OPINJONI TAL-AVUKAT ĠENERALI
JÄÄSKINEN
ippreżentata fit-2 ta’ Mejju 2014 ( 1 )
Kawża C‑129/14 PPU
Zoran Spasic
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Nürnberg (il-Ġermanja)]
“Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali — Prinċipju ta’ ne bis in idem — Acquis ta’ Schengen — Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen — Artikoli 50 u 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal- Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali — Kundanna għall-istess azzjonijiet — Kundizzjoni ta’ infurzar ta’ sanzjoni kriminali — Sanzjoni komposta minn żewġ elementi”
Werrej
I – Introduzzjoni
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Il-KEDB
B – Id-dritt tal-Unjoni
1. Il-Karta
2. L-acquis ta’ Schengen fid-dritt tal-Unjoni
a) Il-Ftehim ta’ Schengen
b) Il-KFS
c) Il-Protokoll dwar l-acquis ta’ Schengen
III – It-tilwima fil-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
IV – Analiżi
A – Kummenti introduttorji
1. Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
2. Fuq l-interessi inkwistjoni fil-kawża
B – Fuq l-ewwel domanda, dwar ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 54 tal-KFS u l-Artikolu 50 tal-Karta
1. Fuq il-prinċipju ta’ ne bis in idem
2. Fuq il-kundizzjoni ta’ infurzar prevista fl-Artikolu 54 tal-KFS u l-applikazzjoni tagħha permezz tal-istrumenti relatati
3. Fuq l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7
4. L-Artikolu 50 tal-Karta u r-relazzjoni tiegħu mal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7
5. Il-kundizzjoni ta’ infurzar prevista fl-Artikolu 54 tal-KFS tinsab f’kunflitt mal-Artikolu 50 tal-Karta?
6. Il-kundizzjoni ta’ infurzar tikkostitwixxi limitazzjoni jew deroga fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta?
– Fuq l-eżistenza ta’ interferenza li tikkostitwixxi reat ta’ dritt fundamentali
– Fuq il-ġustifikazzjoni tal-interferenza fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 52(1) tal-Karta
– Fuq il-ġustifikazzjoni fid-dawl tal-eżami ta’ proporzjonalitŕ
C – Fuq it-tieni domanda, dwar l-interpretazzjoni tal-kundizzjoni ta’ infurzar fis-sens tal-Artikolu 54 tal-KFS
V – Konklużjoni
I – Introduzzjoni
1.
L-oriġini ta’ din il-proċedura jinsab f’rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni li jinżammu fis-seħħ l-effetti ta’ mandat ta’ arrest maħruġ mill-awtoritajiet Ġermaniżi kontra Z. Spasic, ta’ nazzjonalità Serba, li attwalment jinsab taħt detenzjoni provviżorja fil-Ġermanja fuq il-bażi tal-imsemmi mandat ( 2 ). Z. Spasic kien ikkundannat fl-Italja għal aġir qarrieqi fir-rigward tal-istess azzjonijiet li huma s-suġġett tal-imsemmi mandat.
2.
Permezz tad-domandi preliminari tagħha, l-Oberlandesgericht Nürnberg (il-Ġermanja) qiegħda b’hekk tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja problema li hija ġdida fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tiċċara r-relazzjoni bejn l-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), li jipprevedi d-dritt li wieħed ma jiġix iġġudikat jew jingħata piena darbtejn għall-istess reat (prinċipju ta’ ne bis in idem), u l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen (iktar ’il quddiem il-“KFS”) ( 3 ), dwar l-applikazzjoni tal-imsemmi prinċipju.
3.
B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-applikazzjoni tal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 54 tal-KFS, li tipprovdi li l-projbizzjoni fir-rigward ta’ proċeduri kriminali għall-istesss azzjonijiet tapplika biss sakemm is-sanzjoni “tkun ġiet infurzata, tkun fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata jew ma tkunx tista’ tiġi infurzata iżjed taħt il-liġijiet tal-Parti Kontraenti fejn tkun ingħatat is-sentenza” (iktar ’il quddiem il-“kundizzjoni ta’ infurzar”) ( 4 ), tistax titqies bħala limitazzjoni ġġustifikata tal-Artikolu 50 tal-Karta fis-sens tal-Artikolu 52(1) tagħha. Din il-kwistjoni ser twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża l-portata tal-prinċipju ta’ ne bis in idem f’kuntest transkonfinali, fid-dawl tal-istat attwali tal-ħolqien tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba wkoll tinterpreta l-kundizzjoni ta’ infurzar fis-sens tal-Artikolu 54 tal-KFS meta l-piena tkun komposta minn żewġ elementi indipendenti.
4.
Peress li l-Artikolu 50 tal-Karta jikkorrispondi għall-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ( 5 ), din it-talba għal deċiżjoni preliminari timplika d-determinazzjoni tal-effetti tal-imsemmi protokoll għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem.
5.
F’dan ir-rigward, nosserva qabel kollox li l-kundizzjoni ta’ infurzar prevista fl-Artikolu 54 tal-KFS tawtorizza lill-awtoritajiet ta’ Stat Membru B jibdew jew ikomplu proċeduri kriminali minkejja l-eżistenza ta’ deċiżjoni finali adottata minn Stat Membru A fir-rigward tal-istess persuna u fir-rigward tal-istess azzjonijiet. Issa, f’kuntest nazzjonali, dan kien ikun ipprojbit, kemm skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7, kif interpretat fis-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Zolotoukhine vs Ir-Russja ( 6 ) u Muslija vs Il-Bosnja-Ħerzegovina ( 7 ), u kemm skont l-Artikolu 50 tal-Karta li, skont l-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta, għandu l-istess sens u l-istess portata bħad-dritt korrispondenti tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) fil-każ tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem fi ħdan Stat Membru. Għaldaqstant, il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat Membru B għandhom jiġu ddefiniti wkoll fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Karta ( 8 ).
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Il-KEDB
6.
Fl-Artikolu 4 tiegħu, intitolat “Id-dritt li persuna ma tiġix ipproċessata jew ikkastigata darbtejn”, il-Protokoll Nru 7 jipprovdi:
“1. Ħadd ma jista’ jkun ipproċessat jew jerġa’ jiġi kkastigat għal darb’oħra fi proċedimenti kriminali taħt il-ġurisdizzjoni tal-istess Stat għal xi reat li dwaru jkun diġà ġie finalment liberat jew misjub ħati skont il-liġi u l-proċedura penali ta’ dak l-Istat.
2. Id-disposizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti ma għandhomx iżommu milli l-każ jerġa’ jinfetaħ skont il-liġi u l-proċedura penali tal-Istat inkwistjoni, jekk ikun hemm provi ta’ xi fatti ġodda jew li jkunu għadhom kif ġew żvelati, jew inkella jekk ikun ħemm xi vizzju fondamentali fil-proċedimenti ta’ qabel, li jista’ jkollhom effett fuq kif jiżvolġi l-każ.
3. Ebda deroga minn dan l-artikolu ma għandha ssir taħt l-artikolu 15 tal-[KEDB].” ( 9 )
B – Id-dritt tal-Unjoni
1. Il-Karta
7.
L-Artikolu 50 tal-Karta, intitolat “Id-dritt li wieħed ma jiġix iġġudikat jew jingħata piena darbtejn għall-istess reat”, huwa fformulat kif ġej:
“L-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni b’sentenza li daħlet in ġudikat skond il-liġi.”
8.
L-Artikolu 52 tal-Karta, intitolat “L-ambitu u l-interpretazzjoni ta’ drittijiet u ta’ prinċipji”, jipprovdi:
“1. Kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.
[…] [ ( 10 )]
3. Safejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-[KEDB], it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva.
[…]
7. L-ispjegazzjonijiet imfassla bħala gwida għall-interpretazzjoni ta’ din il-Karta għandhom jingħataw il-kunsiderazzjoni dovuta mill-qrati ta’ l-Unjoni u ta’ l-Istati Membri.”
2. L-acquis ta’ Schengen fid-dritt tal-Unjoni
a) Il-Ftehim ta’ Schengen
9.
Fl-14 ta’ Ġunju 1985, il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika Benelux, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika Franċiża ffirmaw, f’Schengen, Ftehim dwar it-tneħħija ftit ftit tal-kontroll fuq il-fruntieri komuni ( 11 ).
b) Il-KFS
10.
Il-KFS, konkluża fid-19 ta’ Ġunju 1990 mill-istess partijiet kontraenti u li daħlet fis-seħħ fis-26 ta’ Marzu 1996, tipprovdi dan li ġej fl-Artikolu 54 tagħha, li jagħmel parti mill-Kapitolu 3, intitolat “Applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem”, tat-Titolu III ta’ din il-konvenzjoni:
“Persuna li l-każ tagħha jkun inqata’ b’mod finali f’Parti Kontraenti waħda ma tistax tiġi mixlija f’Parti Kontraenti oħra għall-istess azzjonijiet sakemm, jekk tkun ġiet imposta penali, din tkun ġiet infurzata, tkun fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata jew ma tkunx tista’ tiġi infurzata iżjed taħt il-liġijiet tal-Parti Kontraenti fejn tkun ingħatat is-sentenza.”
11.
L-Artikolu 55 tal-KFS jipprevedi l-każijiet li fihom Stat Membru għandu l-possibbiltà jiddikjara li ma huwiex marbut mill-Artikolu 54. L-Artikolu 56 jipprevedi r-regola li kull perijodu ta’ ċaħda tal-libertà infurzat fit-territorju ta’ Parti Kontraenti għandu jitnaqqas mis-sanzjoni li tkun eventwalment mogħtija fi Stat ieħor. Sa fejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali jippermettu dan, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll sanzjonijiet oħra li ma jkunux jinvolvu priġunerija u li jkunu diġà ġew infurzati. L-Artikolu 57 jikkonċerna l-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti bejn l-awtoritajiet kompetenti. Skont l-Artikolu 58, id-dispożizzjonijiet preċedenti ma jipprekludux l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali iktar estiżi fir-rigward tal-effett tal-prinċipju ta’ ne bis in idem marbut mad-deċiżjonijiet ġudizjarji meħuda f’pajjiżi barranin.
c) Il-Protokoll dwar l-acquis ta’ Schengen
12.
Permezz tal-Protokoll (Nru 2) li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Protokoll dwar l-acquis ta’ Schengen”) ( 12 ), dan il-corpus legali, li jinkludi wkoll il-KFS ( 13 ), ġie integrat fid-dritt tal-Unjoni bl-isem “acquis ta’ Schengen”.
13.
L-Artikolu 2(1) ta’ dan il-protokoll huwa fformulat hekk:
“Mid-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, l-Acquis ta’ Schengen, inklużi d-deċiżjonijiet tal-Kumitat Eżekuttiv li kien ġie mistabilixxi bil-ftehim ta’ Schengen li kienu ġew adottati qabel din id-data, għandhom japplikaw immedjetament għat-tlettax-il Stat Membru li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1 [ ( 14 )], mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. […]
[…] Il-Kunsill [...] għandu jiddetermina, b’konformità mad-disposizzjonijiet relevanti tat-Trattati, il-bażi legali għal kull waħda minn dawn id-disposizzjonijiet jew deċiżjonijiet li jikkostitwixxu l-Acquis ta’ Schengen.
F’dak li jirrigwarda dawk id-disposizzjonijiet u deċiżjonijiet u skond dik id-determinazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea] għandha teżerċita il-funzjonijiet mogħtija lilha bid-disposizzjonijiet rilevanti applikabli tat-Trattati. [...]
Sakemm il-miżuri msemmija hawn fuq ma jkunux ittieħdu u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5, paragrafu 2, id-disposizzjonijiet jew deċiżjonijiet li jikkonstitwixxu l-Acquis ta’ Schengen għandhom jitqiesu bħala atti bbażati fuq it-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”
14.
L-acquis ta’ Schengen ġie integrat fit-Trattat FUE permezz tal-Protokoll (Nru 19) ( 15 ). Il-Protokoll (Nru 36) dwar id-dispożizzjonijiet transitorji, anness mat-Trattat FUE ( 16 ), jispeċifika, fl-Artikoli 9 u 10 tiegħu, l-effetti legali tal-atti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni adottati fuq il-bażi tat-Trattat UE qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona.
III – It-tilwima fil-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
15.
L-akkużat fil-kawża prinċipali, Z. Spasic, huwa ċittadin Serb li fir-rigward tiegħu l-iStaatsanwaltschaft Regensburg (il-Ġermanja) fetaħ proċeduri kriminali minħabba li wettaq aġir qarrieqi fi grupp organizzat f’Milano fl-20 ta’ Marzu 2009. Bi skambju għal flus tal-karta ta’ EUR 500, li sussegwentement irriżultaw li kienu foloz, il-vittma ta’ dan l-att kriminali, iċ-ċittadin Ġermaniż W. Soller, kien ta lil Z. Spasic is-somma ta’ EUR 40 000 fi flus ta’ valur żgħir.
16.
Wara li kien is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħrug fis-27 ta’ Awwissu 2009 mill-iStaatsanwaltschaft Innsbruck (l-Awstrija) fir-rigward ta’ sensiela ta’ reati simili mwettqa fl-Awstrija u fil-Ġermanja fl-2008, Z. Spasic kien arrestat fl-Ungerija fit-8 ta’ Ottubru 2009 u kien sussegwentement ikkonsenjat lill-awtoritajiet Awstrijaċi. Huwa kien ikkundannat fl-Awstrija permezz ta’ sentenza tas-26 ta’ Awwissu 2010, li saret definittiva.
17.
