SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)
28 ta’ Jannar 2016 ( *1 )
“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Trade mark Komunitarja figurattiva DoggiS — Trade marks nazzjonali figurattivi preċedenti DoggiS — Trade marks nazzjonali verbali preċedenti DOGGIS u DOGGIBOX — Trade marks nazzjonali figurattivi preċedenti li jirrappreżentaw lil persunaġġ fil-forma ta’ hot-dog — Provi komplementari ppreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell — Artikolu 76 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Mala fide — Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 — Provi ppreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali”
Fil-Kawża T-335/14,
José-Manuel Davó Lledó, residenti f’Cartagena (Spanja), irrappreżentat minn J.‑V. Gil Martí, avukat,
rikorrenti,
vs
L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn S. Palmero Cabezas, bħala aġent,
konvenut,
il-partijiet l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI kienu
Administradora y Franquicias América, SA, stabbilita f’Santiago (iċ-Ċilì),
u
Inversiones Ged Ltda, stabbilita f’Santiago,
li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tat-13 ta’ Marzu 2014 (Każ R 1824/2013-1), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn, minn naħa, Administradora y Franquicias América, SA u Inversiones Ged Ltda u, min-naħa l-oħra, José-Manuel Davó Lledó,
IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),
komposta minn S. Frimodt Nielsen, President tal-Awla, F. Dehousse u A. M. Collins (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: E. Coulon,
wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Mejju 2014,
wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Ottubru 2014,
wara li rat in-nuqqas ta’ talba għall-iffissar ta’ seduta ppreżentata mill-partijiet fit-terminu ta’ xahar min-notifika tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub u peress li b’hekk iddeċidiet, fuq rapport tal-Imħallef Relatur u b’applikazzjoni tal-Artikolu 135a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, applikabbli f’dan il-każ abbażi tal-Artikolu 227(7) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tiddeċiedi mingħajr fażi orali tal-proċedura,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1
Fit-18 ta’ Frar 2010, ir-rikorrent, José-Manuel Davó Lledó, ippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).
2
It-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv segwenti, b’indikazzjoni tal-kulur aħmar:
3
Il-prodotti u s-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 29, 30 u 43 tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:
—
Klassi 29: “Hamburgers; zliezet; laħmijiet kesħin; frott u ħxejjex ippreparati; insalati tal-frott; insalati tal-ħaxix, ħwawar tal-ġnien u legumi; legumi, ħwawar tal-ġnien u legumi (insalati ta’ -) ; patata moqlija; patata ppreparata; krema; ħalib; prodotti mill-patata; laħam, ħut, tjur u selvaġġina; estratti tal-laħam; frott u ħxejjex ippriżervati, iffriżati, imnixxfa u msajra; ġeli, konfetturi, ġammijiet; bajd, ħalib u prodotti tal-ħalib; żjut u xaħmijiet għall-ikel”;
—
Klassi 30: “Pizza; ħobż imħawwar; sandwiches; prodotti tal-ħobż; ġelati; zlazi għal użu alimentari; prodotti tad-dolċerija; diżerti; zlazi għall-insalati; ċikkulata; kafè, tè, kakao, zokkor, ross, tapioca, sagu, sostituti tal-kafè; dqiq u preparazzjonijiet magħmulin miċ-ċereali, ħobż, ħelu u ħlewwiet, ġelati; għasel, għasel iswed; ħmira, trab tal-ħami; melħ, mustarda; ħall, zlazi (kondimenti); ħwawar; silġ biex ikessah”;
—
Klassi 43: “Servizzi ta’ ristoranti; servizzi ta’ kaffetteriji; servizzi ta’ ristorazzjoni rapida; servizzi ta’ ristorazzjoni u servizzi ta’ ikel takeaway; servizzi ta’ ristorant, kafè, pub, taverna, bar, platti ppreparati u lukanda; servizzi ta’ ristorazzjoni u ta’ provvista ta’ ikliet; preparazzjoni u tisjir ta’ ikel; servizzi ta’ catering; bars għal ikel rapidu [snack-bars]; servizzi ta’ ristorazzjoni (alimentazzjoni); akkomodazzjoni temporanja”.
4
L-applikazzjoni għal trade mark ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 65/2010, tat-12 ta’ April 2001.
5
It-trade mark ikkontestata ġiet irreġistrata fl-14 ta’ Diċembru 2010 bin-numru 8894826 għall-prodotti u s-servizzi kollha msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.
6
Fis-6 ta’ Ġunju 2012, l-intervenjenti, Administradora y Franquicias América, SA u Inversiones Ged Ltda (iktar ’il quddiem, flimkien, ir-“rikorrenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità”), ressqu talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark ikkontestata, skont l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, għall-prodotti u s-servizzi kollha li din kienet ġiet irreġistrata għalihom.
7
Ir-rikorrenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandhom bħala attivitajiet prinċipali l-operat ta’ bars, ta’ ristoranti, ta’ kafetteriji u ta’ stabbilimenti ta’ ristorazzjoni rapida kif ukoll il-konċessjoni, it-tmexxija u l-operat ta’ franchises f’dan is-settur.
8
Insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, Inversiones Ged invokat it-trade marks preċedenti li ġejjin li hija l-proprjetarja tagħhom:
—
it-trade mark figurattiva Ċilena riprodotta iktar ’il quddiem, bl-ittri ħomor u l-isfond isfar, irreġistrata fit-12 ta’ Jannar 2004 bin-numru 683048 biex tindika “punti tal-ikel, bars, ristoranti” li jidħlu taħt il-klassi 43:
—
it-trade mark figurattiva Ċilena riprodotta iktar ’il quddiem, bl-ittri ħomor u l-isfond isfar, irreġistrata fil-15 ta’ Settembru 2008 bin-numru 857568 biex tindika “servizzi ta’ ristoranti, bars, punti tal-ikel, kafetteriji, ħwienet tat-tè, servizzi ta’ ristorazzjoni rapida” li jidħlu taħt il-klassi 43:
—
it-trade mark figurattiva Ċilena riprodotta iktar ’il quddiem, bl-ittri ħomor u l-isfond isfar, irreġistrata fis-26 ta’ Novembru 2007 bin-numru 801904 biex tindika l-prodotti li jidħlu taħt il-klassijiet 16, 25, 28 u 32:
—
it-trade mark figurattiva Ċilena riprodotta iktar ’il quddiem, irreġistrata fil-21 ta’ Ġunju 2005 bin-numru 728038 biex tindika “servizzi pprovduti minn stabbilimenti prinċipalment inkarigati biex jiksbu ikel jew xorb ippreparat għall-konsum bħal ristoranti, ristoranti self-service, kafetteriji u ħwienet tat-tè, punti tal-ikel, kantins, bars, servizzi ta’ provvista ta’ ikel imsajjar fid-dar” li jidħlu fil-klassi 43:
—
it-trade mark figurattiva Ċilena riprodotta iktar ’il quddiem, irreġistrata fil-5 ta’ Mejju 2005 bin-numru 724717 biex tindika l-prodotti li jidħlu taħt il-klassijiet 16, 25, 28 u 32:
—
it-trade mark verbali Ċilena DOGGIS, irreġistrata fis-6 ta’ Diċembru 2009 bin-numru 867740 biex tindika “punti tal-ikel, bars, ristoranti” li jidħlu taħt il-klassi 43:
—
it-trade mark verbali Peruvjana DOGGIS, irreġistrata fit-12 ta’ Ġunju 2009 bin-numru 352647 biex tindika prodotti li jidħlu taħt il-klassi 43:
—
it-trade mark verbali Ċilena DOGGIBOX, irreġistrata fl-1 ta’ Settembru 2009 bin-numru 702110 biex tindika prodotti li jidħlu taħt il-klassi 32:
—
