC Suport Colect SRL (iktar ’il quddiem “Suport Colect”), dwar il-metodi ta’ rkupru ta’ dejn li jirriżulta minn kuntratt ta’ kreditu konkluż fil-kuntest tax-xiri ta’ proprjetà immobbli, flimkien ma’ ipoteka.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3
It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 93/13 jipprovdi:
“[I]d-disposizzjonijiet [tad-Direttiva 93/13] għandhom jgħoddu għall-kuntratti kollha konklużi wara l-31 ta’ Diċembru 1994.”
4
L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2008/48 huwa fformulat kif ġej:
“Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal dawn li ġejjin:
a)
ftehim ta’ kreditu li huma garantiti b’ipoteka jew b’garanzija komparabbli oħra użata komunament fi Stat Membru fuq proprjetà immobbli jew garantiti bi dritt relatat ma’ proprjetà immobbli;
b)
ftehim ta’ kreditu li l-fini tagħhom huwa l-akkwist jew iż-żamma tad-drittijiet ta’ proprjetà f’art jew f’bini eżistenti jew ipproġettat;
[…]”
Id-dritt Rumen
5
L-Artikolu 372 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jipprovdi:
“L-infurzar jista’ jseħħ biss bis-saħħa ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jew att ieħor li, skont il-liġi, għandu titolu eżekuttiv”.
6
Skont l-Artikolu 379(1) ta’ dan il-kodiċi:
“Rikors għal beni mobbli jew immobbli jista’ jseħħ biss għal kreditu ċert, likwidu u dovut.”
7
L-Artikolu 399 tal-Kodiċi ta’ Proċedura jipprovdi:
“Il-persuni kkonċernati jew leżi mill-eżekuzzjoni jistgħu jikkontestaw l-infurzar kif ukoll kull att ta’ eżekuzzjoni.”
8
L-Artikolu 120 tad-digriet b’urġenza Nru 99, tas-6 ta’ Diċembru 2006, dwar il-ħolqien ta’ kreditu u tas-suffiċjenza tal-kapital (Monitorul Oficial al României, Nru 1027, iktar ’il quddiem id-“digriet b’urġenza Nru 99), jippreċiża:
“Il-kuntratti ta’ kreditu, inkluż il-kuntratti ta’ garanzija reali jew personali, konklużi minn istituzzjoni ta’ kreditu jikkostitwixxu titoli eżekuttivi.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
9
Fil-5 ta’ Ottubru 2006, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkonkludew kuntratt ta’ kreditu mal-Banca Comercială Română għal ammont ta’ EUR 17 200 sabiex jixtru proprjetà immobbli li tinsab f’Câmpulung (ir-Rumanija).
10
Dan il-kuntratt jistipula li r-rata ta’ interessi hija fissa matul l-ewwel sena tal-għoti tal-kreditu. Wara li tgħaddi din is-sena, l-interessi huma suġġetti għal rata ta’ referenza varjabbli, ikkalkolata abbażi ta’ rata ta’ interessi stabbilita fis-sede tal-bank, miżjuda bil-varjabbli msejħa “manutenzjoni tad-dejn tas-sellief”, li tirrappreżenta l-kapaċità ta’ dan tal-aħħar li jonora l-iskadenzi tad-dejn, espressa fi ġranet ta’ dewmien tal-ħlas li jibdew jiddekorru mid-data tal-iskadenza.
11
Barra minn hekk, dan il-kuntratt jipprovdi għal żieda fir-rata ta’ interessi matul il-kuntratt skont il-kapaċità ta’ ħlas tas-sellief. Għalhekk, ir-rata ta’ interessi maħduma mill-ġdid tiżdied skont il-portata tad-dewmien tal-ħlas.
12
Fil-11 ta’ Ottubru 2006, F. I Tudoran u L. Tudoran ikkonkludew ma’ dan l-istess bank ipoteka fil-kategorija 1 fuq il-proprjetà immobbli mixtrija, sabiex tiggarantixxi l-obbligi ta’ ħlas li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ kreditu tal-5 ta’ Ottubru 2006.