Fil-25 ta’ Frar 2010, l-Amtsgericht Regensburg (il-Ġermanja) ħarġet mandat ta’ arrest nazzjonali fir-rigward tal-aġir qarrieqi mwettaq f’Milano, li serva ta’ bażi għall-ħruġ, mill-iStaatsanwaltschaft Regensburg, ta’ mandat ta’ arrest Ewropew fil-5 ta’ Marzu 2010. Fl-20 ta’ Novembru 2013, l-Amtsgerich Regensburg ħarġet mandat ta’ arrest nazzjonali iktar estiż fil-konfront ta’ Z. Spasic, li l-punt I tiegħu kien jirreferi għar-reat ta’ att qarrieqi mwettaq fl-20 ta’ Marzu 2009 f’Milano.
18.
Permezz ta’ sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2012, it-Tribunale ordinario di Milano (l-Italja) ikkundannat lil Z. Spasic, fl-assenza tiegħu, fir-rigward tar-reat imwettaq fl-20 ta’ Marzu 2009 f’Milano, għal piena ta’ priġunerija ta’ sena u għal multa ta’ EUR 800. F’dan ir-rigward, nosserva li s-sentenza tat-Tribunale ordinario di Milano saret definittiva fis-7 ta’ Lulju 2012, minkejja li l-proċeduri mibdija fil-Ġermanja seħħew parzjalment fl-istess żmien bħall-proċedura Taljana.
19.
Z. Spasic ilu taħt detenzjoni provviżorja fil-Ġermanja mis-6 ta’ Diċembru 2013, id-data li fiha, b’eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tal-5 ta’ Marzu 2010, l-awtoritajiet Awstrijaċi kkonsenjawh lill-awtoritajiet Ġermaniżi ( 17 ). Fl-Awstrija, Z. Spasic kien beda jiskonta piena ta’ priġunerija ta’ tmien snin. Fid-dawl tal-konsenja tiegħu lill-awtoritajiet Ġermaniżi, l-infurzar tal-piena mogħtija fl-Awstrija kien provviżorjament sospiż. Madankollu, mill-proċess ma jirriżultax b’mod ċar jekk kienx previst ir-ritorn ta’ Z. Spasic lejn l-Awstrija qabel jew wara li jiskonta l-piena eventwalment ordnata fil-Ġermanja.
20.
L-akkużat ikkontesta quddiem l-Amtsgericht Regensburg id-deċiżjoni li tordna ż-żamma tiegħu taħt detenzjoni filwaqt li sostna, essenzjalment, li, skont il-prinċipju ta’ ne bis in idem, huwa ma setax ikun is-suġġett ta’ proċeduri fir-rigward tal-azzjonijiet imwettqa f’Milano li fir-rigward tagħhom kienet diġà ngħatat sentenza definittiva u eżekuttiva mit-Tribunale ordinario di Milano fil-konfront tiegħu.
21.
Wara li t-talba tiegħu ġiet miċħuda, Z. Spasic ressaq quddiem il-Landgericht Regensburg il-prova tal-ħlas tas-somma ta’ EUR 800 fit-23 ta’ Jannar 2014, li jikkostitwixxi l-infurzar tal-piena pekunjarja imposta permezz tas-sentenza tat-Tribunale ordinario di Milano.
22.
Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Jannar 2014, il-Landgericht Regensburg ikkonfermat id-deċiżjoni tal-Amtsgericht Regensburg, filwaqt li ppreċiżat li l-infurzar tad-detenzjoni provviżorja setgħet minn dak l-istadju tkun ibbażata biss fuq l-azzjonijiet deskritti fil-punt I tal-mandat ta’ arrest tal-20 ta’ Novembru 2013, u ċaħdet il-bqija tar-rikors.
23.
Quddiem il-qorti tar-rinviju, adita sussegwentement, Z. Spasic sostna essenzjalment li l-kundizzjoni ta’ infurzar prevista fl-Artikolu 54 tal-KFS ma tistax tillimita b’mod validu l-portata tal-Artikolu 50 tal-Karta u li huwa kellu jinħeles wara l-infurzar li jikkostitwixxi l-ħlas tal-multa ta’ EUR 800.
24.
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Nürnberg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1)
L-Artikolu 54 tal-[KFS] huwa kompatibbli mal-Artikolu 50 tal-[Karta] sa fejn jissuġġetta l-prinċipju ta’ ne bis in idem għall-kundizzjoni li, f’każ ta’ kundanna, is-sanzjoni tkun ġiet subita [infurzata] jew attwalment tkun qed tiġi infurzata jew ma tkunx tista’ tiġi iktar infurzata skont il-liġijiet tal-Istat ta’ kundanna?
2)
Il-kundizzjoni msemmija iktar ’il fuq tal-Artikolu 54 tal-KFS hija ssodisfatta wkoll meta parti biss (f’dan il-każ, il-multa) tas-sanzjoni mogħtija fl-Istat ta’ kundanna, li hija komposta minn żewġ partijiet indipendenti (f’dan il-każ, piena li ċċaħħad il-libertà u multa) tkun ġiet infurzata?”
25.
Fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju talbet l-applikazzjoni tal-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Kif jirriżulta mill-proċess, skont id-dritt Ġermaniż, id-detenzjoni preventiva tal-akkużat ma tistax tkun estiża għal iktar minn sitt xhur, sakemm ma jkunx hemm raġuni partkolari. Issa, din l-estensjoni tiddependi manifestament mill-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.
26.
Fil-31 ta’ Marzu 2014, l-awla kompetenti ddeċidiet li tapplika l-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari fil-kawża ineżami. Il-kawża ġiet assenjata lill-Awla Manja skont l-Artikolu 113(2) tar-Regoli tal-Proċedura.
27.
Ir-rappreżentanti ta’ Z. Spasic, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Matul is-seduta li nżammet fit-28 ta’ April 2014 instemgħu l-imsemmija partijiet kif ukoll ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika Taljana.
IV – Analiżi
A – Kummenti introduttorji
1. Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
28.
L-ewwel nett, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għall-ewwel domanda prelmiminari bis-saħħa tal-Artikolu 267 TFUE u għat-tieni domanda preliminari bis-saħħa tal-Artikolu 35 UE ( 18 ).
29.
Fir-rigward b’mod partikolari tat-tieni domanda, il-KFS tgawdi, bis-saħħa tal-Protokoll dwar l-acquis ta’ Schengen, minn status analogu għad-deċiżjonijiet, għad-deċiżjonijiet qafas jew għall-konvenzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 34 UE. Għaldaqstant, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għat-tieni domanda hija bbażata fuq l-imsemmi Artikolu 35 UE ( 19 ) flimkien mal-Artikolu 2 u mal-Anness A tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/436/KE ( 20 ), kif barra minn hekk huwa kkonfermat minn ġurisprudenza voluminuża ħafna dwar l-Artikolu 54 tal-KFS.
30.
Għall-kuntrarju, fir-rigward tal-ewwel domanda, huwa minnu li, skont l-ex Artikolu K.7 li jirriżulta mit-Trattat ta’ Amsterdam (li sar l-Artikolu 35 UE), il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija eskluża fir-rigward tal-eżami tal-validità tal-konvenzjonijiet, kemm fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari u kemm fil-kuntest tal-istħarriġ ta’ legalità. Madankollu, l-ewwel domanda magħmula tikkonċerna expressis verbis eventwali inkompatibbiltà bejn il-Karta u dispożizzjoni tal-KFS, u mhux l-invalidità ta’ din tal-aħħar. F’dan ir-rigward, nosserva li l-Artikolu 134 tal-KFS jipprovdi li d-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni japplikaw biss sa fejn huma kompatibbli mad-dritt Komunitarju ( 21 ).
31.
Peress li ma hemm ebda dubju li tagħmel parti mid-dritt tal-Unjoni sa mill-“Komunitarizzazzjoni” tagħha, il-KFS ma tistax tkun eżentata mir-rekwiżit ta’ stħarriġ fir-rigward tal-Karta. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja, bis-saħħa tal-ġurisdizzjoni esklużiva tagħha, tiżgura, skont l-Artikolu 19 TUE, l-osservanza tad-dritt fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati ( 22 ). Is-setgħa tagħha li tinterpreta d-dritt primarju għandha titqies bħala stabbilita fir-rigward tal-KFS, peress li din tal-aħħar hija att tad-dritt tal-Unjoni sui generis u tinsab fl-istess livell bħad-dritt idderivat fil-ġerarkija tan-normi.
32.
Fi kwalunkwe każ, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tevalwa fid-dawl tal-Karta att tad-dritt idderivat direttament applikabbli ( 23 ).
2. Fuq l-interessi inkwistjoni fil-kawża
33.
L-implementazzjoni, fil-kuntest tal-Unjoni, tal-acquis ta’ Schengen, li minnu jagħmel parti l-Artikolu 54 tal-KFS, dwar il-prinċipju ta’ ne bis in idem, hija maħsuba sabiex issaħħaħ l-integrazzjoni Ewropea u, b’mod partikolari, sabiex tippermetti lill-Unjoni jsir iktar malajr spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, spazju li huwa l-għan tal-Unjoni li żżomm u li tiżviluppa. Dan l-għan ambizzjuż għadu ostakolat attwalment minn problema ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji kriminali, fil-kawża ineżami bejn ir-Repubblika Taljana bħala locus delicti u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja bħala l-Istat li tiegħu huwa ċittadin il-vittma ( 24 ).
34.
Kif osservat l-Avukat Ġenerali Sharpston fil-konklużjonijiet tagħha ppreżentati fil-kawża M, “[b]ħalissa ma hemmx regoli li dwarhom hemm qbil fl‑UE kollha dwar l-allokazzjoni ta’ ġurisdizzjoni kriminali. L-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem issolvi l-problema b’mod limitat, u xi drabi b’mod arbitrarju. Ma jissostitwixxix azzjoni għas-soluzzjoni ta’ kunflitti bħal dawn skont sett ta’ kriterji miftiehma” ( 25 ).
35.
Issa, is-sors tal-prinċipju ta’ ne bis in idem fuq livell li jkopri diversi pajjiżi jinsab fil-fatt li, meta reat jinkludi elementi li jorbtuh ma’ diversi ordinamenti ġuridiċi, ikun hemm ir-riskju li kull ordinament jipprovdi li għandu ġurisdizzjoni, b’tali mod li tinħoloq il-possibbiltà ta’ kumulu ta’ sanzjonijiet Statali ( 26 ). B’dan premess, il-kawża ineżami ma tqajjimx kwistjonijiet dwar il-problemi marbuta mal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem li reċentement kienu s-suġġett ta’ diskussjonijiet ġudizzjarji u akkademiċi intensi kemm fuq il-livell Ewropew u kemm fuq il-livell nazzjonali, b’mod partikolari fil-każ ta’ proċeduri kriminali u amministrattivi li jikkonċernaw l-istess azzjonijiet. Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ dawn id-diskussjonijiet, tqajmet il-kwistjoni ta’ kif għandhom jiġu ddeterminati l-kunċett ta’ identiċità ta’ reat kif ukoll il-kunċett ta’ “sentenza permezz ta’ deċiżjoni finali” fil-każ li l-proċeduri ma jkunux ingħalqu permezz ta’ deċiżjoni ta’ qorti.
36.
Fil-kawża ineżami, il-każ li għandna quddiemna jaqa’ kompletament fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 54 tal-KFS. Fil-fatt, huwa paċifiku li l-proċeduri fl-Italja u fil-Ġermanja jikkonċernaw l-istess azzjonijiet ( 27 ) u, mutatis mutandis, ir-reat ta’ aġir qarrieqi. Ma jista’ jkun hemm ebda dubju dwar in-natura kriminali taż-żewġ proċeduri ( 28 ), u wisq inqas jista’ jkun hemm dubju dwar in-natura ġudizzjarja u definittiva, b’effett mis-7 ta’ Lulju 2012, tas-sentenza tat-Tribunale ordinario di Milano tat-18 ta’ Ġunju 2012 ( 29 ).
37.
Fi kliem ieħor, kemm l-element “bis” u kemm l-element “idem” huma preżenti fil-każ ineżami. Fil-verità, hija l-kundizzjoni ta’ infurzar prevista fl-Artikolu 54 tal-KFS li, fid-dawl tad-dritt fundamentali stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta, tinsab fil-qofol ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.
38.
F’dan ir-rigward, huwa evidenti li l-kundizzjoni ta’ infurzar prevista fl-Artikolu 54 tal-KFS ma tinsabx fl-Artikolu 50 tal-Karta. Barra minn hekk, nosserva li l-portata tal-Artikolu 50 tal-Karta għadha ma ġietx iddelimitata b’mod definittiv fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
39.
Fil-fatt, il-prinċipju ta’ ne bis in idem japplika wkoll lil hinn mid-dritt kriminali msejjaħ “klassiku” ( 30 ), fejn l-eżempju l-iktar kurrenti huwa d-dritt tal-kompetizzjoni, li fil-kuntest tiegħu l-applikazzjoni tal-prinċipju hija suġġetta għat-tliet kundizzjonijiet li jkun hemm identiċità tal-azzjonijiet, unità ta’ min iwettaq ir-reat u unità tal-interess legali protett ( 31 ). Għaldaqstant, minn dan jirriżulta li l-istess operatur ekonomiku jista’ jkun is-suġġett ta’ proċeduri simultanji u jista’ jkun is-suġġett ta’ sanzjoni għall-istess azzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali u mill-Kummissjoni minħabba li ż-żewġ proċeduri għandhom għanijiet distinti ( 32 ).
40.
Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ ne bis in idem japplika fil-qasam tal-kontrolli u tas-sanzjonijiet tal-irregolaritajiet imwettqa fid-dritt tal-Unjoni ( 33 ), kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-applikazzjoni kumulattiva ta’ sanzjonijiet amministrattivi ( 34 ).
41.