it-trade mark figurattiva Ċilena riprodotta iktar ’il quddiem, irreġistrata fil-5 ta’ Mejju 2005 bin-numru 724718 biex tindika l-istess servizzi li jidħlu taħt il-klassi 43 bħal dawk protetti mit-trade mark Ċilena Nru 728038:
—
it-trade mark figurattiva Ċilena riprodotta iktar ’il quddiem, irreġistrata fil-5 ta’ Mejju 2005 bin-numru 724716 biex tindika l-prodotti li jidħlu taħt il-klassijiet 16, 25, 28 u 32:
—
it-trade mark figurattiva Brażiljana riprodotta iktar ’il quddiem, irreġistrata fit-22 ta’ Ġunju 1999 bin-numru 819295671 biex tindika “prodotti/servizzi alimentari” li jidħlu taħt il-klassijiet 38 u 60:
9
Fir-rigward ta’ Administradora y Franquicias América, din tinvoka, insostenn tal-istess talba, it-trade marks preċedenti segwenti li hija kienet il-proprjetarja tagħhom:
—
it-trade mark verbali Ċilena COFFEE BREAK DOGGIS, irreġistrata fit-13 ta’ Diċembru 2004 bin-numru 711375 biex tindika l-istess servizzi li jidħlu taħt il-klassi 43 bħal dawk protetti mit-trade mark Ċilena Nru 728038:
—
it-trade mark figurattiva Ċilena riprodotta iktar ’il quddiem, irreġistrata fit-12 ta’ Lulju 2006 bin-numru 762423 biex tindika “servizzi ta’ ristoranti, bars, punti tal-ikel, kafetteriji, ħwienet tat-tè” li jidħlu taħt il-klassi 42:
—
it-trade mark figurattiva Urugwajana riprodotta iktar ’il quddiem, irreġistrata fl-14 ta’ Mejju 2008 bin-numru 387908 biex tindika servizzi li jidħlu taħt il-klassi 43:
10
Ir-rikorrenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ppreċiżaw li, f’Awwissu 2011, meta Inversiones Ged riedet tirreġistra t-trade mark doggis fi Spanja, din skopriet l-eżistenza tat-trade marks segwenti, irreġistrati f’isem ir-rikorrent: it-trade mark ikkontestata, it-trade mark Spanjola doggis, irreġistrata fit-2 ta’ Ġunju 2010 bin-numru 2914857, li tindika prodotti u servizzi li jidħlu taħt il-klassijiet 29, 30, 39 u 43, u t-trade mark internazzjonali doggis, irreġistrata fis-16 ta’ Marzu 2010 bin-numru 1037118, li tindika servizzi li jidħlu taħt il-klassi 43. Dawn qalu wkoll li huma skoprew li r-rikorrent kien il-proprjetarju tad-domain names “” u “”.
11
Ir-rikorrenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità sostnew li l-applikazzjoni għat-trade mark ikkontestata saret b’mala fide mir-rikorrent, mingħajr ma huma kienu informati bil-quddiem b’dan il-fatt u mingħajr ma huma taw il-kunsens tagħhom. Dawn irrilevaw li din it-trade mark kienet verbalment identika għat-trade marks preċedenti kollha tagħhom u viżwalment identika għal xi wħud minnhom, li s-servizzi indikati minnhom kienu identiċi għal dawk protetti minn diversi mit-trade marks preċedenti tagħhom u li l-prodotti li dawn kienu jindikaw kienu komplementari tas-servizzi protetti mill-parti l-kbira tat-trade marks preċedenti tagħhom. Dawn sostnew ukoll li r-rikorrent kien jaf bl-eżistenza tat-trade marks preċedenti tagħhom kif ukoll tal-attivitajiet tagħhom, hekk kif deskritti fil-punt 7 iktar ’il fuq, meta dan kien ippreżenta l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tiegħu għat-trade mark ikkontestata.
12
Permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Lulju 2013, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-UASI ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kollha kemm hi.
13
Fit-18 ta’ Settembru 2013, ir-rikorrenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità appellaw kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.
14
Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2014 (iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI laqa’ l-appell tar-rikorrenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kollha kemm hi u ddikjara invalida r-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata. Dan ikkundanna wkoll lir-rikorrent ibati l-ispejjeż esposti għall-finijiet tal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u tar-rikors.
15
Essenzjalment, fl-ewwel lok, il-Bord tal-Appell aċċetta li jieħu inkunsiderazzjoni, konformement mal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, ċerti provi komplementari ppreżentati għall-ewwel darba quddiemu mir-rikorrenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, f’dan il-każ silta mis-sit Internet kif ukoll silta mill-paġna Internet /franquicia-doggis_fv1793.html (punti 20 u 21 tad-deċiżjoni kkontestata).
16
Fit-tieni lok, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li, fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, fit-18 ta’ Frar 2010, kienu jeżistu fatturi rilevanti għall-każ inkwistjoni li kienu juru rikonoxximent espliċitu min-naħa tar-rikorrent tal-preeżistenza tat-trade marks figurattivi Ċileni DoggiS protetti mir-reġistrazzjonijiet Nri 683048, 857568 u 801904 (punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata). Insostenn ta’ din l-evalwazzjoni, il-Bord tal-Appell irrefera għal siltiet mis-sit Internet tar-rikorrent kif ukoll għal siltiet minn reklamar magħmul minn dan tal-aħħar fis-siti Internet iddedikati għall-franchises (punti 33 sa 37 tad-deċiżjoni kkontestata).
17
Fit-tielet lok, il-Bord tal-Appell, b’kunsiderazzjoni tan-natura tat-trade mark ikkontestata, irrileva li din kienet identika għat-trade marks figurattivi Ċileni preċedenti DoggiS u li din kienet tindika l-istess servizzi bħalhom kif ukoll prodotti indispensabbli għall-provvista tas-servizzi ta’ ristorazzjoni inkwistjoni. Dan qies li dan ix-xebh ma setax ikun “il-frott ta’ identiċità aċċidentali” (punti 37 sa 41 tad-deċiżjoni kkontestata).
18
Fir-raba’ lok, il-Bord tal-Appell irrileva li, fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni kkontestata, it-trade mark doggis tar-rikorrenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet diġà intużat għal diversi snin u li din kellha suċċess dejjem jikber fiċ-Ċilì matul l-aħħar snin, liema ħaġa ssaħħaħ ir-reputazzjoni tagħha fost il-pubbliku kkonċernat (punt 42 tad-deċiżjoni kkontestata).
19
Fil-ħames lok, il-Bord tal-Appell qies li l-fatt li r-rikorrenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ma kinux urew interess fil-protezzjoni tat-trade marks preċedenti tagħhom fl-Unjoni Ewropea qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, minkejja l-użu li kienu jagħmlu mit-trade marks preċedenti msemmija fiċ-Ċilì, ma jippermettix li jiġi stabbilit li r-rikorrent ma kienx aġixxa b’mala fide matul din il-preżentata, peress li tali ċirkustanza “[kienet taqa’] fl-isfera suġġettiva tar-rikorrenti [għal dikjarazzjoni ta’ invalidità]” (punt 43 tad-deċiżjoni kkontestata).
20
Fis-sitt lok, il-Bord tal-Appell qies li l-fatt li saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark figurattiva identika għat-trade marks figurattivi preċedenti tar-rikorrenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bix jiġu indikati servizzi identiċi għal dawk ikkonċernati minn dawn u prodotti indispensabbli għall-provvista ta’ dawn is-servizzi mhux biss ma kien jirrispondi għal ebda loġika kummerċjali, iżda seta’ wkoll jikkonferma l-intenzjoni li jiġu vvjolati d-drittijiet marbuta mat-trade marks preċedenti msemmija (punt 45 tad-deċiżjoni kkontestata).