13
Fit-12 ta’ Mejju 2009, il-bank bagħat notifika lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali minħabba n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi kuntrattwali tagħhom, peress li dawn ma kinux ħallsu ċerti partijiet tar-rimbors tal-kreditu. Huma ntalbu jħallsu s-somma ta’ EUR 233.91 f’terminu ta’ sebat ijiem mid-data ta’ din in-notifika. F’każ ta’ nuqqas ta’ ħlas, it-total tal-bqija tal-ammont dovut isir dovut u l-bank jirrikorri għall-proċeduri ta’ infurzar.
14
Il-kreditu kontra r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kien ġie ttrasferit darbtejn. Fl-aħħar lok, dan kien inxtara minn Suport Colect permezz ta’ kuntratt ta’ trasferiment ta’ kreditu tal-5 ta’ Awwissu 2009.
15
Fit-18 ta’ Mejju 2012, Suport Colect bdiet proċeduri ta’ infurzar kontra r-rikorrenti fil-kawża prinċipali.
16
Fil-15 ta’ Marzu 2013, uffiċjal ġudizzjarju, mqabbad minn Suport Colect, ħareġ, abbażi tal-kuntratt ta’ self, iggarantit b’ipoteka, konklużi mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, talba għall-ħlas intiża għall-ġbir tas-somma ta’ EUR 16 980.75.
17
Din it-talba serviet ta’ bażi għall-atti ta’ eżekuzzjoni li kienu jinkludu qbid tas-salarju u sekwestru immobiljari tal-proprjetà inkwistjoni.
18
Fit-13 ta’ Ġunju 2013, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors quddiem il-Judecătoria Câmpulung sabiex jopponu l-atti eżekuttivi kollha. Huma talbu l-annullament tal-imsemmija atti kif ukoll tat-talba għal ħlas.
19
Fil-mertu, ir-rikorrenti jsostnu li l-infurzar huwa bbażat fuq kreditu li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 379(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, peress li dan ma huwiex ċert, likwidu u dovut. Fil-fatt, ma ġiex ippreċiżat l-ammont eżatt tas-somom ta’ dan il-kreditu.
20
Wara li ħatret espert tal-kontabbiltà sabiex jiddetermina l-portata eżatta tal-kreditu, il-qorti tar-rinviju kellha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-klawżoli relatati mad-determinazzjoni tar-rati ta’ interessi bħal dawk stipulati fil-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali mad-Direttivi 93/13 u 2003/48 kif ukoll dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 129 tad-Digriet b’urġenza Nru 99 mal-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta.
21
F’dawk iċ-ċirkustanzi il-Judecătoria Câmpulung iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1)
Id-dispożizzjonijiet tad-[Direttivi Nru 93/13/KEE u Nru 2008/48/KE], huma applikabbli għal kuntratt ta’ kreditu konkluż fil-5 ta’ Ottubru 2006, qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea, iżda li għadu jipproduċi effetti llum ’il ġurnata peress li d-dispożizzjonijiet tiegħu ġew implementati attwalment wara trasferimenti sussegwenti tal-kreditu previst fil-kuntratt imsemmi?
2)
Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, klawżoli bħal dawk dwar is-“servizz tad-dejn ta’ min jissellef” b’riferiment għall-eżistenza ta’ dewmien ta’ ħlas mid-debitur, kif ukoll dawk dwar iż-żieda tal-interessi wara sena, data li b’effett minnha l-interessi jkunu kkostitwiti mir-rata ta’ referenza varjabbli tal-Banca Commercială Româna, kif indikata fis-sede tal-bank, miżjuda b’1,90 [punti perċentwali], jistgħu jitqiesu bħala inġusti fid-dawl tad-Direttiva [93/13]?