Għaldaqstant, nikkunsidra qabel kollox li l-analiżi tal-portata tal-prinċipju ta’ ne bis in idem fir-rigward tal-Karta fil-kawża ineżami għandha tkun limitata biss għall-qasam tad-dritt kriminali klassiku, b’tali mod li jiġu esklużi l‑kwistjonijiet marbuta mas-sanzjonijiet amministrattivi, bil-konsegwenzi u l-karatteristiċi speċifiċi kollha li jista’ jkollu dan il-qasam tad-dritt kriminali.
42.
Fl-aħħar nett, peress li t-test tal-Artikolu 50 tal-Karta huwa [essenzjalment] identiku għal dak tal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7, fejn l-unika differenza tirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tagħhom, għandhom jiġu analizzati qabel kollox l-effetti tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
B – Fuq l-ewwel domanda, dwar ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 54 tal-KFS u l-Artikolu 50 tal-Karta
1. Fuq il-prinċipju ta’ ne bis in idem
43.
Il-prinċipju ta’ ne bis in idem, ikkunsidrat mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala “rekwiżit ġenerali tal-ġustizzja naturali” ( 35 ), huwa rrikonoxxut b’mod universali fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali. Madankollu, id-dritt internazzjonali pubbliku ma jimponix dan il-prinċipju fuq l-Istati u ma ġiex ikkunsidrat bħala li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ smigħ xieraq irrikonoxxut fl-Artikolu 6 tal-KEDB ( 36 ).
44.
Fid-dritt tal-Unjoni, l-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ ne bis in idem ( 37 ) kienet ġiet irrikonoxxuta mill-Qorti tal-Ġustizzja sa mill-1966 permezz tas-sentenza Gutmann vs Il-Kummissjoni ( 38 ). Kif iddeċidiet sussegwentement il-Qorti tal-Ġustizzja, “il-prinċipju ta’ ne bis in idem, stabbilit ukoll fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 [...], jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju li l-qorti għandha tiżgura l-osservanza tiegħu” ( 39 ). Għaldaqstant, dan il-prinċipju huwa s-sors ta’ ġurisprudenza partikolarment voluminuża, b’mod partikolari fl-oqsma tad-dritt tal-kompetizzjoni u tal-kooperazzjoni f’materji kriminali, kif ukoll fil-qasam tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, sitwazzjoni din li fil-fehma tiegħi ma tiffavorixxix konklużjoni fis-sens li jeżisti kunċett ta’ ne bis in idem wieħed biss li huwa uniformi għall-oqsma kollha tad-dritt tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, l-istatus tal-imsemmi prinċipju bħala dritt fundamentali ġie rrikonoxxut fl-Artikolu 50 tal-Karta.
45.
Mingħajr ma nidħol f’dettalji, infakkar li l-prinċipju ta’ ne bis in idem ikopri żewġ aspetti jew ideat legali distinti ( 40 ). Dawn huma, minn naħa, il-projbizzjoni li tinfetaħ it-tieni proċedura fir-rigward tal-istess kawża u tal-istess persuna (“Erledigungsprinzip”, jiġifieri l-prinċipju tal-eżawriment tal-proċeduri) u, min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ teħid inkunsiderazzjoni (“Anrechnungsprinzip”), li jimplika li, meta tkun diġà ngħatat kundanna għall-istess reat f’pajjiż ieħor, id-deċiżjoni ġdida għandha toħodha inkunsiderazzjoni b’tali mod li titnaqqas it-tieni kundanna ( 41 ). Kif spjega l-Avukat Ġenerali Colomer, l-ewwel aspett huwa bbażat fuq ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali filwaqt li t-tieni wieħed jirrifletti iktar ir-rekwiżiti tal-ekwità, li tagħha hija strument ir-regola tal-proporzjonalità ( 42 ).
46.
Huwa paċifiku li, fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu, l-Artikolu 54 tal-KFS jikkonċerna biss l-ewwel aspett, jiġifieri l-projbizzjoni ta’ proċeduri doppji, filwaqt li l-formulazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta u dik tal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 jkopru ż-żewġ aspetti.
2. Fuq il-kundizzjoni ta’ infurzar prevista fl-Artikolu 54 tal-KFS u l-applikazzjoni tagħha permezz tal-istrumenti relatati
47.
L-Artikolu 54 tal-KFS huwa l-ewwel dispożizzjoni li tistabbilixxi regola ta’ ne bis in idem vinkolanti u applikabbli fir-relazzjonijiet transkonfinali fid-dritt kriminali ( 43 ). Huwa minnu li dispożizzjoni essenzjalment identika għal dik tal-Artikolu 54 tal-KFS kienet tinsab fil-Konvenzjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, iżda din qatt ma daħlet fis-seħħ ( 44 ). Barra minn hekk, preċedenti tal-kundizzjoni ta’ infurzar b’portata transkonfinali jinsabu wkoll fil-Konvenzjonijiet Ewropej dwar l-estradizzjoni ( 45 ).
48.
Ir-raġunijiet għalfejn l-awturi tal-KFS issuġġettaw l-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ ne bis in idem għall-kundizzjoni li s-sanzjoni “tkun ġiet infurzata, tkun fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata jew ma tkunx tista’ tiġi infurzata iżjed” huma, fil-fehma tiegħi, evidenti. Kif josservaw il-Gvern Ġermaniż u l-Kunsill, din il-kundizzjoni hija maħsuba sabiex jiġi ggarantit li l-persuna kkonċernata tkun effettivament punita għar-reat inkwistjoni għal minn tal-inqas darba; fi kliem ieħor, din id-dispożizzjoni hija maħsuba sabiex tiġi evitata l-impunità. L-għan li tiġi evitata l-impunità jirriżulta b’mod ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari mis-sentenzi Miraglia ( 46 ) u Kretzinger ( 47 ).
49.
Il-prinċipju ta’ ne bis in idem, flimkien mal-kundizzjoni ta’ infurzar, kien sussegwentement inkluż fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI ( 48 ) u huwa wieħed mir-raġunijiet meta jkun obbligatorju li dan il-mandat ma jiġix eżegwit ( 49 ). Issa, qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni qafas, il-persuni kkundannati għal sanzjonijiet kriminali setgħu faċilment jevitaw l-infurzar tagħhom billi jiċċaqilqu bejn l-Istati Membru, u b’mod partikolari billi jmorru lura fl-Istat Membru li tiegħu kienu ċittadini. Id-Deċiżjoni Qafas kif ukoll atti oħra tad-dritt tal-Unjoni adottati sussegwentement żiedu l-effikaċja tal-proċeduri kriminali fis-sitwazzjonijiet transkonfinali u ffaċilitaw l-infurzar tal-kundanni kriminali ( 50 ).
50.
Barra minn hekk, kundizzjoni ta’ infurzar ifformulata skont l-istess mudell bħall-Artikolu 54 tal-KFS tinsab fl-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej ( 51 ) kif ukoll fl‑ Artikolu 10 tal-Konvenzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea ( 52 ).
51.
Għall-kuntrarju, diversi atti tad-dritt idderivat, b’mod partikolari l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI ( 53 ), isemmu l-prinċipju ta’ ne bis in idem fost ir-raġunijiet meta sentenza kriminali ma għandhiex tiġi infurzata mingħajr ma dan il-prinċipju ma huwa marbut ma’ kundizzjoni ta’ infurzar ( 54 ).
52.
Filwaqt li għandu jiġi rrikonoxxut li s-sempliċi fatt li ġiet introdotta sistema iktar effikaċi ta’ kooperazzjoni f’materji kriminali fid-dritt tal-Unjoni ma jistax jaffettwa fih innifsu l-interpretazzjoni tal-kundizzjoni ta’ infurzar prevista fl-Artikolu 54 tal-KFS, dan l-iżvilupp ma jistax ma jkollux impatt fuq l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-imsemmi artikolu mal-Artikolu 50 tal-Karta kif ukoll fuq l-evalwazzjoni tiegħu f’termini ta’ proporzjonalità fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta. Fil-fatt, kif ikkonstatat il-Kummissjoni fil-Green Paper imsemmija iktar ’il fuq ( 55 ), “[d]in il-kondizzjoni ġiet iġġustifikata f’sistema tradizzjonali ta’ għajnuna reċiproka, fejn l-infurzar ta’ piena fi Stati Membri oħra sikwit kien ikun diffiċli. Jeżisti dubju dwar jekk dan il-prinċipju għadx hemm bżonnu f’żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, fejn issa l-infurzar bejn il-fruntieri jsir permezz ta’ l-għarfien reċiproku ta’ l-istrumenti ta’ l-UE” ( 56 ).
3. Fuq l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7
53.
Għall-kuntrarju tal-Artikolu 54 tal-KFS, l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 ma japplikax għar-relazzjonijiet transkonfinali iżda l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu huwa limitat strettament għas-sitwazzjonijiet interni ta’ Stat. Kif diġà osservajt, dan l-artikolu ma fihx kundizzjoni ta’ infurzar analoga għal dik prevista fl-Artikolu 54 tal-KFS iżda jkopri, għall-kuntrarju, kemm il-projbizzjoni ta’ proċeduri doppji u kemm dik ta’ pieni doppji.
54.
Adottat fit-22 ta’ Novembru 1984, il-Protokoll Nru 7 ġie rratifikat minn 43 membru tal-Kunsill tal-Ewropa, inklużi l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea, ħlief għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, għar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq. Kif jirriżulta mill-abbozz ta’ ftehim dwar l-adeżjoni tal-Unjoni mal-KEDB, dan il-protokoll ma huwiex inkluż fost il-miżuri li l-adeżjoni tal-Unjoni magħhom qiegħda tiġi kkunsidrata ( 57 ). Il-fatt li l-imsemmi protokoll ma jissemmiex fid-deċiżjoni tar-rinviju jista’ jkun dovut għalhekk għall-fatt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma rratifikatux ( 58 ). Madankollu, meta ġie ffirmat dan l-istess protokoll, hija għamlet ċerti dikjarazzjonijiet ( 59 ).
55.
Skont l-Artikolu 4(1) tal-Protokoll Nru 7, ħadd ma jista’ jkun is-suġġett ta’ proċeduri jew ta’ piena kriminali darbtejn. Skont l-Artikolu 4(2) tal-istess protokoll, il-ftuħ mill-ġdid tal-proċess, skont il-liġi u skont il-proċedura kriminali tal-Istat ikkonċernat, huwa madankollu possibbli jekk ikun hemm fatti ġodda jew li jkunu għadhom kif ġew żvelati jew jekk ikun hemm difett fundamentali fil-proċedura preċedenti li jista’ jkollhom effett fuq is-sentenza mogħtija. L-Artikolu 4(3) tal-Protokoll Nru 7 jipprojbixxi kull deroga mill-imsemmi artikolu taħt l-Artikolu 15 tal-KEDB, li jippermetti, fi żmien ta’ gwerra jew ta’ emerġenza oħra pubblika li thedded il-ħajja tan-nazzjon, l-adozzjoni ta’ miżuri li jidderogaw mill-obbligi previsti mill-KEDB.
56.
Fl-aħħar mill-aħħar, għalhekk, l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 jiggarantixxi protezzjoni li, għalkemm ma hijiex assoluta, hija xorta waħda ogħla minn dik prevista b’mod ġenerali fid-dispożizzjonijiet tal-KEDB.
57.
Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 jikkostitwixxu sors ta’ ġurisprudenza voluminuża u varjata tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li, fil-fehma tiegħi, hija nieqsa minn preċiżjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-kunċetti ta’ proċeduri kriminali jew ta’ sanzjoni kriminali u, b’mod partikolari, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ reat.
58.
Fir-rigward ta’ din l-aħħar kwistjoni, fis-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Zolotoukhine vs Ir-Russja, dik il-qorti interpretat il-kunċett ta’ reat fis-sens li jkopri “fatti li jikkostitwixxu grupp ta’ ċirkustanzi fattwali konkreti li jimplikaw lill-istess attur u li huma marbuta b’mod inseparabbli bejniethom fiż-żmien u fl-ispazju” ( 60 ). Għaldaqstant, dik il-qorti ressqet lejn il‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja adottata fir-rigward tal-Artikolu 54 tal-KFS u lejn “l-identiċità tal-fatti materjali”, li tikkostitwixxi l-uniku kriterju rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmi artikolu ( 61 ).
59.
Il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tikkonferma b’mod unanimu li l-prinċipju ta’ ne bis in idem ma jkoprix biss il-każ ta’ kundanna doppja iżda wkoll il-każ ta’ proċeduri doppji ( 62 ). L-għan tal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 huwa li tiġi pprojbita r-repetizzjoni ta’ proċeduri kriminali li jkunu ngħalqu b’mod definittiv. Issa, deċiżjoni titqies li hija definittiva “jekk tkun kisbet is-saħħa ta’ res judicata. Dan ikun il-każ meta din id-deċiżjoni ma tkunx tista’ tiġi rrevokata, jiġifieri meta ma tkunx tista’ tkun is-suġġett ta’ rimedji legali ordinarji jew meta l-partijiet ikunu eżawrixxew dawn ir-rimedji jew ikunu ħallew it-termini jiskadu mingħajr ma jkunu eżerċitawhom” ( 63 ).
60.
Barra minn hekk, minn sentenza mogħtija reċentement fil-kawża Muslija vs Il-Bosnja-Ħerzegovina jirriżulta li l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 jipprojbixxi l-kontinwazzjoni ta’ proċeduri paralleli wara li waħda mill-proċeduri tkun wasslet għal deċiżjoni definittiva. F’każ bħal dan, il-proċeduri l-oħra għandhom jitwaqqfu ( 64 ).
4. L-Artikolu 50 tal-Karta u r-relazzjoni tiegħu mal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7
61.
Kif diġà osservajt, l-Artikolu 50 tal-Karta huwa fformulat fi kliem [essenzjalment] identiku għal dak tal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7, bl-unika differenza tikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, li, fil-każ tal-Karta, ikopri l-Unjoni kollha ( 65 ), filwaqt li, fil-każ tal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7, dan il-kamp ikopri biss it-territorju ta’ Stat wieħed.