It-talbiet tal-partijiet
21
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni kkontestata u, b’hekk, tikkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni;
—
tikkundanna lill-UASI u lir-rikorrent għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għall-ispejjeż.
22
L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tiċħad ir-rikors;
—
tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.
Id-dritt
23
Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009, u t-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 52(1)(b) tal-imsemmi regolament.
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009
24
Ir-rikorrent isostni li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009, peress li dan ħa inkunsiderazzjoni ċerti provi ppreżentati għall-ewwel darba quddiemu mir-rikorrenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, f’dan il-każ siltiet mis-sit Internet u mill-paġna Internet imsemmija fil-punt 15 iktar ’il fuq, insostenn ta’ motiv ġdid, dan ukoll ibbażat fuq fatti ġodda.
25
Il-fatti ġodda inkwistjoni huma s-segwenti:
—
il-fatt, dedott mis-silta mis-sit Internet , li r-rikorrent kien “ikkonstata s-suċċess tal-hot-dogs fil-kontinent Amerikan” u kellu “l-għan li jikkonkwista l-Ewropa” (punt 35 tad-deċiżjoni kkontestata);
—
il-fatt li s-silta tal-paġna Internet /franquicia-doggis_fv1793.html “tixhed rikonoxximent mir-[rikorrent] tal-preeżistenza [tat-trade marks latino-amerikani] Doggis” u li dan tal-aħħar jirreklama billi jsostni li “Doggis hija franchise ta’ hot-dogs li tgawdi minn prestiġju kbir fuq skala internazzjonali”, li “l-katina [tiegħu] għadha kif stabbiliet ruħha fi Spanja u [li] l-għan tagħha huwa li ssir il-katina ta’ hot-dogs ewlenija fuq livell Ewropew” (punt 36 tad-deċiżjoni kontestata);
—
il-fatt li l-persunaġġ f’forma ta’ hot-dog riprodott iktar ’il quddiem, li jidher fis-silta tal-paġna Internet /franquicia-doggis_fv1793.html, jippreżenta xebh mat-trade marks Ċileni preċedenti Nri 728038 u 724717 (punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata):
26
L-UASI, essenzjalment, isostni li l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jippermettilu li jieħu inkunsiderazzjoni fatti u provi invokati jew imressqa tard u jagħtih setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dan ir-rigward.
27
Skont l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009:
“1. Fi proċedimenti quddiemu l-U[ASI] għandu jeżamina l-fatti fuq l-inizzjattiva tiegħu stess; madanakollu, fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal ċaħda ta’ reġistrazzjoni, l-Uffiċċju għandu jkun ristrett għal eżaminazzjoni ta’ fatti, ta’ provi u ta’ argumenti ppreżentati mill-partijiet u tar-rimedji mitluba.
2. L-U[ASI] jista’ ma jikkunsidrax fatti jew provi li ma jiġux preżentati fil-ħin preskritt mill-partijiet konċernati.”
28
Skont ġurisprudenza stabbilita, mill-kliem tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li, bħala regola ġenerali u sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni kuntrarja, il-preżentazzjoni ta’ fatti u provi mill-partijiet tibqa’ possibbli wara l-iskadenza tat-termini li għalihom tali preżentazzjoni hija suġġetta skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 207/2009 u li ma hemm xejn xi jżomm lill-UASI milli jikkunsidra fatti u provi hekk invokati jew imressqa tardivament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2007, L-UASI vs Kaul,C-29/05 P, Ġabra, EU:C:2007:162, punt 42, u tat-18 ta’ Lulju 2013, New Yorker SHK Jeans vs UASI,C-621/11 P, Ġabra, EU:C:2013:484, punt 22).
29
Billi jippreċiża li l-UASI “jista’” jiddeċiedi li ma jiħux inkunsiderazzjoni fatti u provi invokati jew imressqa tard, l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jagħtih setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiddeċiedi, filwaqt li jagħti l-motivazzjoni għad-deċiżjoni tiegħu fuq dan il-punt, jekk hemmx lok li jikkunsidrahom jew le (sentenzi UASI vs Kaul, punt 28 iktar ’il fuq, EU:C:2007:162, punti 43 u 68, u New Yorker SHK Jeans vs UASI, punt 28 iktar ’il fuq, EU:C:2013:484, punt 23).
30
Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-UASI sabiex eventwalment jieħu inkunsiderazzjoni provi mressqa tardivament, tali teħid inkunsiderazzjoni mill-UASI, meta jkun meħtieġ li jagħti deċiżjoni fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, jista’ partikolarment jiġi ġġustifikat meta huwa jqis li, minn naħa, il-provi mressqa tardivament jistgħu, prima facie, ikunu realment rilevanti f’dak li jikkonċerna r-riżultat tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mressqa quddiemu u, min-naħa l-oħra, li l-istadju tal-proċedimenti li fih il-provi jiġu mressqa tardivament u l-fatti relatati ma’ dan ma jipprekludux dan it-teħid inkunsiderazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi UASI vs Kaul, punt 28 iktar ’il fuq, EU:C:2007:162, punt 44, u New Yorker SHK Jeans vs UASI, punt 28 iktar ’il fuq, EU:C:2013:484, punt 33).
31
F’dan il-każ, qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Appell eżerċita effettivament is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li jagħtih l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, biex jiddeċiedi, b’mod motivat u billi ħa debitament inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, li kien hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni ż-żewġ provi supplimentari mressqa għall-ewwel darba quddiemu għall-finijiet li jagħti d-deċiżjoni li kien mitlub jadotta.
32
B’hekk, wara li identifika, fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata, il-provi inkwistjoni, jiġifieri silta mis-sit Internet u silta mill-paġna Internet /franquicia-doggis_fv1793.html, il-Bord tal-Appell, fil-punt 21 tad-deċiżjoni msemmija, espona s-segwenti:
“Il-provi mressqa mir-rikorrenti [għal dikjarazzjoni ta’ invalidità] quddiem il-Bord tal-Appell jinkludu dokumenti li ma jagħmlu xejn ħlief jikkonfermaw u jikkompletaw il-kontenut tal-paġna Internet [] diġà ppreżentata insostenn tal-allegazzjoni li tgħid li r-[rikorrent] kien jaf bl-eżistenza tat-trade marks u tal-attivitajiet tar-rikorrenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fis-settur tar-ristorazzjoni rapida. Għalhekk, dawn id-dokumenti għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, konformement mal-Artikolu 76(2) tar-[Regolament Nru 207/2009].”
33
Sussegwentement, għandu jitqies li l-Bord tal-Appell għamel użu xieraq mis-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilu mill-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 meta aċċetta li jieħu inkunsiderazzjoni ż-żewġ provi inkwistjoni.
34
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, kif indikat ġustament mill-Bord tal-Appell u mill-UASI, iż-żewġ siltiet ikkontestati jillimitaw ruħhom biex jikkorroboraw, u biex jiżdiedu ma’ provi diġà inizjalment imressqa quddiem id-diviżjoni tal-kanċellazzjoni mir-rikorrenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, jiġifieri siltiet mis-sit Internet www. tar-rikorrent.