3)
Il-prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dritt tal-Unjoni, kif iggarantit mill-Artikolu 47 tal-[Karta], jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħalma huwa l-Artikolu 120 tad-Digriet b’urġenza Nru 99 [...], li tirrikonoxxi bħala titolu eżekuttiv kuntratt ta’ self bankarju konkluż fl-assenza ta’ forma awtentika u mingħajr ebda possibbiltà għal min jissellef li jinnegozja l-klawżoli tiegħu, u li bis-saħħa tiegħu, wara verifika sommarja u l-kisba ta’ awtorizzazzjoni sabiex jiġi infurzat fil-kuntest ta’ proċedura mhux kontenzjuża li ftit li xejn tagħti l-possibbiltà lill-qorti li tistħarreġ il-portata tal-kreditu, il-marixxall tal-qorti jista’ jipproċedi bl-infurzar fuq il-beni tad-debitur?
4)
Id-Direttiva [93/13] [għandha] tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħalma huma l-Artikoli 372 et seq ta’ dak li kien il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, li tippermetti lill-kreditur jitlob l-eżekuzzjoni ta’ prestazzjoni li tirriżulta minn klawżoli kuntrattwali inġusti billi tiġi eżegwita l-garanzija fuq proprjetà immobbli permezz tal-bejgħ tal-immobbli minkejja l-oppożizzjoni min-naħa tal-konsumatur, mingħajr ma l-imsemmija klawżoli kuntrattwali ma kienu eżaminati minn qorti indipendenti?
5)
L-eżistenza fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ dispożizzjoni, bħalma huwa l-Artikolu 120 tad-Digriet b’urġenza Nru 99 [...], li tirrikonoxxi bħala titolu eżekuttiv kuntratt ta’ self bankarju, hija ta’ natura li tippreġudika l-libertà ta’ stabbiliment prevista fl-Artikolu 49 [TFUE], kif ukoll il-libertà li jiġu pprovduti servizzi prevista fl-Artikolu [56] TFUE, sa fejn tiddiswadi liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea milli jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru fejn kuntratt bankarju konkluż minn istituzzjoni privata jingħata l-istess valur bħal titolu eżekuttiv li jammonta għal deċiżjoni ġudizzjarja?
6)
Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għad-domandi preċedenti, il-qorti nazzjonali tista’ tqajjem ex officio n-natura mhux eżekuttiva ta’ tali titolu li bis-saħħa tagħha jiġi infurzat kreditu previst f’tali kuntratt?”
Fuq il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
22
Il-qorti tar-rinviju, fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, għamlet talba għall-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.
23
Madankollu, skont l-Artikolu 53(2) ta’ dawn ir-regoli, meta l-Qorti tal-Ġustizzja manifestament ma jkollhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kawża jew meta talba jew rikors ikunu manifestament inammissibbli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat, mingħajr ma tkompli l-proċedura.
24
Peress li f’dan il-każ għandha tiġi applikata din id-dispożizzjoni, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal proċedura mħaffa.
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda preliminari
25
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttivi 93/13 u 2008/48 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li d-dispożizzjonijiet tagħhom huma applikabbli għal kuntratt ta’ kreditu immobiljari konkluż qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea, iżda li għadu jħalli l-effetti tiegħu sal-lum u, essenzjalment, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għat-tieni u għar-raba’ domanda.
26
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tad-Direttiva 93/13, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie konkluż fil-5 ta’ Ottubru 2006, u li l-ipoteka li tijggarantih ġiet stabbilita fil-11 ta’ Ottubru tal-istess sena, jiġifieri qabel l-1 ta’ Jannar 2007, data tal-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni.
27
Issa, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt tal-Unjoni biss f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni ta’ dan id-dritt fi Stat Membru mid-data tal-adeżjoni ta’ dan tal-aħħar mal-Unjoni (digriet Pohotovosť, C‑153/13, EU:C:2014:264, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).
28
Min-naħa l-oħra, sa fejn mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 93/13 jirriżulta li din tal-aħħar hija applikabbli biss għall-kuntratti konklużi wara l-31 ta’ Diċembru 1994, data meta skada t-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni d-data tal-konklużjoni tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali sabiex tiġi ddeterminata l-applikabbiltà ta’ din id-direttiva għal dan il-kuntratt, peress li l-perijodu li matulu dan l-aħħar jipproduċi l-effetti ma huwiex relevanti.