62.
Huwa paċifiku li l-Karta għandha tiġi interpretata inkonformità mad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-KEDB. Madankollu, il-kwistjoni li tqum hija dik dwar jekk dan l-approċċ japplikax ukoll fil-każ li dispożizzjoni tal-KEDB ma torbotx lill-Istati Membri kollha. F’dan ir-rigward, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni komplet tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem fid-dritt tal-Unjoni, diġà ġew esposti opinjonijiet differenti ( 66 ).
63.
Fil-fehma tiegħi, l-assenza ta’ ratifika tal-Protokoll Nru 7 minn ċerti Stati Membri ma tistax taffettwa l-interpretazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta peress li dan il-fatt ma jistax jibdel il-portata tal-imsemmija dispożizzjoni. Jekk ma jkunx hekk, l-Istati Membri jkunu qegħdin jingħataw setgħa ta’ interpretazzjoni unilaterali fir-rigward tal-kontenut tas-sistema tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni. Issa, fid-dawl tal-prinċipju tal-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni, flimkien mal-funzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiżgura l-interpretazzjoni uniformi tiegħu, dan għandu jiġi eskluż.
64.
Għaldaqstant, għandha tingħata interpretazzjoni koerenti tal-Artikolu 50 tal-Karta b’rabta mal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 u dan billi wieħed jitlaq mill-prinċipju ta’ identiċità fis-sens ta’ dawn ż-żewġ dispożizzjonijiet fir-rigward tal-kliem [essenzjalment] identiku użat fihom.
5. Il-kundizzjoni ta’ infurzar prevista fl-Artikolu 54 tal-KFS tinsab f’kunflitt mal-Artikolu 50 tal-Karta?
65.
Fid-dawl tal-kumplessità ta’ din il-kwistjoni, nipproponi li nanalizza r-relazzjoni bejn l-Artikolu 54 tal-KFS u l-Artikolu 50 tal-Karta b’dan il-mod. L-ewwel nett, ser inqajjem il-kwistjoni dwar eventwali inkompatibbiltà bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet. It-tieni nett, jekk ma tkunx tista’ tiġi kkonstatata tali inkompatibbiltà, nipproponi li niddetermina jekk hijiex involuta interferenza fl‑eżerċizzju ta’ dritt fundamentali li wieħed ma jkunx is-suġġett ta’ proċeduri jew ta’ pieni darbtejn għall-istess reat. F’dan il-kuntest, ser nanalizza jekk il-kundizzjoni ta’ infurzar stabbilita fl-Artikolu 54 tal-KFS tistax tikkostitwixxi tali interferenza. Fl-aħħar nett, ser neżamina l-kundizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 52 tal-Karta u ser nindirizza b’mod partikolari dik tal-osservanza tal-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali inkwistjoni kif ukoll l-eżami tal-proporzjonalità tal-interferenza li tirriżulta mill-Artikolu 54 tal-KFS fir-rigward tal-Artikolu 50 tal-Karta.
66.
Huwa paċifiku li l-kundizzjoni ta’ infurzar prevista fl-Artikolu 54 tal-KFS timponi, fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, kundizzjonijiet supplimentari li ma jinsabux fl-Artikolu 50 tal-Karta u li ma jikkorrispondux għad-derogi permessi taħt l-Artikolu 4(2) tal-Protokoll Nru 7.
67.
Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi l-applikazzjoni ta’ din il-kundizzjoni twassal għal riżultat li ma huwiex materjalment konformi mal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li madankollu tibqa’ applikabbli u limitata għal sitwazzjonijiet interni ta’ Stat wieħed biss. Fil-fatt, il-kundizzjoni ta’ infurzar prevista fl-Artikolu 54 tal-KFS ma tipprekludix, fiha nnifisha, li jinbdew jew li jitkomplew proċeduri fir-rigward tal-istess azzjonijiet anki meta sentenza kriminali fi Stat Membru ieħor tkun saret definittiva.
68.
Madankollu, l-eventwalità ta’ inkompatibbiltà mal-KEDB, sostunta biss mir-rappreżentant ta’ Z. Spasic, tista’ tiġi kkunsidrata f’erba’ sitwazzjonijiet koperti mill-espressjoni “fl-Unjoni”, li tinsab fl-Artikolu 50 tal-Karta. Dawn huma s-sitwazzjonijiet ta’ proċeduri doppji mill-awtoritajiet tal-Unjoni, ta’ proċeduri doppji mill-awtoritajiet nazzjonali u minn dawk tal-Unjoni, ta’ proċeduri doppji fil-livell nazzjonali u ta’ proċeduri doppji transkonfinali. Peress li huma biss l-aħħar żewġ sitwazzjonijiet li huma rilevanti fil-qasam tal-kooperazzjoni f’materji kriminali fid-dawl tal-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, id-diskussjoni għandha tkun limitata għal dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet.
69.
Fil-fehma tiegħi, il-protezzjoni partikolarment għolja stabbilita fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7, fis-sens li ħadd ma jista’ jkun is-suġġett ta’ żewġ proċeduri għall-istess azzjonijiet, kif ukoll l-iżvilupp tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, li fi ħdanu l-infurzar transkonfinali issa jsir permezz tal-istrumenti tad-dritt tal-Unjoni dwar ir-rikonoxximent reċiproku, iwasslu sabiex tiġi ffavorita applikazzjoni rigoruża tal-Artikolu 50 tal-Karta. B’hekk, minn dan tirriżulta prima facie inkompatibbiltà bejn il-kundizzjoni ta’ infurzar prevista fl-Artikolu 54 tal-KFS u l-Karta.
70.
Madankollu, din il-konklużjoni tista’ twassal sabiex tikkontradixxi l-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta, li jidhru li jistabbilixxu distinzjoni bejn is-sitwazzjonijiet nazzjonali u s-sitwazzjonijiet transkonfinali fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem.
71.
Fil-fatt, skont l-imsemmija spjegazzjonijiet, “[f]ir-rigward tas-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru. 7, jiġifieri l-applikazzjoni tal-prinċipju fl-istess Stat Membru, id-dritt li huwa ggarantit għandu l-istess sens u l-istess ambitu bħad-dritt korrispondenti fil-KEDB”. Għaldaqstant, l-Artikolu 50 jikkorrispondi għall-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7, iżda “l-ambitu tiegħu huwa estiż għal-livell ta’ l-Unjoni Ewropea bejn il-Qrati ta’ l-Istati Membri”. Dan jidher li jimplika li, fis-sitwazzjonijiet transkonfinali, is-sens u l-portata tal-Artikolu 50 tal-Karta jistgħu jvarjaw mill-KEDB. Madankollu, jidher li l-awturi tal-Ispjegazzjonijiet ikkunsidraw pjuttost li l-acquis tal-Unjoni msemmi fihom jikkostitwixxi limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt fundamentali previst fl-Artikolu 50 tal-Karta inkonformità mal-Artikolu 52(1) tagħha.
72.
Barra minn hekk, il-formulazzjoni ftit preċiża tal-Artikolu 50 tal-Karta ma tippermettix li jinstiltu konklużjonijiet univoki u uniformi fid-dawl tan-numru kbir ta’ sitwazzjonijiet li fihom l-imsemmi prinċipju jista’ jiġi applikat, kemm barra minn u kemm fil-kamp tad-dritt kriminali klassiku, fil-każ ta’ sitwazzjonijiet inqas evidenti bħal dik ineżami.
73.
Għal dawn ir-raġunijiet kollha, jiena naħseb li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddikjara l-kundizzjoni ta’ infurzar inkompatibbli bħala tali mal-Karta.
6. Il-kundizzjoni ta’ infurzar tikkostitwixxi limitazzjoni jew deroga fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta?
– Fuq l-eżistenza ta’ interferenza li tikkostitwixxi ksur ta’ dritt fundamentali
74.
Jekk tiġi aċċettata l-interpretazzjoni tal-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta kif esposta iktar ’il fuq, fil-fehma tiegħi jkun impossibbli li tiġi nnegata l-eżistenza ta’ kwalunkwe kunflitt bejn il-kundizzjoni ta’ infurzar u l-Artikolu 50 tal-Karta. Issa, limitazzjoni jew deroga għal dritt fundamentali jistgħu jiġu kkunsidrati biss jekk ir-regola inkwistjoni tikkostitwixxi interferenza fid-dritt fundamentali kkonċernat ( 67 ).
75.
Filwaqt li tirreferi għall-ġurisprudenza tal-ogħla qrati Ġermaniżi ( 68 ) u fid-dawl tal-Ispjegazzjonijiet tal-Karta fil-verżjoni tagħhom aġġornati fl-2007 ( 69 ), il-qorti tar-rinviju ssostni li l-Artikolu 54 tal-KFS jikkostitwixxi dispożizzjoni limitattiva fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta. Skont il-qorti tar-rinviju, il-kliem tal-imsemmija spjegazzjonijiet l-“eċċezzjonijiet ferm limitati f’dawk il-Konvenzjonijiet li jippermettu lill-Istati Membri jidderogaw mir-regola ‘non bis in idem’” jirreferu għall-konvenzjonijiet ( 70 ) li jinkludu l-prinċipju ta’ ne bis in idem redatt skont il-mudell tal-KFS, jew għad-dispożizzjonijiet derogatorji tagħhom, inklużi l-Artikoli 54 sa 58 tal-KFS.
76.
Huwa minnu li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikolu 52(7) tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja hija meħtieġa tieħu debitament inkunsiderazzjoni dawn l-ispjegazzjonijiet ( 71 ). Dan jimplika, a contrario, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex marbuta minnhom fl-interpretazzjoni tal-Karta. Barra minn hekk, fil-każijiet fejn l-imsemmija spjegazzjonijiet jirreferu għall-acquis tal-Unjoni fir-rigward tad-dritt idderivat, dan ma jimplikax, fil-fehma tiegħi, li l-kwistjoni tal-kompatibbiltà ta’ dan l-acquis mal-Karta ma tistax tiddaħħal inkwistjoni billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-iżvilupp fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll tal-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.
77.
Mingħajr ma nixtieq nieħu pożizzjoni dwar il-kwistjoni ta’ x’inhu l-istatus tal-Artikoli 55 sa 58 tal-KFS fid-dawl tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, uħud minn dawn id-dispożizzjonijiet jidhru, fil-fehma tiegħi, li jistabbilixxu b’mod ċar limitazzjonijiet għad-dritt fundamentali kkostitwit mill-prinċipju ta’ ne bis in idem.
78.
Għall-kuntrarju, din il-kwalità hija inqas ċara fir-rigward tal-Artikolu 54 tal-KFS. Fil-fatt, l-għan tal-kundizzjoni ta’ infurzar prevista fl-imsemmija dispożizzjoni huwa iktar li jiġi ddelimitat jew ippreċiżat il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regola ta’ ne bis in idem f’kuntest transkonfinali milli li tiġi introdotta limitazzjoni jew deroga għall-imsemmija regola. Huwa minnu li, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni tikklassifika l-kundizzjoni ta’ infurzar bħala kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 54 tal-KFS, u mhux bħala eċċezzjoni għal din id-dispożizzjoni. Madankollu, din il-klassifikazzjoni interna għad-dispożizzjoni tal-KFS ma għandha ebda impatt mill-perspettiva tar-relazzjoni bejn l-Artikolu 54 tal-KFS fl-intier tiegħu u l-Artikolu 50 tal-Karta, fid-dawl tal-Artikolu 52 tal-Karta.
79.
F’dan ir-rigward, għandha għaldaqstant titqajjem il-kwistjoni ta’ jekk il-kwalità ta’ limitazzjoni bħala tali tiddependix minn evalwazzjoni suġġettiva jew oġġettiva.
80.
Fl-ewwel ipoteżi, norma tikkostitwixxi limitazzjoni fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta biss fil-każ li tkun ġiet adottata bħala tali. Din l-ipoteżi, li tista’ teskludi l-kundizzjoni ta’ infurzar prevista fl-Artikolu 54 tal-KFS mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 52, teżiġi li l-leġiżlatur ikun adotta n-norma bil-għan li jillimita d-dritt fundamentali kkonċernat u li, waqt l-adozzjoni tal-limitazzjoni, kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni wkoll il-proporzjonalità tagħha fis-sens tat-tieni sentenza tal-imsemmi artikolu.
81.
Madankollu, jiena naħseb li l-kunċett ta’ limitazzjoni msemmi fl-Artikolu 52(1) tal-Karta għandu jiġi interpretat bħala kunċett oġġettiv. B’hekk, kull dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jew dik tad-dritt nazzjonali li timplementa d-dritt tal-Unjoni li, fid-dritt jew fil-fatt, tista’ tillimita l-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti mill-Karta, tista’ tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tagħha mal-Karta u, għaldaqstant, tal-kapaċità tagħha li tikkostitwixxi limitazzjoni fis-sens tal-Artikolu 52 tal-Karta. Barra minn hekk, l-istħarriġ tal-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni mad-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mill-Karta, li kien biss fl-2009 li saret legalment vinkolanti, huwa obbligatorju fir-rigward tad-dispożizzjonijiet adottati preċedentement ( 72 ).
82.
Għaldaqstant, l-applikazzjoni tal-kundizzjoni ta’ infurzar prevista fl-Artikolu 54 tal-KFS tista’ tikkostitwixxi limitazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, tad-dritt fundamentali ddefinit fl-Artikolu 50 tagħha.
– Fuq il-ġustifikazzjoni tal-interferenza fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 52(1) tal-Karta
83.
Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi li, ħlief għal ċerti eċċezzjonijiet ( 73 ), id-drittijiet fundamentali ma humiex prerogattivi assoluti iżda jistgħu jkunu suġġetti għal restrizzjonijiet, bil-kundizzjoni li dawn ir-restrizzjonijiet jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti mill-miżura inkwistjoni u bil-kundizzjoni li ma jikkostitwixxux, fid-dawl tal-għan segwit, intervenzjoni sproporzjonata u intollerabbli li tippreġudika l-essenza stess tad-drittijiet iggarantiti b’dan il-mod ( 74 ). Għaldaqstant, fil-ġurisprudenza tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja tfittex mekkaniżmu li jippermetti li jinstab bilanċ ġust bejn, minn naħa, id-diversi drittijiet u interessi u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ekonomiċi ( 75 ), u l-Qorti tal-Ġustizzja twettaq dan l‑ibbilanċjar billi tieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-għanijiet tal-limitazzjoni ta’ dritt fundamentali ( 76 ).
84.
Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tapplika raġunament komparabbli ( 77 ) billi tirrikonoxxi li ċerti drittijiet jistgħu jkunu suġġetti għal limitazzjonijiet bil-kundizzjoni li l-limitazzjonijiet implementati ma jaffettwawx l-essenza stess tad-dritt. Barra minn hekk, tali limitazzjonijiet ikunu kompatibbli mad-dispożizzjoni kkonċernata tal-KEDB biss jekk ikunu maħsuba sabiex jintlaħaq għan leġittimu u jekk ikun hemm relazzjoni raġonevoli ta’ proporzjonalità bejn il-mezzi użati u l-għan segwit ( 78 ). B’mod partikolari, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-interferenza fir-rigward tal-libertajiet iddefiniti mill-KEDB, il-konstatazzjoni ta’ interferenza ma timplikax ksur tal-Konvenzjoni iżda teżiġi li jiġi eżaminat jekk tali interferenza tissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ legalità formali (tkun prevista mil-liġi), ta’ legalità materjali (ikollha għanijiet leġittimi fir-rigward tad-dispożizzjoni kkonċernata) u tan-natura indispensabbli f’soċjetà demokratika ( 79 ).
85.
Infakkar li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tawtorizza limitazzjonijiet tad-drittijiet fundamentali stabbiliti mill-Karta bil-kundizzjoni li dawn ikunu previsti mil-liġi u josservaw il-kontenut essenzjali tad-drittijiet u tal-libertajiet ikkonċernati. It-tieni sentenza tal-imsemmi artikolu tissuġġetta dawn il-limitazzjonijiet għal kriterju ta’ proporzjonalità ( 80 ).
86.
Fil-każ ineżami, huwa manifest li l-kundizzjoni ta’ infurzar tissodisfa l-kriterju li għandha tkun prevista mil-liġi.
87.
Fir-rigward tal-osservanza tal-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali inkwistjoni, nikkunsidra, għalkemm mhux mingħajr eżitazzjoni, li dan il-kriterju wkoll huwa ssodisfatt mill-kundizzjoni ta’ infurzar.
88.
Fil-każ tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, huwa fil-fatt diffiċli li wieħed jidentifika bi preċiżjoni l-kontenut essenzjali distintiv tiegħu. Madankollu, billi jittieħed bħala bażi l-iżvilupp tal-protezzjoni internazzjonali u nazzjonali ta’ dan id-dritt fundamentali, jidher possibbli li jiġi identifikat il-“qofol” tiegħu. B’hekk, l-essenza ta’ dan id-dritt fundamentali tista’ tiġi kkunsidrata bħala li tikkonsisti (i) fil-projbizzjoni tal-proċeduri mibdija wara l-għoti ta’ sentenza finali (ii) ta’ natura kriminali klassifika (iii) mill-awtoritajiet tal-istess Stat (iv) fil-każ ta’ identiċità tal-fatti (v) kif ukoll ta’ identiċità tal-klassifikazzjoni legali tagħhom fid-dawl tal-oġġett li jkun is-suġġett tal-protezzjoni skont id-dritt nazzjonali applikabbli, (vi) sakemm l-ewwel proċedura ma tkunx ivvizjata minn nuqqas gravi kif ukoll (vii) sakemm ma jkunx hemm provi ġodda. Madankollu, dan id-dritt fundamentali ma huwiex applikabbli għar-reati partikolarment gravi bħalma huwa l-ġenoċidu.
89.
Għaldaqstant, interferenza tista’ tiġi aċċettata barra mill-kamp tad-dritt kriminali klassiku fil-każ ta’ sensiela ta’ reati kif ukoll fis-sitwazzjonijiet transkonfinali. Dan il-każ tal-aħħar huwa b’mod partikolari l-każ tal-Artikolu 54 tal-KFS li ma jipprekludix proċeduri kriminali ġodda għall-istess azzjonijiet bħal dawk li fir-rigward tagħhom il-persuna kkonċernata tkun diġà ġiet ikkundannata permezz ta’ sentenza definittiva fi Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, din hija preċiżament is-sitwazzjoni ta’ Z. Spasic.
90.
Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet, nipproponi li jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 54 tal-KFS, li jirrifletti l-prinċipju ta’ ne bis in idem f’kuntest transkonfinali, josserva l-essenza tal-prinċipju ta’ ne bis in idem bħala dritt fundamentali.
– Fuq il-ġustifikazzjoni fid-dawl tal-eżami ta’ proporzjonalità
91.
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha għalhekk tiġi vverifikata l-proporzjonalità tal-interferenza kkonstatata. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu ta’ natura adegwata sabiex jilħqu l-għanijiet leġittimi segwiti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u ma jmorrux lil hinn mil-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet ( 81 ).
92.
Fir-rigward tal-għan ta’ interess ġenerali li fuqu hija bbażata l-limitazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża, id-dritt fundamentali li wieħed ma jkunx is-suġġett ta’ proċeduri jew ta’ pieni kriminali darbtejn għall-istess reat, stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta, huwa llimitat permezz tal-Artikolu 54 tal-KFS minħabba l-għan irrikonoxxut mill-Unjoni li huwa li tiġi evitata l-impunità fil-kuntest tal-istabbiliment tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni fis-sens tal-Artikolu 3(2) TFUE, li fih ikun żgurat il-moviment liberu tal-persuni.
93.
Fir-rigward tan-natura adegwata tal-applikazzjoni tal-kundizzjoni ta’ infurzar sabiex jintlaħaq l-għan li tiġi evitata l-impunità, għandha l-ewwel nett tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-ġustifikazzjoni tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni kriminali mill-awtoritajiet Ġermaniżi sabiex jiftħu proċeduri kontra Z. Spasic wara l-kundanna tiegħu mit-Tribunale ordinario di Milano permezz ta’ sentenza li saret definittiva. F’dan ir-rigward jidhirli li jistgħu jiġu kkunsidrati żewġ ipoteżijiet.
94.
Jekk ir-raġuni tal-proċeduri hija li huwa mixtieq li Z. Spasic ikun suġġett għal sanzjoni oħra li tkun iktar severa minn dik li tirriżulta mis-sentenza tat-Tribunale ordinario di Milano tat-18 ta’ Ġunju 2012 li tirrifletti l-piena mnaqqsa minħabba l-ftehim milħuq bejn l-akkużat u l-prosekuzzjoni pubblika, sabiex tiġi ggarantita protezzjoni ogħla għall-vittma ta’ nazzjonalità Ġermaniża, għandu jiġi kkonstatat li d-dritt tal-Unjoni ma jissuġġettax l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem għall-armonizzazzjoni jew għall-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet kriminali tal-Istati Membri. Għaldaqstant, huwa meħtieġ li jkun hemm fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fis-sistemi rispettivi ta’ ġustizzja kriminali u li kull wieħed mill-Istati Membri jaċċetta l-applikazzjoni tad-dritt kriminali fis-seħħ fl-Istati Membri l-oħra, u dan anki meta l-implementazzjoni tad-dritt nazzjonali tiegħu stess kienet twassal għal soluzzjoni differenti ( 82 ). Għaldaqstant, din ir-raġuni ma tistax tiġi aċċettata bħala li tiġġustifika l-applikazzjoni tal-kundizzjoni ta’ infurzar fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
95.
Jekk, għall-kuntrarju, ir-raġuni tal-applikazzjoni tal-kundizzjoni ta’ infurzar prevista fl-Artikolu 54 tal-KFS hija bbażata fuq il-biża’ li, fl-assenza ta’ proċeduri fil-Ġermanja, Z. Spasic jibqa’ impunit għar-reat li huwa wettaq f’Milano, l-interferenza fir-rigward tad-dritt fundamentali previst fl-Artikolu 50 tal-Karta hija fil-prinċipju ta’ natura adegwata sabiex jintlaħaq l-għan li tiġi evitata l-impunità.
96.
Madankollu, din l-aħħar ipoteżi tqajjem ukoll dubju dwar ir-rewkiżit ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fir-rigward tas-sistemi rispettivi ta’ ġustizzja kriminali tagħhom. F’dan ir-rigward nosserva li, fil-5 ta’ Jannar 2013, l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku adotta d-deċiżjoni li tordna l-arrest tal-ikkundannat sabiex jiskonta l-piena ta’ priġunerija fl-Italja ( 83 ). Issa, ir-Repubblika Taljana għadha ma ħarġitx mandat ta’ arrest Ewropew għal dan il-għan.
97.
Dan iwassalni sabiex neżamina n-neċessità, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, tal-applikazzjoni tal-kundizzjoni ta’ infurzar.
98.
Fil-fehma tiegħi, ir-rekwiżit imperattiv li tiġi evitata l-impunità ma jeħtieġx l-applikazzjoni b’mod ġenerali tal-kundizzjoni ta’ infurzar kif prevista fl‑Artikolu 54 tal-KFS minħabba li l-kriterju tan-neċessità ma jistax jibqa’ jiġi kkunsidrat li huwa ssodisfat sistematikament fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni.
99.
Fil-fatt, id-dubju mqajjem mill-Kummissjoni fil-Green Paper iċċitata iktar ’il fuq dwar il-ġustifikazzjoni tal-kundizzjoni ta’ infurzar fil-kuntest ta’ infurzar transkonfinali permezz ta’ istrumenti bbażati fuq ir-rikonoxximent reċiproku ( 84 ) sar fil-fatt iktar rilevanti.
100.
Attwalment id-dritt tal-Unjoni jipprovdi l-istrumenti legali tad-dritt idderivat li huma ta’ natura inqas intrużiva ( 85 ) u li jistgħu jippermettu lill-Istati Membri jinfurzaw is-sanzjonijiet kriminali fil-każijiet fejn il-persuna kundannata tkun tinsab fi Stat Membru ieħor kif ukoll jiskambjaw l-informazzjoni relatata ( 86 ). Barra minn hekk, diversi atti tad-dritt idderivat fil-qasam tal-kooperazzjoni fid-dritt kriminali jirreferu għall-prinċipju ta’ ne bis in idem, li ma huwiex marbut ma’ kundizzjoni ta’ infurzar ( 87 ).
101.
F’dan il-kuntest, l-issuġġettar sistematiku tal-persuni diġà kkundannati permezz ta’ sentenza kriminali definittiva għal riskju ta’ dupplikazzjoni tal-proċeduri fi Stat Membru ieħor imur lil hinn mil-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan segwit.
102.
Barra minn hekk, filwaqt li nirrikonoxxi li l-prinċipju li “kull piena għandha tiġi infurzata” jagħmel parti mill-Istat ta’ dritt ( 88 ), nikkunsidra li l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-mezzi li jadottaw sabiex jinfurzaw is-sentenzi mogħtija mill-qrati nazzjonali. Fil-każijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 54 tal-KFS, huwa possibbli li l-ewwel Stat Membru jkun għadu ma riedx jew ma setax jinforza sentenza, pereżempju fid-dawl tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi proċedura partikolari sabiex jiġu ddeterminati in concreto l-modi ta’ infurzar, minħabba li ma jkunx hemm biżżejjed postijiet fil-ħabsijiet, minħabba li l-persuna kkonċernata tkun qiegħda tiskonta piena oħra fi Stat ieħor jew minħabba ftehim individwali li jinvolvi l-posponiment tal-infurzar minħabba raġunijiet marbuta mal-familja jew mas-saħħa tal-persuna kkundannata. Għalhekk, id-dritt tal-Unjoni ma jistax pereżempju jimponi fuq Stat obbligu li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew sabiex tiġi prekluża l-impunità ( 89 ).
103.
Għal dawn ir-raġunijiet kollha, minħabba l-applikazzjoni ġeneralizzata tagħha l-kundizzjoni ta’ infurzar ma tissodisfax il-kriterju ta’ proporzjonalità u ma tistax titqies bħala ksur iġġustifikat tad-dritt li wieħed ma jkunx is-suġġett ta’ proċeduri jew ta’ pieni kriminali darbtejn fis-sens tal-Artikolu 52 tal-Karta.
104.
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, skont il-ġurisprudenza, l-Istati Membri ma humiex biss obbligati li jinterpretaw iżda wkoll li japplikaw att tad-dritt idderivat b’mod konformi mad-drittijiet fundamentali ( 90 ). Dan l-obbligu jista’ jimplika dmir li l-att inkwistjoni ma jiġix applikat fis-sitwazzjonijiet kollha li jirriżultaw mill-formulazzjoni tiegħu ( 91 ).
105.
Fil-fatt, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, għadhom jeżistu każijiet limitati fejn l-applikazzjoni tal-kundizzjoni ta’ infurzar tal-Artikolu 54 tal-KFS għandha titqies bħala neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq.
106.
Dan ikun il-każ, l-ewwel nett, ta’ sitwazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(2) tal-Protokoll Nru 7, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Huwa fil-fehma tiegħi evidenti li deroga applikabbli inkonformità mal-KEDB għal sitwazzjonijiet nazzjonali tista’ tiġi applikata fis-sitwazzjonijiet transkonfinali li, bis-saħħa tal-Karta, huma inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt fundamentali ta’ ne bis in idem.
107.