35
It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li l-fatti allegatament ġodda msemmija mir-rikorrent (ara l-punt 25 iktar ’il fuq) kienu diġà invokati fit-taqsima “Impriża” tas-sit Internet tiegħu stess www., li silta minnu kienet ġiet ippreżentata mir-rikorrenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità quddiem id-diviżjoni tal-kanċellazzjoni. Fil-fatt, din l-aħħar silta twassal l-istess ideat bħal dawk esposti fiż-żewġ siltiet ikkontestati, billi tindika b’mod partikolari s-segwenti:
—
“Doggis waslet fi Spanja permezz [tar-rikorrent] fl-2010 bil-għan li tibda l-espansjoni tagħha fuq livell dinji permezz tas-sistema ta’ franchises;
—
Il-hot-dog […] huwa prodott li għandu suċċess kbir f’ħafna pajjiżi fid-dinja, bħal fl-Istati Uniti, fiċ-Ċili, fil-Brażil, fil-Kolombja, fil-Ġermanja, eċċ.;
—
Fi Spanja, aħna l-ewwel franchise ta’ hot-dogs u noffru lill-franchises tagħna l-possibbiltà li jaħdmu taħt il-gwida tagħna, ibbażata fuq l-esperjenza tagħna, l-għarfien tagħna tas-settur u għarfien kontinwu tal-franchises, li għalih[om] ikollhom aċċess il-franchises li jagħżluna biex nistabbilixxulhom il-franchise ta’ hot-dogs tagħhom stess.”
36
Għandu jingħad ukoll li l-persunaġġ fil-forma ta’ hot-dog li jidher fuq is-silta tal-paġna Internet /franquicia-doggis_fv1793.html kien diġà jidher fuq uħud mis-siltiet tas-sit Internet www. imressqa mir-rikorrenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità quddiem id-diviżjoni tal-kanċellazzjoni.
37
It-tielet nett, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, iż-żewġ siltiet ikkontestati kif ukoll il-fatti relatati magħhom ma ġewx invokati mir-rikorrenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità quddiem il-Bord tal-Appell insostenn ta’ xi motiv ġdid. Fil-fatt, hekk kif ġie enfasizzat ġustament mill-Bord tal-Appell u mill-UASI, is-siltiet imsemmija kienu biss intiżi biex jikkorroboraw waħda mit-teżijiet prinċipali tar-rikorrenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, li dawn kienu invokaw quddiem id-diviżjoni tal-kanċellazzjoni, jiġifieri dik li tgħid li r-rikorrent kien jaf bl-eżistenza tat-trade marks tagħhom u tal-attivitajiet kummerċjali tagħhom meta dan ressaq l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata (ara l-aħħar taqsima tal-punt 4 tad-deċiżjoni tad-diviżjoni tal-kanċellazzjoni tat-18 ta’ Lulju 2013).
38
Ir-raba’ nett, konformement ma’ dak li hemm indikat fil-punt 37 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-preżentata tardiva, mir-rikorrenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, taż-żewġ siltiet ikkontestati kienet intiża biex tirrispondi l-evalwazzjoni tad-diviżjoni tal-kanċellazzjoni li tgħid li dawn ma kinux ipprovaw suffiċjentement li r-rikorrent kellu għarfien minn qabel tal-eżistenza tat-trade marks preċedenti tagħhom (ara l-punti 16 u 17 tad-deċiżjoni tad-diviżjoni tal-kanċellazzjoni tat-18 ta’ Lulju 2013).
39
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-provi mressqa għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell mir-rikorrenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kellhom rilevanza reali għas-soluzzjoni tat-tilwima. Barra minn hekk, dawn il-provi supplimentari ġew ippreżentati minn dawn tal-aħħar fil-mument tal-preżentata tan-nota li tesponi l-motivi tar-rikors tagħhom, u b’hekk ippermettew lill-Bord tal-Appell jeżerċita, b’mod oġġettiv u mmotivat, is-setgħa diskrezzjonali tiegħu fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-provi msemmija. Finalment, fid-dawl ta’ dak li ġie kkonstatat fil-punt 38 iktar ’il fuq, ma jistax jitqies li r-rikorrenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità abbużaw it-termini stabbiliti billi wrew negliġenza manifesta.
40
Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009
41
Ir-rikorrent isostni li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 meta kkonkluda li huwa kien aġixxa b’mala fide matul il-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata.
42
L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent u jitlob li t-tieni motiv jiġi miċħud bħala infondat.
43
Preliminarjament, għandu jitfakkar li s-sistema ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ “l-ewwel applikant”, stabbilit fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 207/2009. Skont dan il-prinċipju, sinjal jista’ biss jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja sa fejn trade mark preċedenti ma tkunx tostakolah, kemm jekk din tkun trade mark Komunitarja, trade mark irreġistrata fi Stat Membru jew mill-Uffiċċju tal-Benelux dwar il-proprjetà intellettwali jew inkella trade mark li kisbet reġistrazzjoni internazzjonali li għandha effett fi Stat Membru jew trade mark li kienet is-suġġett ta’ reġistrazzjoni internazzjonali li għandha effett fl-Unjoni. Madankollu, bla ħsara għall-applikazzjoni eventwali tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, is-sempliċi użu minn terz ta’ trade mark mhux irreġistrata ma jipprekludix lil trade mark identika jew simili milli tkun irreġistrata bħala trade mark Komunitarja għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu [sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, SA.PAR. vs UASI – Salini Costruttori (GRUPPO SALINI), T-321/10, Ġabra, EU:T:2013:372, punt 17). L-istess konstatazzjoni tapplika, fil-prinċipju, f’dak li jikkonċerna l-użu minn terz ta’ trade mark irreġistrata barra mill-Unjoni [sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, Feng Shen Technology vs UASI – Majtczak (FS), T‑227/09, Ġabra, EU:T:2012:138, punt 31].
44
Din ir-regola hija kkwalifikata, b’mod partikolari, mill-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, li jgħid li l-invalidità ta’ trade mark Komunitarja għandha tiġi ddikjarata, fuq talba mressqa quddiem l-UASI jew fuq kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni, f’każ fejn l-applikant kien in mala fide matul il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark. Min iressaq it-talba għall-invalidità u biħsiebu jinvoka din ir-raġuni, għandu jipprova ċ-ċirkustanzi li wasslu għall-konklużjoni li l-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja kien f’mala fide meta ppreżenta l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ din tal-aħħar (sentenza GRUPPO SALINI, punt 43 iktar ’il fuq, EU:T:2013:372, punt 18).
45
Il-kunċett ta’ “mala fide” msemmi fl-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 la huwa definit, la huwa delimitat u lanqas huwa deskritt b’xi mod fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni [sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Pangyrus vs UASI – RSVP Design (COLOURBLIND), T-257/11, EU:T:2015:115, punt 64].
46
Madankollu, hekk kif irrileva l-Bord tal-Appell fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata, fis-sentenza tagħha tal-11 ta’ Ġunju 2009, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (C-529/07, Ġabra, EU:C:2009:361, punt 53), il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet diversi preċiżazzjonijiet fuq il-mod li bih kellu jiġi interpretat u applikat dan il-kunċett fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tat-trade mark Komunitarja. B’hekk, dan irrileva li l-mala fide tal-applikant kellha tiġi evalwata globalment, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha relatati mal-każ ineżami u eżistenti fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja, u b’mod partikolari:
—
il-fatt li l-applikant jaf jew għandu jkun jaf li terz juża, tal-inqas fi Stat Membru wieħed, sinjal identiku jew li jixxiebah għal prodott jew servizz identiku jew li jixxiebah li kapaċi jwassal għal konfużjoni mas-sinjal li għalih qed issir applikazzjoni għal reġistrazzjoni;
—
l-intenzjoni tal-applikant li jipprekludi lil dan it-terz milli jkompli juża tali sinjal;
—
il-livell ta’ protezzjoni legali li jgawdu minnha s-sinjal tat-terz u s-sinjal li għalih qed issir applikazzjoni għal reġistrazzjoni.