29
Għaldaqstant, fid-dawl tal-fatt li l-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie konkluż fil-5 ta’ Ottubru 2006, flimkien ma’ ipoteka stabbilita fil-11 ta’ Ottubru 2006, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 93/13 ma tapplikax għall-kawża prinċipali.
30
Fir-rigward, fit-tieni lok, tad-Direttiva 2008/48, huwa biżżejjed li jingħad li, skont l-Artikolu 2(2)(a) u (b) tagħha huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva l-kuntratti ta’ kreditu ggarantiti b’ipoteka kif ukoll il-kuntratti ta’ kreditu intiżi sabiex jippermettu l-akkwist jew iż-żamma ta’ drittijiet ta’ proprjetà ta’ immobbli eżistenti jew li trid tinbena.
31
Sa fejn mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa kuntratt ta’ kreditu intiż għax-xiri ta’ proprjetà immobbli u ggarantit b’ipoteka, id-Direttiva Nru 2008/48 ma tapplikax għall-fatti fil-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
32
Għaldaqstant, la d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 u lanqas dawk tad-Direttiva 2008/48 ma huma applikabbli għall-kwistjoni fil-kawża prinċipali.
Fuq it-tieni u r-raba ’ domanda preliminari
33
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u għar-raba’ domanda.
Fuq il-ħames domanda preliminari
34
Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment jekk l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirrikonoxxi n-natura tat-titolu eżekuttiv lil kuntratt ta’ self bankarju.
35
Għandu jiġi rrelevat li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom hija tkun ġiet adita mill-qorti nazzjonali sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Volker und Markus Schecke u Eifert, C-92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 39, kif ukoll Susisalo et, C‑84/11, EU:C:2012:374, punt 16).
36
F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tirrispondi għal domanda preliminari meta jkun manifest li d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni suġġetta għall-interpretazzjoni tagħha ma tkunx tista’ tiġi applikata (sentenza Caixa d’Estalvis i Pensions de Barcelona, C‑139/12, EU:C:2014:174, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).
37
F’dak li jikkonċerna r-regoli tad-dritt tal-Unjoni li hija mitluba l-interpretazzjoni tagħhom, għandu jiġi rrelevat li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam tal-libertà ta’ stabbilment u ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi ma japplikawx għal sitwazzjoni li l-elementi kollha tagħha huma limitati għal ġewwa Stat Membru wieħed biss (ara, f’dak li jikkonċerna l-libertà ta’ stabbiliment, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, C‑389/05, EU:C:2008:411, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll, f’dak li jikkonċerna l-moviment liberu tal-kapital, is-sentenza Omalet, C‑245/09, EU:C:2010:808, punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata).
38
Madankollu, għandu jitfakkar li, f’ċerti kundizzjonijiet preċiżi sew, in-natura purament interna tas-sitwazzjoni kkonċernata ma tostakolax lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tirrispondi għal domanda magħmula skont l-Artikolu 267 TFUE.
39
Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, fl-ipoteżi li d-dritt nazzjonali jimponi lill-qorti tar-rinviju li tagħti l-istess drittijiet lil ċittadin tal-Istat Membru li din il-qorti tkun taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu bħal dawk li ċittadin ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni għandu skont id-dritt tal-Unjoni fl-istess sitwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Guimont, C‑448/98, EU:C:2000:663, punt 23, u s-sentenzi Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, C‑451/03, EU:C:2006:208, punt 29, kif ukoll Cipolla et, C-94/04 u C‑202/04, EU:C:2006:758, punt 30), jew jekk id-domanda preliminari hijiex dwar id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jirreferi għalihom id-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru sabiex jiġu ddeterminati r-regoli applikabbli għal sitwazzjoni purament interna f’dan l-Istat (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Dzodzi, C-297/88 u C‑197/89, EU:C:1990:360, punt 36; Poseidon Chartering, C‑3/04, EU:C:2006:176, punt 15, u Romeo, C‑313/12, EU:C:2013:718, punt 21).