It-tieni nett, fil-fehma tiegħi, ir-reati li l-Istati Membri huma obbligati jissanzjonaw skont id-dritt internazzjonali ġenerali, bħalma huma r-reati kontra l-umanità, il-genoċidju u r-reati tal-gwerra, għandhom ikunu s-suġġett ta’ proċeduri għat-tieni darba jekk l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem twassal għall-impunità tagħhom ( 92 ). Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra tirrifletti wkoll in-neċessità ta’ approċċ strett f’dan ir-rigward ( 93 ).
108.
It-tielet nett, sabiex tiġi evitata l-impunità, proċeduri ġudizzjarji ġodda u piena ġdida jkunu neċessarji wkoll fil-każ ta’ ostakolu fit-tul għall-kooperazzjoni fil-qasam tal-infurzar tad-deċiżjonijiet. Dan jikkorrispondi għall-ipoteżi fejn, minkejja l-applikazzjoni jew fl-assenza ta’ applikazzjoni tal-istrumenti inqas onerużi għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet taż-żewġ Stati Membri kkonċernati, ikun hemm ir-riskju li jinġab fix-xejn l-għan tal-Unjoni li tiġi evitata l-impunità.
109.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tfakkar ġustament l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 10 u 12 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/948, li jipprovdu li l-awtoritajiet taż-żewġ Stati kkonċernati li jinvokaw ġurisdizzjoni simultanja fir-rigward tal-implementazzjoni ta’ proċedura kriminali huma obbligati jidħlu f’konsultazzjonijiet sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi negattivi li jirriżultaw mill-eżistenza ta’ proċeduri simultanji. Huwa minnu li formalment dan l-obbligu jintemm meta tiġi adottata deċiżjoni finali f’wieħed miż-żewġ Stati Membri. Madankollu, fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 57(1) tal-KFS interpretat inkonformità mal-prinċipju ta’ lealtà u fl-ispirtu tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali jista’ jikkostitwixxi sors ta’ tali obbligu ( 94 ).
110.
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda preliminari fis-sens li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, l-applikazzjoni tal-kundizzjoni ta’ infurzar prevista fl-Artikolu 54 tal-KFS tikkostitwixxi interferenza proporzjonata u għaldaqstant iġġustifikata fis-sens tal-Artikolu 52 tal-Karta fir-rigward tad-dritt fundamentali li wieħed ma jkunx is-suġġett ta’ proċeduri jew ta’ pieni kriminali darbtejn għall-istess reat stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta fil-każijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(2) tal-Protokoll Nru 7, fl-ipoteżi li l-Istati Membri jkunu obbligati jissanzjonaw atti bis-saħħa tad-dritt internazzjonali kif ukoll fl-ipoteżi li l-miżuri applikabbli bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni ma jkunux suffiċjenti sabiex tiġi evitata l-impunità. Fil-kawża ineżami, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk din l-aħħar ipoteżi teżistix fil-kawża ineżami.
C – Fuq it-tieni domanda, dwar l-interpretazzjoni tal-kundizzjoni ta ’ infurzar fis-sens tal-Artikolu 54 tal-KFS
111.
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, fis-sens tal-Artikolu 54 tal-KFS, hemmx lok li jitqies li s-sanzjoni mogħtija minn qorti ta’ Stat Kontraenti “tkun ġiet infurzata” jew “tkun fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata” jew “ma tkunx tista’ tiġi infurzata iżjed” meta akkużat ikun, skont id-dritt tal-Istat Kontraenti, ġie kkundannat għal sanzjoni komposta minn żewġ elementi, jiġifieri piena ta’ priġunerija u piena pekunjarja u meta tkun ġiet infurzata biss il-piena pekunjarja.
112.
Fil-fatt, peress li Z. Spasic ħallas il-multa ta’ EUR 800, għandu jitqies li, wara tali infurzar parzjali, is-sanzjoni għandha titqies bħala “infurzata” jew “fil-proċess li tiġi infurzata” fis-sens tal-Artikolu 54 tal-KFS. Nosserva li, fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni tieħu din l-istess pożizzjoni, fid-dawl ta’ dan l-infurzar parzjali tal-piena u tal-fatt li d-detenzjoni tal-akkużat fi Stat Membru ieħor tirrendi l-infurzar immedjat tat-tieni element tas-sanzjoni oġġettivament impossibbli fil-prattika. B’hekk, skont il-Kummissjoni, proċedura kriminali oħra intiża sabiex tiġi evitata l-impunità ma hijiex meħtieġa.
113.
F’dan ir-rigward, fir-rigward tan-natura tas-sentenza mogħtija mit-Tribunale ordinario di Milano, nosserva li mill-proċess jirriżulta li l-imsemmija sentenza ngħatat “fl-assenza” tal-akkużat. Fil-fatt, il-qorti Taljana tindika b’mod ċar li, matul il-proċess, Z. Spasic kien jinsab f’ħabs fl-Awstrija. Barra minn hekk, mill-imsemmija sentenza jirriżulta wkoll li l-akkużat ikkonkluda ftehim mal-prosekutur pubbliku sabiex ikun jista’ jibbenefika minn tnaqqis tal-piena skont l-Artikolu 444 tal-Kodiċi kriminali Taljan. Dan il-każ għaldaqstant ma huwiex eżempju klassiku ta’ sentenza fil-kontumaċja. Madankollu, l-Artikolu 54 tal-KFS huwa fil-fehma tiegħi kompletament applikabbli għall-każ ineżami peress li l‑kundizzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija biss dik dwar l-għoti ta’ sentenza definittiva minn Parti Kontraenti ( 95 ).
114.
Barra minn hekk, infakkar li l-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 54 tal-KFS għandu żewġ rwoli fundamenali. Minn naħa, dan il-prinċipju ma huwiex sempliċi regola ta’ natura proċedurali iżda huwa garanzija fundamentali taċ-ċittadini fis-sistemi legali li huma bbażati fuq ir-rikonoxximent lill-individwu ta’ sett ta’ drittjiet u ta’ libertajiet fir-rigward tal-azzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi. Għaldaqstant, l-imsemmija dispożizzjoni tikkostitwixxi limitu għall-eżerċizzju tad-dritt li azzjoni li tikkostitwixxi reat tkun is-suġġett ta’ proċeduri u ta’ piena ( 96 ). Min-naħa l-oħra, l-imsemmi artikolu jservi sabiex jiggarantixxi ċ-ċertezza legali permezz tal-osservanza tad-deċiżjonijiet tal-korpi pubbliċi li jkunu saru definittivi fl-assenza ta’ armonizzazzjoni jew ta’ approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet kriminali tal-Istati Membri ( 97 ).
115.
Dan l-aspett dwar l-assenza ta’ armonizzazzjoni jidhirli li huwa importanti sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, fid-dawl tal-varjetà tas-sistemi għall-impożizzjoni tal-pieni fid-drittijiet nazzjonali. Għaldaqstant, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 54 tal-KFS għandha, f’kull każ partikolari, tosserva t-tip ta’ piena mogħtija u l-karatteristiċi speċifiċi tas-sistema kriminali tal-Istat Membru tal-kundanna ( 98 ).
116.
Fil-kawża ineżami hija involuta kundanna għall-istess reat. Skont l-Artikolu 640 tal-Kodiċi kriminali Taljan, il-qorti Taljana tat żewġ pieni, li fid-dritt kriminali Taljan huma kkunsidrati bħala “pieni prinċipali”, jiġifieri l-piena ta’ priġunerija u l-multa ( 99 ). B’hekk, kif ikkonferma l-aġent tal-Gvern Taljan matul is-seduta, dawn ma humiex piena prinċipali u piena sekondarja fis-sens tad-dritt Taljan.
117.
Fir-rigward tat-tliet aspetti tal-kundizzjoni ta’ infurzar fis-sens tal-Artikolu 54 tal-KFS, għandu jiġi kkonstatat dan li ġej.
118.
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ piena li “tkun ġiet infurzata”, jidher ċar li, fil-każ li jingħataw żewġ pieni għall-istess reat, bħalma huwa l-każ tas-sentenza Taljana ineżami, l-infurzar ta’ waħda minnhom ma jistax iwassal sabiex jitqies li l-imsemmija kundizzjoni hija ssodisfatta. Huwa minnu li, fil-kawża ineżami, il-ħlas tal-multa ta’ EUR 800 għandu jitqies bħala “piena infurzata”. Madankollu, fir-rigward tal-piena ta’ priġunerija, ma hemm ebda dubju li din għadha ma ġietx “infurzata” fir-rigward tal-akkużat.
119.
Fil-fatt, interpretazzjoni differenti twassal sabiex jinġab fix-xejn is-sens tal-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 54 tal-KFS fir-rigward taż-żewġ funzjonijiet tiegħu mfakkra iktar ’il fuq. Issa, kif il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret fil-kawża Gözütok u Brügge, l-interpretazzjoni tal-imsemmi artikolu għandha tiggarantixxi applikazzjoni effettiva tal-imsemmi prinċipju ( 100 ).
120.
Fi kwalunkwe każ, fir-rigward b’mod partikolari tal-piena ta’ priġunerija, huwa paċifiku li l-piena li għaliha l-akkużat ġie kkundannat tista’ tinbidel matul l-infurzar tagħha: tnaqqis tat-tul tagħha, ħruġ temporanju, ħelsien kmieni, ħelsien kmieni taħt ċerti kundizzjonijiet. Għaldaqstant, il-piena ta’ priġunerija għandha titqies bħala li “tkun ġiet infurzata” fil-każ tal-ħelsien kundizzjonali peress li l-proċess ta’ infurzar jissodisfa l-kundizzjoni marbuta man-natura definittiva u eżawrjenti. Għaldaqstant, ma huwiex meħtieġ li l-piena li għaliha tkun ġiet ikkundannata l-persuna kkonċernata tkun skontata kollha kemm hi. F’tali każ, ma tistax tingħata piena ġdida jekk ma jkunx twettaq nuqqas ġdid jew reat ġdid ( 101 ).
121.
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kundizzjoni li s-sanzjoni għandha “tkun fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata”, din lanqas ma jidhirli li hija ssodisfatta fil-kawża ineżami.
122.
F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-piena ta’ priġunerija, peress li Z. Spasic ma huwiex jinżamm f’ħabs Taljan sabiex tiġi infurzata s-sentenza tat-Tribunale ordinario di Milano, ma hemm ebda dubju raġonevoli dwar il-fatt li din il-kundizzjoni ma hijiex issodisfatta.
123.
F’dan ir-rigward, nosserva li mis-sentenza tat-Tribunale ordinario di Milano tat-18 ta’ Ġunju 2012 jirriżulta b’mod ċar li s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ma kinitx intalbet fl-istadju tal-imsemmija sentenza u, kif ikkonferma l-aġent tal-Gvern Taljan matul is-seduta, eventwali sospensjoni ex officio inkonformità mad-dritt Taljan ma għadhiex obbligatorja fil-kawża ineżami ( 102 ). Infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li piena ta’ priġunerija sospiża, sa fejn tippenalizza l-imġiba illegali ta’ persuna kkundannata, tikkostitwixxi sanzjoni fis-sens tal-Artikolu 54 tal-KFS. L-imsemmija piena għandha titqies li hija “fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata” malli l-kundanna tkun saret infurzabbli kif ukoll matul il-perijodu ta’ probation. Sussegwentement, ladarba jintemm il-perijodu ta’ probation, il‑piena għandha titqies bħala li “tkun ġiet infurzata” fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni ( 103 ).
124.
Fl-aħħar lok, fil-kawża ineżami manifestament ma għandhiex sitwazzjoni fejn is-sanzjoni “ma tkunx tista’ tiġi infurzata iżjed” skont il-liġijiet tal-Istat tal-kundanna. Mid-deċiżjoni tal-5 ta’ Jannar 2013 tal-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku fi ħdan it-Tribunale ordinario di Milano jirriżulta li l-awtoritajiet Taljani jitilqu mill-premessa li l-piena ta’ priġunerija hija infurzabbli.
125.
Għaldaqstant, nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun fis-sens li l-kundizzjoni tal-Artikolu 54 tal-KFS ma tkunx issodisfatta meta akkużat ikun ġie, skont id-dritt tal-Istat Kontraenti, ikkundannat għal sanzjoni komposta minn żewġ elementi indipendenti, jiġifieri piena ta’ priġunerija u piena pekunjarja, u meta tkun ġiet infurzata biss il-piena pekunjarja, filwaqt li l-piena l-oħra la tkun ġiet infurzata u lanqas ma tkun fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata, iżda tkun għadha tista’ tiġi infurzata skont il-liġijiet tal-Istat Membru tal-kundanna.
V – Konklużjoni
126.
Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Oberlandesgericht Nürnberg kif ġej:
1)
Fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, l-applikazzjoni tal-kundizzjoni ta’ infurzar prevista fl-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen, tal-14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, tikkostitwixxi interferenza proporzjonata u għaldaqstant iġġustifikata fis-sens tal-Artikolu 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tad-dritt fundamentali li wieħed ma jkunx is-suġġett ta’ proċeduri jew ta’ pieni kriminali darbtejn għall-istess reat stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta
—
fil-każijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(2) tal-Protokoll Nru 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmat fi Strasbourg fit-22 ta’ Novembru 1984, kif emendat bil-Protokoll Nru 11 b’effett mid-dħul fis-seħħ ta’ dan tal-aħħar fl-1 ta’ Novembru 1998,
—
fl-ipoteżi li l-Istati Membri jkunu obbligati jissanzjonaw atti bis-saħħa tad-dritt internazzjonali kif ukoll
—
fl-ipoteżi li l-miżuri applikabbli bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni ma jkunux suffiċjenti sabiex tiġi evitata l-impunità .
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk din l-aħħar ipoteżi teżistix fil-kawża ineżami.