47
Madankollu, kif enfasizza ġustament il-Bord tal-Appell fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatturi elenkati fil-punt 46 iktar ’il fuq huma mogħtija biss bħala eżempji fost ġabra ta’ elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biex jippronunzja ruħhu fuq l-eventwali mala fide ta’ applikant għal reġistrazzjoni fil‑mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark (sentenzi tal-14 ta’ Frar 2012, Peeters Landbouwmachines vs UASI – Fors MW (BIGAB), T-33/11, Ġabra, EU:T:2012:77, punt 20, u GRUPPO SALINI, punt 43 iktar ’il fuq, EU:T:2013:372, punt 22).
48
Għaldaqstant, għandu jitqies li, fil-kuntest tal-analiżi globali mwettqa skont l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, tista’ wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni l-oriġini tal-kelma jew tas-sinjal li jikkostitwixxu t-trade mark ikkontestata u l-użu preċedenti tagħha fil-qasam tan-negozju bħala trade mark, tal-loġika kummerċjali li ntużat fil-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja li hija kkostitwita minn din il-kelma jew minn dan is-sinjal kif ukoll tal-kronoloġija tal-avvenimenti li kkaratterizzaw il-preżentata msemmija [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi GRUPPO SALINI, punt 43 iktar ’il fuq, EU:T:2013:372, punt 23; tat-8 ta’ Mejju 2014, Simca Europe vs UASI – PSA Peugeot Citroën (Simca), T-327/12, Ġabra, EU:T:2014:240, punt 39, u COLOURBLIND, punt 45 iktar ’il fuq, EU:T:2015:115, punt 68].
49
Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandha tiġi mistħarrġa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Bord tal-Appell wasal għall-konklużjoni tal-eżistenza ta’ mala fide mir-rikorrenti fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata.
50
Biex wasal għal din il-konklużjoni, fl-ewwel lok, il-Bord tal-Appell ikkonstata li, fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, ir-rikorrent kien jaf bl-eżistenza tat-trade marks figurattivi Ċileni DoggiS, protetti mir-reġistrazzjonijiet Nri 683048, 857568 u 801904 (punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata). Dan iddeduċa dan l-għarfien minn siltiet mis-siti u minn paġna Internet ippreżentati mir-rikorrenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità quddiem id-diviżjoni tal-kanċellazzjoni kif ukoll, għall-ewwel darba, quddiemu (punti 33 sa 37 tad-deċiżjoni kkontestata).
51
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandha tiġi miċħuda l-allegazzjoni tar-rikorrent li tgħid li l-fatti u l-provi li kienu tressqu quddiem id-diviżjoni tal-kanċellazzjoni, u li, skont dan, kienu l-uniċi li setgħu leġittimament jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell, ma jippermettux li tinsilet tali konklużjoni. Għandha tiġi miċħuda wkoll il-pretensjoni tiegħu li tgħid li, fid-dawl tal-allegat ksur tal-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009, il-punti 35 sa 37 tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu ddikjarati nulli.
52
Fil-fatt, hekk kif ġie kkonstatat fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv, fil-punti 24 sa 40 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell kien totalment fondat li jieħu inkunsiderazzjoni siltiet mis-sit Internet u mill-paġna Internet imsemmija fil-punt 15 iktar ’il fuq, li kienu tressqu għall-ewwel darba quddiemu mir-rikorrenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.
53
It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li minn diversi provi mressqa mir-rikorrenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jirriżulta b’mod suffiċjenti fil-liġi li r-rikorrent kien jaf bl-eżistenza tat-trade marks figurattivi Ċileni preċedenti DoggiS meta ressaq l-applikazzjoni tiegħu għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata.
54
F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jitqies li l-Bord tal-Appell, fil-punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata, irrileva korrettament li minn silta mis-sit Internet www. (ara l-punt 35 iktar ’il fuq), li fiha r-rikorrent kien jiddeskrivi impriża msemmija Doggis España, kien jirriżulta li Doggis ma kienx sinjal maħluq oriġinarjament fi Spanja (“Doggis waslet fi Spanja permezz [tar-rikorrent] fl-2010”), iżda entità barranija li kienet allegatament stabbilixxiet ruħha f’dan il-pajjiż bil-għan li tiżviluppa fuq skala dinjija. Dan irrileva wkoll korrettament li, f’din is-silta, din l-impriża kienet ippreżentata bħala l-ewwel franchise Doggis ta’ hot-dogs fi Spanja u li fiha kien issemma s-suċċess kbir li kellhom il-hot-dogs “f’ħafna pajjiżi fid-dinja, bħal fl-Istati Uniti, fiċ-Ċili, fil-Brażil, fil-Kolombja, fil-Ġermanja, eċċ.”
55
Ċertament, hekk kif irrileva ġustament ir-rikorrent, l-informazzjoni preċedenti ma tidhirx taħt it-taqsima “Franchises” tas-sit Internet www., kif indikat fil-punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata, iżda taħt it-taqsima “Impriża”. Madankollu, huwa ċar li dan huwa biss żball tal-pinna, li bl-ebda mod ma jista’ jpoġġi indiskussjoni l-fondatezza tal-konstatazzjonijiet tal-Bord tal-Appell.
56
Sussegwentement, kien ukoll ġustament li l-Bord tal-Appell irrileva, fil-punt 35 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-estratt mis-sit Internet , li kien jippreżenta l-franchise Doggis bħala “katina ddedikata għar-ristorazzjoni rapida, li għandha l-hot-dogs bħala l-prodott bażi”, kien isemmi l-fatt li, minn naħa, il-“franchise Doggis” kienet waslet fi Spanja fl-2010 permezz tar-rikorrent wara li dan tal-aħħar kien ikkonstata s-suċċess tal-hot-dogs fil-kontinent Amerikan u bil-għan li tibda l-espansjoni tagħha fl-Ewropa u, min-naħa l-oħra, “[kien jirriżulta] li mudelli oħra ta’ franchises ta’ ristorazzjoni rapida li ġew mill-Amerika [kellhom] suċċess kbir mad-dinja kollha”. Għandu jingħad ukoll li s-silta msemmija tirreferi, din ukoll, espressament għas-suċċess li kellhom il-hot-dogs fiċ-Ċilì u fil-Brażil.
57
Finalment, huwa wkoll korrettament li l-Bord tal-Appell ikkonstata, fil-punt 36 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-silta mill-paġna Internet /franquicia-doggis_fv1793.html kienet tindika li “Doggis [kienet] il-franchise ta’ hot-dogs li kienet tgawdi minn prestiġju kbir fuq livell internazzjonali”, li “[l-]katina [tar-rikorrent kienet għadha kif] tistabbilixxi ruħha fi Spanja u [li] l-għan tagħha [kien] li ssir l-ewwel katina ta’ hot-dogs fuq livell Ewropew”.
58
Hekk kif josserva ġustament l-UASI, mid-diversi siltiet imsemmija fil-punti 54, 56 u 57 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrent, qabel ma beda l-attività fi Spanja, taħt l-isem Doggis, b’isem ta’ franchises fis-settur tar-ristorazzjoni rapida tal-hot-dogs, kien għamel studju ta’ dan is-settur fuq livell internazzjonali u kien ikkonstata s-suċċess kbir li kellu dan il-prodott fil-kontinent Amerikan, u singolarment fiċ-Ċilì u fil-Brażil, li kienu preċiżament pajjiżi li fihom ir-rikorrenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienu diġà żviluppaw għal diversi snin, taħt l-istess isem, netwerk ta’ franchises fl-istess settur. Għaldaqstant, ir-rikorrent kien neċessarjament jaf bl-eżistenza mhux biss tan-netwerk ta’ franchises tar-rikorrenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, iżda wkoll bit-trade marks figurattivi Ċileni preċedenti DoggiS ta’ dawn tal-aħħar matul il-preżentata tal-applikazzjoni tiegħu għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata.