40
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-elementi kollha tal-każ fil-kawża prinċipali huma limitati għal ġewwa Stat Membru wieħed, peress li din il-kawża hija dwar il-proċedura tal-infurzar ta’ kreditu li jirriżulta minn kuntratt ta’ kreditu flimkien ma’ garanzija ipotekarja konkluża bejn ċittadini Rumeni u bank Rumen u assunt minn kumpannija Rumena, detentriċi ta’ dan il-kreditu.
41
Issa, mit-talba għal deċiżjoni preliminari ma jirriżultax li l-qorti tar-rinviju għandha tagħti lill-partijiet fil-kawża prinċipali, skont id-dritt nazzjonali, trattament li huwa ddeterminat skont dak mogħti, skont id-dritt tal-Unjoni, lil operatur ekonomiku ta’ Stat Membru ieħor li jinsab fl-istess sitwazzjoni. Lanqas ma jidher li hija għandha tibbaża ruħha fuq interpretazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni sabiex tiddetermina l-kontenut tad-dritt nazzjonali applikabbli f’dan il-każ.
42
Minn dan jirriżulta li, peress li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tipprovdix manifestament elementi konkreti li jippermettu li tiġi stabbilita rabta konkreta bejn l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE u l-liġi nazzjonali applikabbli fiċ-ċirkustanzi fil-kawża prinċipali, li l-elementi tagħha huma kollha limitati ġewwa l-Istat Membru kkonċernat, il-ħames domanda hija inammissibbli.
Fuq it-tielet domanda preliminari
43
Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet mogħtija lill-persuni kkonċernati mid-dritt tal-Unjoni, kif huwa ggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 120 tad-Digriet b’urġenza Nru 99, li tipprovdi li l-kuntratti ta’ kreditu konklużi minn stabbiliment ta’ kreditu jikkostitwixxu titoli eżekuttivi.
44
Fir-rigward tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill‑protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, hija ġurisprudenza stabbilita li dawn jorbtu lill-Istati Membri fil-każijiet kollha li fihom huma msejħa japplikaw id-dritt tal-Unjoni (ara d-digrieti Asparuhov Estov et, C‑339/10, EU:C:2010:680, punt 13, kif ukoll Chartry, C‑457/09, EU:C:2011:101, punt 22).
45
L-Artikolu 51(1) tal-Karta jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tagħha japplikaw għall-Istati Membri biss meta jkunu qed jimplementaw id-dritt tal-Unjoni. L-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikolu 51(2) tal-Karta jippreċiżaw li d-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar ma għandhom bl-ebda mod jestendu l-kompetenzi tal-Unjoni kif iddefiniti mit-Trattati.
46
Issa, minn naħa, kif jirriżulta mill-punti 32 u 42 ta’ dan id-digriet, la d-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 93/13 u 2008/48 u lanqas l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE ma huma applikabbli għall-kawża prinċipali.
47
Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi l-ebda element konkret li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-kawża prinċipali hija marbuta permezz tas-suġġett tagħha ma’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni jew tirrigwarda leġiżlazzjoni nazzjonali li timplementa d-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta.
48
Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għat-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.
49
Mingħajr ma hemm lok li tiġi eżaminata s-sitt domanda, mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, skont l-Artikolu 53(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għat-tieni, it-tielet domanda u, min-naħa l-oħra, li l-ħames domanda hija manifestament inammissibbli.
Fuq l-ispejjeż
50
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tordna:
Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur kif ukoll id-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE ma japplikawx għall-kwistjoni fil-kawża prinċipali.
Barra minn hekk, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għat-tielet domanda preliminari magħmula mill-Judecătoria Câmpulung (ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Frar 2014; min-naħa l-oħra, il-ħames domanda preliminari magħmula minn din l-istess qorti hija manifestament inammissbbli.
Firem
( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.
Full & Egal Universal Law Academy