2)
Il-kundizzjoni tal-Artikolu 54 tal-imsemmija konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen ma tkunx issodisfatta meta akkużat ikun ġie, skont id-dritt tal-Istat Kontraenti, ikkundannat għal sanzjoni komposta minn żewġ elementi indipendenti, jiġifieri piena ta’ priġunerija u piena pekunjarja, u meta tkun ġiet infurzata biss il-piena pekunjarja, filwaqt li l-piena l-oħra la tkun ġiet infurzata u lanqas ma tkun fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata, iżda tkun għadha tista’ tiġi infurzata skont il-liġijiet tal-Istat Membru tal-kundanna.
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Għandu jiġi ppreċiżat li l-awtoritajiet Ġermaniżi ħarġu diversi mandati ta’ arrest, kemm nazzjonali u kemm Ewropej, li kienu wkoll sussegwentement rettifikati. Għad-dettalji ara l-kuntest fattwali.
( 3 ) Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen, tal-14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9).
( 4 ) Ara s-sentenza Kretzinger (C‑288/05, EU:C:2007:441, punt 39).
( 5 ) Iffirmat fi Strasbourg fit-22 ta’ Novembru 1984, kif emendat bil-Protokoll Nru 11 b’effett mid-dħul fis-seħħ ta’ dan tal-aħħar fl-1 ta’ Novembru 1998 (iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 7”).
( 6 ) Sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Zolotoukhine vs Ir-Russja, 10 ta’ Frar 2009, Nru 14939/03, § 80 sa 84.
( 7 ) Sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Muslija vs Il-Bosnja-Ħerzegovina, 14 ta’ Jannar 2014, Nru 32042/11, § 37, dwar id-duplikazzjoni tal-proċeduri.
( 8 ) Jidher li l-awtoritajiet Ġermaniżi għandhom setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-proċeduri li jikkonċernaw l-atti mwettqa barra mit-territorju li għalih japplika l-Kodiċi kriminali. Ara l-Artikolu 153c tal-Kodiċi tal-proċedura kriminali Ġermaniż (Strafprozeßordnung).
( 9 ) Skont il-punt 26 tar-Rapport spjegattiv dwar il-Protokoll Nru 7, “[l-Artikolu 4] jistabbilixxi l-prinċipju li persuna ma tistax tkun is-suġġett ta’ proċeduri jew ta’ piena kriminali mill-qrati tal-Istat Stat minħabba reat li fir-rigward tiegħu tkun diġà nħelset jew ikkundannata permezz ta’ sentenza definittiva (ne bis in idem)” [traduzzjoni mhux uffiċjali, verżjoni bl-Ingliż disponibbli f’dan is-sit: ].
( 10 ) Mill-Ispjegazzjonijiet dwar l-Artikolu 50 tal-Karta jirriżulta li r-regola ta’ ne bis in idem ma tapplikax biss fir-rigward tal-qorti tal-istess Stat, iżda wkoll bejn il-qrati ta’ diversi Stati Membri, li jikkorrispondi mal-acquis tad-dritt tal-Unjoni. Huwa speċifikat li r-regola antikumulu tikkonċerna l-kumulu ta’ żewġ sanzjonijiet tal-istess natura, f’dan il-każ il-pieni. L-eċċezzjonijiet limitati ħafna li permezz tagħhom l-Artikoli 54 sa 58 tal-KFS, l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej u l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni jippermettu lill-Istati Membri jidderogaw mir-regola ta’ ne bis in idem huma koperti mill-klawżola orizzontali tal-Artikolu 52(1) dwar il-limitazzjonijiet. Fir-rigward tas-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7, jiġifieri l-applikazzjoni tal-prinċipju fl-istess Stat Membru, id-dritt iggarantit għandu l-istess sens u l-istess portata bħad-dritt korrispondenti tal-KEDB.
( 11 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 3.
( 12 ) ĠU C 321, 29.12.2006, p. 191.
( 13 ) Ara l-Anness mal-Protokoll dwar l-acquis ta’ Schengen, punt 2.
( 14 ) Ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju tal-Olanda, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja.
( 15 ) ĠU 2008, C 115, p. 290.
( 16 ) ĠU 2008, C 115, p. 322.
( 17 ) Skont l-Artikolu 121 tal-Kodiċi tal-proċedura kriminali Ġermaniż, intitolat “Detenzjoni preventiva għal iktar minn sitt xhur”, “[s]akemm ma tingħatax sentenza, li tordna piena ta’ priġunerija [...], l-infurzar tad-detenzjoni preventiva għall-istess azzjoni ma jistax jiġi estiż għal itkar minn sitt xhur ħlief meta d-diffikultà partikolari jew il-portata partikolari tal-investigazzjoni jew raġuni importanti oħra ma jippermettux li tingħata s-sentenza u jiġġustifikaw iż-żamma tad-detenzjoni. [...]”.
( 18 ) Il-fatt li l-Kunsill isemmi l-adozzjoni reċenti tad-Direttiva dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew, li għandha tissostitwixxi d-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-KFS, ma jidhrix li jista’, fil-fehma tiegħi, jibdel din il-konklużjoni. Ara d-Direttiva tal-Parlament u tal-Kunsill dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali, fil-proċess li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ara d-dokument PE-CONSE 122/13).
( 19 ) Mill-Informazzjoni dwar id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej fl-1 ta’ Mejju 1999 (ĠU L 114, p. 56), jirriżulta li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għamlet dikjarazzjoni taħt l-Artikolu 35(2) UE li permezz tagħha aċċettat il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjonijiet preliminari skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 35(3)(b) UE. Għandu jitfakkar li l-Artikolu 35 UE għandu jibqa’ japplika ratione temporis għal ħames snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, jiġifieri sal-1 ta’ Diċembru 2014.
( 20 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/436/KE, tal-20 ta’ Mejju 1999, li tiddetermina, b’konformita mad-disposizzjonijiet relevanti tat-Trattat li jistabbilxxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea l-bażi legali għal kull waħda mid-disposizzjonijiet jew deċisjonijiet li jikkostitwixxu l-acquis ta’ Schengen (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 152).
( 21 ) Għal analiżi ara S. Van Raepenbusch, “Le traité d’Amsterdam et la Cour de justice”, Bulletin de la Cour, Settembru 1997, Nru 51.
( 22 ) Fuq id-delimitazzjoni tal-ġurisdizzjoni bejn l-ewwel u t-tielet pilastri, ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑170/96, EU:C:1998:219).
( 23 ) Sentenza McB (C‑400/10 PPU, EU:C:2010:582, punt 52).
( 24 ) Kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, skont l-Artikolu 7(1) tal-Kodiċi kriminali Ġermaniż (Strafgesetzbuch), l-akkużat jaqa’ fil-ġurisdizzjoni kriminali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja minħabba n-nazzjonalità tal-vittma.
( 25 ) C‑398/12, EU:C:2014:65, punt 51. Għal tentattivi sabiex tinstab soluzzjoni għal din il-problema, l-Avukat Ġenerali tirreferi, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna, għall-Green Paper tal-Kummissjoni dwar Konflitti ta’ Ġurisdizzjoni u l-Prinċipju ta’ ne bis in idem fi Proċedimenti Kriminali, u l-Anness tagħha [COM(2005) 696 finali].
( 26 ) J. N. Da Cunha Rodrigues, “À propos du principe ‘Ne bis in idem’ – Un regard sur la jurisprudence de la Cour de justice des Communautés européennes”, Une communauté de droit, Festschrift für Gil Carlo Rodriguez Iglesias, Berlin, 2003, p. 165.
( 27 ) Sentenzi van Esbroeck (C‑436/04, EU:C:2006:165, punti 27 u 36); van Straaten (C‑150/05, EU:C:2006:614, punti 41, 47 u 48), u Mantello (C‑261/09, EU:C:2010:683, punt 39).
( 28 ) Sentenza van Straaten (EU:C:2006:614, punt 55) u, a contrario, is-sentenza Miraglia (C‑469/03, EU:C:2005:156, punti 29 u 30).
( 29 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Gasparini et (C‑467/04, EU:C:2006:610, punt 33) u van Esbroeck (EU:C:2006:165, punt 21).
( 30 ) In-natura awtonoma tal-kunċett ta’ “akkuża f’materja kriminali” kienet rikonoxxuta mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fis-sentenza Engel vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, 8 ta’ Ġunju 1976, Nru 5100/71. Permezz tal-kelma “klassiku” qiegħed nirreferi għad-dritt kriminali ripressiv, li jesprimi kundanna soċjali jew morali gravi tal-att inkwistjoni u li huwa kklassifikat bħala tali mid-dritt applikabbli. Ara wkoll is-sentenza Bonda (C‑489/10, EU:C:2012:319, punti 37 et seq).
( 31 ) Għaldaqstant, dan il-prinċipju jipprojbixxi li l-istess persuna tiġi ssanzjonata iktar minn darba għall-istess aġir illegali sabiex jiġi protett l-istess interess legali. Ara s-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 338).
( 32 ) Ara s-sentenzi Wilhelm et (14/68, EU:C:1969:4, punt 11); Tréfileurope vs Il-Kummissjoni (T‑141/89, EU:T:1995:62, punt 191), u Sotralentz vs Il-Kummissjoni (T‑149/89, EU:T:1995:69, punt 29). Barra minn hekk, il-ħarsien ta’ kompetizzjoni mingħajr distorsjoni fit-territorju tal-Unjoni jew fiż-Żona Ekonomika Ewropea hija kkunsidrata bħala għan distint tal-protezzjoni fil-konfront tas-suq ta’ pajjiż terz. Il-Kummissjoni għaldaqstant ma hijiex meħtieġa tosserva l-prinċipju ta’ antikumulu tas-sanzjonijiet u lanqas ma hija meħtieġa li tieħu inkunsiderazzjoni s-sanzjonijiet imposti preċedentement. Ara, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, is-sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni (T‑224/00, EU:T:2003:195, punti 90 sa 93), li fiha wkoll analiżi tal-portata tal-Artikolu 50 tal-Karta, li ma huwiex applikabbli fil-każ ta’ ksur tad-dritt tal-Kummissjoni b’portata mondjali.
( 33 ) Ara l-preambolu tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95, tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, p. 1).
( 34 ) Ara s-sentenza Beneo-Orafti (C‑150/10, EU:C:2011:507, punti 68 et seq).
( 35 ) Sentenza Wilhelm et (EU:C:1969:4, punt 11).
( 36 ) Sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, X vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, 16 ta’ Mejju 1977, Nru 7680/76; X. vs Il-Belġju, 16 ta’ Mejju 1977, Nru 7697/76, u Gestra vs L-Italja, 16 ta’ Jannar 1995, Nru 21072/92.
( 37 ) Nosserva li, ħafna drabi, bħal pereżempju fl-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta, l-imsemmi prinċipju jissejjaħ “non bis in idem”. Skont van Boeckel, huwa l-varjant ne bis in idem li huwa l-iktar korrett skont ir-regoli tal-grammatika Latina. Ara Blas van Boeckel, The Ne Bis In Idem Principle in EU Law, Kluwer Law International BV, Alphen an den Rijn, 2010, p. 31.
( 38 ) 18/65 et 35/65, EU:C:1966:24.
( 39 ) Ara s-sentenzi Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 59) u Showa Denko vs Il-Kummissjoni (C‑289/04 P, EU:C:2006:431, punt 50).
( 40 ) Dawn il-prinċipji huma inkorporati rispettivament fl-espressjonijiet Latini “nemo debet bis vexari pro una et eadem causa” u “nemo debet bis puniri pro uno delicto”.
( 41 ) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet finali f’materji kriminali [COM(2000) 495 finali].
( 42 ) Konklużjonijiet Gözütok u Brügge (C‑187/01, EU:C:2002:516, punti 49 u 50).
( 43 ) Fil-verità, test komparabbli iżda ftit magħruf stabbilixxa l-ewwel projbizzjoni ta’ proċeduri doppji u ta’ pieni doppji fuq il-livell Komunitarju: ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ April 1989 dwar l-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali (ara, b’mod partikolari, l-Artikoli 20 u 25 tal-imsemmija dikjarazzjoni, dwar il-prinċipju ta’ ne bis in idem) (ĠU 1989, C 120, p. 51).
( 44 ) Konvenzjoni bejn l-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej tal-25 ta’ Mejju 1987, imsemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Gözütok et Brügge (C‑187/01 u C‑385/01, EU:C:2003:87, punt 46).
( 45 ) Ara l-Artikolu 2 tal-Protokoll Addizzjonali tal-15 ta’ Ottubru 1975 mal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-estradizzjoni tat-13 ta’ Diċembru 1957, li emenda l-Artikolu 9 tal-imsemmija konvenzjoni. Ara wkoll l-Artikolu 35 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar it-trasferiment ta’ proċeduri f’materji kriminali tal-15 ta’ Mejju 1972.
( 46 ) Sentenza Miraglia (EU:C:2005:156, punti 33 u 34).
( 47 ) Sentenza Kretzinger (EU:C:2007:441, punt 51).
( 48 ) Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, b’rettifika fil-ĠU L 17, 22.01.2009, p. 45).
( 49 ) Dwar l-interpretazzjoni tar-raġunijiet meta jkun obbligatorju li mandat ta’ arrest Ewropew ma jiġix eżegwit, ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Kozłowski (C‑66/08, EU:C:2008:437) u Wolzenburg (C‑123/08, EU:C:2009:616).
( 50 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-miżuri msemmija fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 85 sa 87 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 51 ) Att tal-Kunsill, tas-26 ta’ Lulju 1995, li jfassal il-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 9).
( 52 ) Att tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 1997, li jfassal, fuq il-bażi tal-Artikolu K.3(2)(c) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Konvenzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 53).
( 53 ) Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI, tas-27 ta’ Novembru 2008, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 327, p. 27).
( 54 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 87 f’dawn il-konklużjonijiet.