59
Din il-konklużjoni hija iktar evidenti peress li, hekk kif ġie kkonstatat ġustament mill-Bord tal-Appell fil-punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata, teżisti identiċità, jew għall-inqas kważi identiċità, bejn it-trade marks figurattivi Ċileni preċedenti DoggiS, li l-ittri tagħhom huma ħodor u l-isfond isfar, u s-sinjal riprodott iktar ’il quddiem, użat mir-rikorrent fis-sit Internet tiegħu www. kif ukoll fir-reklamar tiegħu fuq siti Internet iddedikati għall-franchises:
60
Din l-identiċità, jew kważi identiċità, li tiżdied mal-kważi identiċità bejn it-trade marks preċedenti u t-trade mark ikkontestata (ara l-punti 76 sa 78 iktar ’il quddiem) manifestament ma tistax tkun kumbinazzjoni.
61
Din l-aħħar ċirkustanza ma tistax titqiegħed indiskussjoni mill-allegazzjoni tar-rikorrent li tgħid li l-użu tal-kuluri aħmar u isfar huwa għal kollox abitwali biex issir riferenza għall-istabbilimenti ta’ ristorazzjoni rapida u, b’mod partikolari, għall-istabbilimenti Amerikani ta’ bejgħ ta’ hot-dogs, peress li l-kuluri msemmija huma relatati ma’ dawk taz-zalza ketchup u tal-mustarda. Minn naħa, fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, mhux biss il-kuluri użati huma identiċi, iżda barra minn hekk jintużaw bl-istess mod, fejn l-aħmar jintuża għall-karattri u l-isfar għall-isfond. Min-naħa l-oħra, għalkemm huwa possibbli li l-użu ta’ dawn il-kuluri huwa komuni fis-settur tar-ristorazzjoni rapida, xorta jibqa’ l-fatt li setgħu jsiru għażliet ta’ kuluri differenti b’relazzjoni mal-hot-dogs, b’mod partikolari, hekk kif jirrimarka l-UASI, il-kulur kannella, li jfakkar dak taz-zalzett ta’ Frankfurt u tal-ħobż iż-żgħir li jidħol fih.
62
Bl-istess mod, għandu jitqies li kien ġustament li l-Bord tal-Appell irrileva, fil-punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata, livell għoli ta’ xebh bejn il-persunaġġ fil-forma ta’ hot-dog li jidher fis-silta tal-paġna Internet /franquicia-doggis_fv1793.html kif ukoll fis-siltiet tas-sit Internet www. (ara l-punti 25 u 36 iktar ’il fuq) u t-trade marks Ċileni preċedenti Nri 728038 u 724717 (ara l-punt 8 iktar ’il fuq).
63
Lanqas dan il-livell għoli ta’ xebh bejn iż-żewġ persunaġġi msemmija iktar ’il fuq ma jista’ jkun kumbinazzjoni. Ċertament, kif isostni r-rikorrent, huwa komuni, f’diversi stabbilimenti ta’ ristorazzjoni rapida, li l-prodott jiġi “umanizzat”. Xorta jibqa’ l-fatt li, f’dan il-każ, dawn il-persunaġġi jikkoinċidu fil-pożizzjoni tagħhom, fit-tqegħid tal-kuluri tagħhom, fl-espressjoni ta’ ferħ tagħhom u fil-preżenza ta’ aċċessorji bħal kappell tal-baseball, tal-ingwanti bojod u ta’ żraben sportivi. Fir-rigward tad-dokumenti invokati mir-rikorrent biex jipprova juri n-nuqqas ta’ karattru oriġinali ta’ dan it-tip ta’ persunaġġ fis-settur tar-ristorazzjoni rapida tal-hot-dogs, biżżejjed jiġi rrilevat li dawn ġew ippreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali u li, b’hekk, dawn għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita [ara s-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2013, MOL vs UASI – Banco Bilbao Vizcaya Argentaria (MOL Blue Card), T-367/12, EU:T:2013:336, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata].
64
It-tielet nett, għandu jiġi kkonstatat li ebda wieħed mill-argumenti invokati mir-rikorrent ma’ jista’ jpoġġi indiskussjoni l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li tgħid li dan tal-aħħar kien jaf bl-eżistenza tat-trade marks figurattivi Ċileni preċedenti DoggiS protetti bir-reġistrazzjonijiet Nri 683048, 857568 u 801904 fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni tiegħu għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata.
65
B’hekk, qabel kollox, ma jistax jiġi aċċettat l-argument tar-rikorrent, ibbażat fuq is-silta mis-sit Internet www. imsemmija fl-ewwel inċiż tal-punt 35 iktar ’il fuq, li jgħid li, “[għalkemm] l-għan kien li ssir espansjoni fuq livell dinji, ma jistax jinftiehem li l-impriża u t-trade mark kienu jeżistu qabel u [kienu] issa importati mill-kontinent Amerikan lejn Spanja”.
66
Fil-fatt, minn naħa, mis-silta msemmija jirriżulta b’mod ċar li l-impriża u t-trade mark doggis kienu jeżistu diġà (ara l-punt 54 iktar ’il fuq) u li r-rikorrent kien jippreżenta ruħu bħala l-persuna responsabbli mill-penetrazzjoni tagħhom fis-suq Spanjol. Min-naħa l-oħra, il-fatt li din l-impriża u din it-trade mark kienu jeżistu qabel l-“importazzjoni” tagħhom fi Spanja ma huwa b’ebda mod inkonċiljabbli mal-għan li “jinbeda” żvilupp fuq skala dinjija. B’mod partikolari, hekk kif josserva ġustament l-UASI, huwa għal kollox konċepibbli, fid-dawl tar-rabtiet storiċi u kulturali bejn l-Amerika latina u Spanja, li l-proprjetarju ta’ trade mark latino-Amerikana jieħu s-suq Spanjol bħala punt inizjali biex iwettaq l-espansjoni tagħha fil-kontinent Ewropew. Huwa wara kollox f’dan is-sens li jmorru l-indikazzjonijiet li jinsabu fis-siltiet tas-sit Internet (ara l-punt 56 iktar ’il fuq) kif ukoll fis-siltiet tal-paġna Internet /franquicia-doggis_fv1793.html (ara l-punt 57 iktar ’il fuq).
67
Sussegwentement, lanqas ma jista’ jiġi milqugħ l-argument tar-rikorrent li jgħid li r-riferenza għall-impriżi Amerikani ta’ ristorazzjoni rapida li kellhom suċċess kbir fuq livell dinji li jinsab fil-punt 35 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jinftiehem li jirreferi għat-“trade marks tal-Amerika ta’ Fuq estremament magħrufa li ġew mill-Istati Uniti, bħal Burger King, McDonald’s, Pizza Hut, eċċ.” u skont liema ebda konsumatur Spanjol ma jaħseb f’impriża ta’ ristorazzjoni rapida Ċilena.
68
Fil-fatt, minn naħa, xejn mis-silta tas-sit Internet , minn fejn ġiet ir-riferenza inkwistjoni, ma jippermetti li jitqies li huwa kkonċernat minnha s-suq tal-Amerika ta’ Fuq. B’mod kuntrarju, għandu jiġi kkonstatat li s-silta msemmija ssemmi espressament mhux biss il-“kontinent Amerikan” b’mod ġenerali, iżda anki lil pajjiżi tal-Amerika ta’ Isfel, bħaċ-Ċilì, il-Brażil u l-Kolombja. Minn naħa, ma jistax jiġi eskluż a priori li jeżistu wkoll sinjali tal-Amerika ta’ Isfel li għandhom suċċess fis-suq tar-ristorazzjoni rapida u li dawn ukoll jiġu wkoll f’moħħ il-pubbliku Spanjol, li jinkludi b’mod partikolari konsumaturi li għandhom rabtiet ma’ pajjiżi tal-Amerika ta’ Isfel.
69
L-allegazzjoni tar-rikorrent li tgħid li r-riferenza għaċ-Ċilì u għall-Brażil, minbarra għall-Istati Uniti, fis-siltiet tas-siti Internet u www. hija dovuta għall-fatt li dawn huma pajjiżi li għandhom l-iktar kobor ekonomiku b’saħħtu u, b’hekk, għar-“rabta stabbilita bil-potenzjal tal-ekonomiji rispettivi tagħhom, bl-iskop pubbliċitarju leġittimu li tiġi sostnuta sistema ta’ franchises li huwa maħsub li tiġi stabbilita fi Spanja” ma hijiex konvinċenti. Fil-fatt, minn naħa, huwa sorprendenti li, f’dawn is-siltiet, ir-rikorrent isemmi ċ-Ċilì u l-Brażil, li huma preċiżament żewġ pajjiżi li fihom ir-rikorrenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandhom reġistrazzjonijiet tat-trade mark doggis, u mhux pajjiżi oħrajn tal-Amerika ta’ Isfel, bħall-Arġentina u l-Messiku, li madankollu dan jidentifika wkoll, fil-kitbiet tiegħu, bħala pajjiżi b’kobor ekonomiku b’saħħtu fil-kontinent Amerikan. Min-naħa l-oħra, u f’kull każ, il-fatt li r-rikorrent għażel iċ-Ċilì bħala eżempju ta’ pajjiż li fih il-hot-dog kellu suċċess kbir jimplika li dan eżamina minn qabel is-suq ta’ dan il-prodott f’dan il-pajjiż u li dan ma setax jinjora t-trade marks prinċipali li kienu preżenti hemm, fosthom it-trade mark doggis.
70
Sussegwentement, ir-rikorrent ma jistax jinvoka utilment l-argument li qatt ma kien hemm relazzjoni kuntrattwali jew mhux kuntrattwali bejnu u r-rikorrenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.
71
Fil-fatt, għalkemm l-eżistenza ta’ tali relazzjoni kienet tkun biżżejjed biex jiġi pprovat li r-rikorrent kellu għarfien preċedenti tat-trade marks preċedenti inkwistjoni, min-naħa l-oħra n-nuqqas ta’ tali relazzjoni ma timplikax li dan ma kellux tali għarfien.
72
Finalment, fir-rigward tal-allegazzjonijiet tar-rikorrent li jgħidu li dan qatt ma mar iċ-Ċilì u qatt ma kellu l-intenzjoni li jiżviluppa t-trade mark u l-mudell kummerċjali tiegħu fl-Amerika ta’ Isfel, biżżejjed jiġi kkonstatat li dawn huma ta’ natura purament suġġettiva u ma humiex biżżejjed biex jikkontradixxu l-provi oġġettivi li ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell biex jasal għall-konklużjoni tiegħu.
73
Fit-tieni lok, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Appell ma llimitax ruħu li jieħu inkunsiderazzjoni l-għarfien preċedenti li kellu r-rikorrent tat-trade marks Ċileni preċedenti, iżda kkonstata wkoll il-mala fide ta’ dan tal-aħħar billi bbaża ruħu fuq ċerti fatturi oġġettivi li jistgħu jiċċaraw l-intenzjonijiet tiegħu, jiġifieri n-natura tat-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha (punti 38 sa 41 tad-deċiżjoni kkontestata), il-livell ta’ reputazzjoni tat-trade marks inkwistjoni (punt 42 tad-deċiżjoni kkontestata) u l-loġika kummerċjali li fiha ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata (punt 45 tad-deċiżjoni kkontestata).
74
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li tali għarfien min-naħa tal-applikant għal trade mark ma huwiex effettivament suffiċjenti, waħdu, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-mala fide ta’ dan tal-aħħar. Għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-intenzjoni tiegħu fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni (sentenza Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli, punt 46 iktar ’il fuq, EU:C:2009:361, punti 40 u 41). Għalkemm din l-intenzjoni hija naturalment element suġġettiv, din għandha madankollu tiġi stabbilita b’referenza għaċ-ċirkustanzi oġġettivi tal-każ ineżami (sentenza Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli, punt 46 iktar ’il fuq, EU:C:2009:361, punt 42).
75
L-ewwel nett, fir-rigward tan-natura tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha, qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li dan il-fattur jista’ jkun rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ imġiba f’mala fide (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli, punt 46 iktar ’il fuq, EU:C:2009:361, punt 50).
76
Sussegwentement, għandu jitqies li kien ġustament li l-Bord tal-Appell ikkonstata, fil-punt 39 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-trade mark ikkontestata u t-trade marks figurattivi Ċileni preċedenti DoggiS li kienu s-suġġett tar-reġistrazzjonijiet Nri 683048, 857568 u 801904 kienu identiċi. Mill-inqas, huma kważi identiċi.
77
F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li t-trade mark ikkontestata u t-trade marks Ċileni preċedenti inkwistjoni jikkonsistu mill-istess element verbali “doggis”. L-argument tar-rikorrent li jgħid li dan l-element verbali huwa nieqes mill-oriġinalità ma jistax jirnexxi. Fil-fatt, id-dokumenti ppreżentati bħala anness mar-rikors li fuqhom huwa bbażat dan l-argument ġew ippreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali u b’hekk għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli (ara l-punt 63 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, anki jekk jitqies li t-terminu “doggis” għandu tifsira b’relazzjoni mal-hot-dogs, xorta jibqa’ l-fatt li, hekk kif ser jiġi spjegat f’iktar dettall fil-punt 78 iktar ’il quddiem, il-mod li bih dan huwa rrappreżentat fit-trade marks Ċileni preċedenti inkwistjoni jippreżenta sensiela ta’ partikolaritajiet li jinsabu wkoll b’mod identiku fit-trade mark ikkontestata.
78
Min-naħa l-oħra, għandhom jiġu rrilevati l-elementi viżwali identiċi segwenti bejn it-trade marks Ċileni preċedenti inkwistjoni u t-trade mark ikkontestata:
—
it-terminu “doggis” huwa miktub bl-aħmar;
—
it-terminu “doggis” huwa miktub b’tipa ta’ karattri partikolari, b’forma ttondjata;
—
l-ittra “d”, inizjali, u l-ittra “s”, finali, huma miktubin kapitali, filwaqt li l-ittri ċentrali huma miktubin żgħar;
—
l-ittri “d” u “s” huma iktar wesgħin mill-ittri ċentrali;
—
l-ittri “o”, “g” u “g” għandhom l-istess sporġenza fil-parti superjuri tagħhom.
79
L-unika differenza li teżisti fuq il-pjan viżiv bejn it-trade mark ikkontestata u t-trade marks Ċileni preċedenti inkwistjoni hija li dawn tal-aħħar għandhom sfond isfar, liema ħaġa evidentement ma tistax tkun biżżejjed biex jiġi eskluż li dawn it-trade marks jipproduċu l-istess impressjoni sħiħa.
80
Ma’ dak li ġie kkonstatat fil-punti 77 u 78 iktar ’il fuq jiżdied il-fatt, ikkonstatat bejn il-partijiet, li t-trade mark ikkontestata tkopri l-istess servizzi bħat-trade marks Ċileni preċedenti inkwistjoni kif ukoll prodotti indispensabbli għall-provvista tas-servizzi ta’ ristorazzjoni koperti minn dawn it-trade marks.
81
Hekk kif irrileva ġustament il-Bord tal-Appell fil-punt 41 tad-deċiżjoni kkontestata, tali livell ta’ xebh bejn it-trade marks imsemmija u s-setturi ekonomiċi koperti minnhom manifestament ma jistax ikun kumbinazzjoni.