( 55 ) Green Paper dwar Konflitti ta’ Ġurisdizzjoni u l-Prinċipju ne bis in idem fil-Proċedimenti Kriminali.
( 56 ) Ibidem (punt 3).
( 57 ) Ara l-Artikolu 1 tal-abbozz ta’ ftehim ta’ adeżjoni: (2013)008rev2_EN.pdf
( 58 ) Jidher li l-assenza ta’ ratifika hija marbuta mal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 7. Ara rapport tal-Bundestag, p. 3:
( 59 ) Dikjarazzjoni magħmula meta ġie ffirmat dan il-protokoll, fid-19 ta’ Marzu 1985, aċċessibbli fuq is-sit internet tal-Kunsill tal-Ewropa:
( 60 ) Sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Zolotoukhine vs Ir-Russja, 10 ta’ Frar 2009, Nru 14939/03, § 84.
( 61 ) F’dan il-kuntest, l-imsemmi kunċett ġie interpretat fis-sens li jkopri biss il-materjalità tal-fatti u li jinkludi grupp ta’ ċirkustanzi konkreti li jkunu marbuta b’mod inseparabbli bejniethom, irrispettivament mill-klassifikazzjoni legali ta’ dawn il-fatti jew mill-interess legali protett (ara s-sentenzi van Esbroeck, EU:C:2006:165, punti 27, 32, 36 u 42; Gasparini et, EU:C:2006:610, punt 54; van Straaten, EU:C:2006:614, punti 41, 47 u 48, kif ukoll Kraaijenbrink, C‑367/05, EU:C:2007:444, punt 26). Għandu jiġi osservat ukoll li l-kunċett tal-“istess azzjonijiet”, li jinsab ukoll fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew, ġie interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza Mantello, EU:C:2010:683, punt 38).
( 62 ) F’dan ir-rigward, nosserva nuqqas ta’ koerenza terminoloġika bejn it-titolu tal-Artikolu 50 tal-Karta, li jirreferi għad-“dritt li wieħed ma jiġix iġġudikat jew jingħata piena darbtejn għall-istess reat”, u l-formulazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta, li jipprovdi li “ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata”.
( 63 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Nikitine vs Ir-Russja, 20 ta’ Lulju 2004, Nru 50178/99, § 37; Horciag vs Ir-Rumanija, 15 ta’ Marzu 2005, Nru 70982/01; Muslija vs Il-Bosnja-Ħerzegovina, 14 ta’ Jannar 2014, Nru 32042/11, kif ukoll Zigarella vs L-Italja, 3 ta’ Ottubru 2002, Nru 48154/99.
( 64 ) “Thus the two proceedings were conducted concurrently. At the time the minor-offences conviction became final and required the force of res iudicata, the criminal proceedings were pending before the first-instance court. In these circumstances, the Court considers that the Municipal Court should have terminated the criminal proceedings following the delivery of a ‘final’ decision in the first proceedings” (sentenza Muslija vs Il-Bosnja Ħerzegovina, iċċitata iktar ’il fuq, § 37).
( 65 ) Skont l-Ispjegazzjonijiet dwar l-Artikolu 52 tal-Karta, l-Artikolu 50 jikkorrispondi għall-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7, iżda l-portata tiegħu hija estiża għal-livell tal-Unjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri.
( 66 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Bonda (C‑489/10, EU:C:2011:845, punt 43) kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2012:340, punt 109).
( 67 ) Ara, reċentement, is-sentenza Digital Rights Ireland (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punti 32 et seq).
( 68 ) Il-Bundesgerichtshof u l-Bundesverfassungsgericht.
( 69 ) ĠU 2007 C 303, p. 17. Madankollu, ma saret ebda bidla fir-rigward tal-Artikolu 50 tal-Karta.
( 70 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 10.
( 71 ) Ara s-sentenza Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 20).
( 72 ) Fost l-eżempji ta’ eżami fir-rigward tal-Karta ta’ miżuri ta’ dritt idderivat adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, ara s-sentenzi Association belge des Consommateurs Test-Achats et (C‑236/09, EU:C:2011:100); Volker und Markus Schecke u Eifert (C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662), u Digital Rights Ireland (EU:C:2014:238).
( 73 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Schmidberger (C‑112/00, EU:C:2003:333, punt 80), li tikkonċerna d-dritt ta’ kull persuna għall-ħajja jew il-projbizzjoni tat-tortura, kif ukoll ta’ pieni jew ta’ trattament inumani jew degradanti.
( 74 ) Ara s-sentenzi Wachauf (5/88, EU:C:1989:321, punt 18); Dokter et (C‑28/05, EU:C:2006:408, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll G. u R. (C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punt 33).
( 75 ) Ara, fost ħafna oħrajn, is-sentenzi Promusicae (C‑275/06, EU:C:2008:54); Scarlet Extended (C‑70/10, EU:C:2011:771); Bonnier Audio et (C‑461/10, EU:C:2012:219); Trade Agency (C‑619/10, EU:C:2012:531); Deutsches Weintor (C‑544/10, EU:C:2012:526); Schmidberger (EU:C:2003:333), u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑271/08, EU:C:2010:426).
( 76 ) Sentenzi Volker und Markus Schecke u Eifert (EU:C:2010:662, punti 67 sa 71) u Schwarz (C‑291/12, EU:C:2013:670, punti 36 sa 38).
( 77 ) It-tliet kategoriji ta’ drittijiet fis-sens tal-KEDB huma d-drittijiet li jistgħu jkunu suġġetti għal limitazzjonijiet espressi, id-drittijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 15 tal-KEDB u d-drittijiet ta’ natura assoluta bħall-Artikolu 3 tal-KEDB. Ara S. Peers, S. Prechal, The EU Charter of Fundamental Rights, A Commentary, Hart Publishing 2014, p. 1462.
( 78 ) Fuq id-dritt ta’ aċċess għall-qrati, ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Fogarty vs Ir-Renju Unit, 21 ta’ Novembru 2001, Nru 37112/97.
( 79 ) Għal eżempju klassifiku, ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Silver vs Ir-Renju Unit, 25 ta’ Marzu 1983, Nri 5947/72, 6205/73, 7052/75, 7061/75, 7107/75, 7113/75 u 7136/75.
( 80 ) “Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.”
( 81 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Afton Chemical (C‑343/09, EU:C:2010:419, punt 45); Volker und Markus Schecke u Eifert (EU:C:2010:662, punt 74); Nelson et (C‑581/10 u C‑629/10, EU:C:2012:657, punt 71); Sky Österreich (C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 50); Schaible (C‑101/12, EU:C:2013:661, punt 29), u Digital Rights (EU:C:2014:23, punt 46).
( 82 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Gözütok u Brügge (EU:C:2003:87, punt 33); van Esbroeck (EU:C:2006:165, punti 28 sa 30, 35, 36, 38 u 42), u Bourquain (C‑297/07, EU:C:2008:708, punti 35, 37 u 40).
( 83 ) Revoca di Decreto di Sospensione di ordine di esecuzione per la carcerazione ex art. 656 c. 8 cpp.
( 84 ) Green Paper dwar Konflitti ta’ Ġurisdizzjoni u l-Prinċipju ne bis in idem fil-Proċedimenti Kriminali.
( 85 ) Ara d-Deċiżjoni Qafas 2008/909, tas-27 ta’ Novembru 2008, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali; id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/675/GAI, tal-24 ta’ Lulju 2008, dwar it-teħid inkonsiderazzjoni ta’ kundanni fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea waqt proċedimenti kriminali ġodda (ĠU L 220, p. 32), kif ukoll l-istrumenti relatati bħall-Att tal-Kunsill, tad-29 ta’ Mejju 2000, li jistabbilixxi skont l-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea l-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali bejn l-Istati Membri fl-Unjoni Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 172), u d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar l-organizzazzjoni u l-kontenut tal-iskambju bejn l-Istati Membri, ta’ informazzjoni estratta mir-rekords kriminali (ĠU L 93, p. 23).
( 86 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/316/ĠAI, tas-6 ta’ April 2009, dwar l-istabbiliment ta’ Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS) fl-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠA (ĠU L 93, p. 33).
( 87 ) Ara l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/948/ĠAI, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta’ konflitti ta’ eżerċiżżju ta’ ġurisdizzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU L 328, p. 42); l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/214/ĠAI, tal-24 ta’ Frar 2005, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ penali finanzjarji (ĠU L 159M, 13.06.2006, p. 256); Artikolu 7(1)(ċ) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2003/577/ĠAI, tat-22 ta’ Lulju 2003, dwar it-twettiq fl-Unjoni Ewropea tal-mandati li jiffriżaw xi proprjetà jew xi evidenza (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 185); Artikolu 8(2)(a) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2006/783/ĠAI, tas-6 ta’ Ottubru 2006, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal ordnijiet ta’ konfiska (ĠU L 239 M, 10.9.2010, p. 340); Artikolu 9(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, u Artikolu 11(1)(ċ) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/947/ĠAI, tas-27 ta’ Novembru 2008, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u deċiżjonijiet li jinvolvu probation bil-ħsieb ta’ sorveljanza ta’ miżuri ta’ probation u ta’ sanzjonijiet alternattivi (ĠU L 337, p. 102). Ara wkoll l-emendi introdotti permezz tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009, li temenda d-Deċiżjonijiet Kwadru 2002/584/ĠAI, 2005/214/ĠAI, 2006/783/ĠAI, 2008/909/ĠAI u 2008/947/ĠAI, u b’hekk issaħħaħ id-drittijiet proċedurali ta’ persuni, li trawwem l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku fir-rigward ta’ deċiżjonijiet mogħtija fl-assenza tal-persuna konċernata fil-kawża (ĠU L 81, p. 24).
( 88 ) Kif jesprimih Cesare Beccaria, “Iċ-ċertezza ta’ piena, anki jekk moderata, dejjem tagħmel iktar impressjoni mill-biża’ ta’ piena terribbli jekk ma’ din il-biża’ jkun hemm it-tama tal-impunità.”, Des délits et des peines, Livourne, 1764.
( 89 ) Insemmi, f’dan ir-rigward, l-istrumenti li jinsabu fid-Deċiżjoni Qafas 2008/909, kif ukoll fid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/829/ĠAI, tat-23 ta’ Ottubru 2009, dwar l-applikazzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal deċiżjonijiet dwar miżuri ta’ superviżjoni bħala alternattiva għal detenzjoni provviżorja (ĠU L 294, p. 20), u fid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/947/ĠAI, tas-27 ta’ Novembru 2008, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u deċiżjonijiet li jinvolvu probation bil-ħsieb ta’ sorveljanza ta’ miżuri ta’ probation u ta’ sanzjonijiet alternattivi (ĠU L 337, p. 102).
( 90 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punti 77 u 99).
( 91 ) Sentenza N. S. et (EU:C:2011:865, punti 105 u 106).
( 92 ) F’dan ir-rigward, fid-dutttrina, van Bockel (op. cit. p. 235) isostni n-neċessità li tkun tista’ tiġi applikata l-kundizzjoni ta’ infurzar prevista fl-Artikolu 54 tal-KFS għall-każijiet ta’ kriminali tal-gwerra li jkunu ġew ikkundannati fl-assenza tagħhom fil-każ li l-pieni mogħtija ma jkunu ġew infurzati bl-ebda mod.
( 93 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/335/ĠAI, tat-8 ta’ Mejju 2003, dwar l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 154).
( 94 ) Il-kriterju ta’ “jekk huma jqisu li dan jinħtieġ” li jinsab fl-imsemmija dispożizzjoni jkopri, fil-fehma tiegħi, is-sitwazzjonijiet fejn l-awtoritajiet tal-Istat Membru B ikollhom diġà fil-pussess tagħhom informazzjoni rilevanti li tikkonferma li l-persuna li tkun is-suġġett tal-proċeduri kienet diġà s-suġġett ta’ deċiżjoni definittiva mogħtija fi Stat Membru ieħor fir-rigward tal-istess azzjonijiet. Ikun ċiniku jekk l-imsemmija awtoritajiet jiġu awtorizzati sabiex ma jfittxux l-informazzjoni rilevanti anki jekk “jkollhom raġuni biex jemmnu li l-akkuża għandha x’taqsam ma’ l-istess azzjonijiet bħal dawk li fir-rigward tagħhom l-kawża ta’ dik il-persuna tkun inqatgħet” fi Stat Membru ieħor.
( 95 ) Sentenza Bourquain (EU:C:2008:708, punt 37).
( 96 ) Ara l-konklużjonijiet fil-kawża Gözütok et Brügge (EU:C:2002:516, punt 114).
( 97 ) Sentenza van Esbroeck (EU:C:2006:165, punti 28 sa 30, 35, 36, 38 u 42).
( 98 ) F’dan ir-rigward, infakkar li, fis-sentenza Gözütok et Brügge (EU:C:2003:87, punt 29), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li kienu jikkostitwixxu “piena”sui generis l-obbligi imposti fuq l-akkużat wara arranġament propost mill-prosekutur pubbliku Olandiż.
( 99 ) Ara l-Artikolu 17 tal-Kodiċi kriminali Taljan.
( 100 ) EU:C:2003:87, punt 35.
( 101 ) Pereżempju, permezz tan-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjoni ta’ ħelsien kundizzjonali.
( 102 ) Kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet mogħtija matul is-seduta mill-aġent tal-Gvern Taljan, tali sospensjoni ordnata ex officio ngħatat wara s-sentenza tat-Tribunale ordinario di Milano u ġiet irrevokata permezz tad-deċiżjoni tal-5 ta’ Jannar 2013 imsemmija iktar ’il fuq (Revoca di Decreto di Sospensione di ordine di esecuzione per la carcerazione ex art. 656 c. 8 cpp).
( 103 ) Sentenza Kretzinger (EU:C:2007:441, punt 42).
Full & Egal Universal Law Academy