82
Fid-dawl ta’ dan il-livell estremament għoli ta’ xebh bejn it-trade marks inkwistjoni, l-argument tar-rikorrent li jgħid li kemm hu kif ukoll ir-rikorrenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ispiraw ruħhom mill-istess mudelli tal-Amerika ta’ Fuq biex jikkonċepixxu t-trade marks rispettivi tagħhom ma jistax jirnexxi.
83
It-tieni nett, fir-rigward tal-livell ta’ reputazzjoni tat-trade marks inkwistjoni, għandu jitfakkar li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza tal-mala fide tal-applikant għal trade mark, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni l-livell ta’ reputazzjoni li jgawdi minnha sinjal fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha, u tali livell ta’ reputazzjoni jista’ preċiżament jiġġustifika l-interess tal-applikant sabiex jiżgura protezzjoni ġuridika iktar estiża tas-sinjal tiegħu (sentenza Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli, punt 46 iktar ’il fuq, EU:C:2009:361, punti 51 u 52).
84
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li mkien fil-proċess ma jirriżulta li, fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, it-trade mark ikkontestata kienet diġà intużat, waqt li jirriżulta b’mod ċar mid-dokumenti ppreżentati mir-rikorrenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bħala anness mat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tagħhom li t-trade marks tagħhom doggis kienu użati għal diversi snin fiċ-Ċilì u li dawn kellhom suċċess dejjem jikber hemmhekk matul l-aħħar snin, li saħħaħ ir-reputazzjoni tagħhom fost il-pubbliku kkonċernat. Minbarra n-numru kbir ta’ stabbilimenti ta’ ristorazzjoni rapida li joperaw taħt l‑isem Doggis f’dan il-pajjiż, ir-rikorrenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandhom preżenza fil-Brażil mill-2009.
85
L-argument tar-rikorrent li jgħid li t-trade mark Ċilena Nru 683048 ġiet irreġistrata biss reċentement, jiġifieri f’Jannar 2004, ma jistax jiġi milqugħ. Effettivament, hekk kif josserva ġustament l-UASI, għalkemm l-użu fit-tul ta’ trade mark jista’ jikkostitwixxi fattur li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biex tiġi evalwata r-reputazzjoni tagħha, madankollu din tal-aħħar ma tiddependix esklużivament minn tali fattur. F’settur bħal dak tar-ristorazzjoni rapida, trade mark tista’ tikseb ċerta reputazzjoni fuq perijodu ta’ żmien qasir ħafna minħabba fatturi oħrajn, bħal kampanji ta’ reklamar jew in-numru ta’ punti ta’ bejgħ. Għandu jingħad ukoll li r-rikorrent stess, fil-paġna Internet /franquicia-doggis_fv1793.html, jippreżenta lil Doggis bħala “l-franchise tal-hot-dogs li kienet tgawdi minn prestiġju kbir fuq livell internazzjonali”.
86
Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, il-konstatazzjoni li tgħid li t-trade mark doggis tgawdi minn ċertu reputazzjoni ma hijiex kontradetta mill-fatt li r-rikorrenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ma huma proprjetarji ta’ ebda dritt ta’ trade mark fi Spanja jew fuq livell internazzjonali. Fil-fatt, minn naħa, għandu jitfakkar li dawn tal-aħħar huma l-proprjetarji ta’ diversi trade marks doggis f’pajjiżi differenti tal-Amerika latina (ara l-punti 8 u 9 iktar ’il fuq). Min-naħa l-oħra, l-għażla li tiġi protetta trade mark billi tintalab ir-reġistrazzjoni tagħha hija tifforma parti mill-istrateġija kummerċjali tal-proprjetarju tagħha u nuqqas ta’ reġistrazzjoni ma għandux neċessarjament iwassal biex tiġi konkluża assenza ta’ preżenza jew ta’ reputazzjoni fis-suq.
87
Ir-rikorrent lanqas ma huwa fondat li jallega li l-fatt li r-rikorrenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ma humiex proprjetarji ta’ isem ta’ domain juri li dawn għandhom biss rieda dgħajfa li jiżviluppaw fuq skala internazzjonali. Fil-fatt, minn naħa, l-għażla li jiġi rreġistrat isem ta’ domain tifforma biss parti mill-istrateġija kummerċjali tar-rikorrenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li dawn tal-aħħar kellhom kjarament l-intenzjoni li jiżviluppaw l-attivitajiet tagħhom fis-suq Ewropew wara li jkunu kisbu preżenza solida fl-Amerika ta’ Isfel, għaliex kien proprju meta Inversiones Ged riedet tirreġistra t-trade mark doggis fi Spanja li dawn skoprew l-eżistenza tat-trade mark ikkontestata.
88
It-tielet nett, għandu jitqies li, kif diġà ġie rrilevat ġustament fil-punt 45 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatt, għar-rikorrent, li għamel applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark figurattiva kważi identika għal ċerti trade marks figurattivi preċedenti tar-rikorrenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità biex jindika l-istess servizzi bħal dawn l-aħħar trade marks kif ukoll prodotti indispensabbli għall-provvista ta’ dawn is-servizzi ma kien jirrispondi għal ebda loġika kummerċjali. Għandu jiġi kkonstatat, fuq kollox, li r-rikorrent lanqas ma jinvoka xi loġika kummerċjali biex jiġġustifika dan l-att, u jillimita ruħu, essenzjalment, biex josserva, billi jinvoka fost argumenti infondati, li huwa ma kienx jaf bl-eżistenza tat-trade marks preċedenti tar-rikorrenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità meta ppreżenta l-applikazzjoni tiegħu għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata.
89
It-tielet nett, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jitqies li kien ġustament li l-Bord tal-Appell ikkonkluda, fil-punti 44 u 45 tad-deċiżjoni kkontestata, li kienet teżisti mala fide mir-rikorrenti fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata. Hekk kif irrileva ġustament il-Bord tal-Appell fil-punt 45 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li r-rikorrent ippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni kien inkontestabbilment gwidat mill-intenzjoni li jiġu użurpati d-drittijiet marbuta mat-trade marks tar-rikorrenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Din l-intenzjoni hija b’mod partikolari kkonfermata mill-mod li bih ir-rikorrent jippreżenta l-katina ta’ franchises tiegħu lill-pubbliku. Fil-fatt, minbarra l-fatt li t-trade mark ikkontestata u t-trade marks Ċileni preċedenti Nri 683048, 857568 u 801904 huma kważi identiċi u jkopru l-istess tip ta’ attivitajiet, b’mod partikolari l-franchises fis-settur tar-ristorazzjoni rapida tal-hot-dogs, ir-rikorrent, hekk kif jirriżulta mid-dokumenti ppreżentati mir-rikorrenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità matul il-proċedimenti quddiem l-UASI (ara l-punti 25 u 35 iktar ’il fuq), jagħti x’jifhem li l-katina ta’ franchises tiegħu hija marbuta ma’ katina ta’ franchises barranija, li tgawdi minn prestiġju kbir fuq livell internazzjonali, u l-franchises futuri jistgħu jibbenefikaw mill-esperjenza tagħha, mill-għarfien tagħha tas-settur u minn assistenza kontinwa.
90
Il-konklużjoni msemmija iktar ’il fuq ma tistax titpoġġa indiskussjoni mill-allegazzjoni tar-rikorrent li tgħid li l-applikazzjoni tiegħu għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata tikkorrispondi għal proġett kummerċjali serju, rigoruż, leġittimu u nieqes minn kull interess spekulattiv fuq it-trade mark doggis, li b’mod partikolari għandu esperjenza twila fis-settur tal-franchises fi Spanja. Fil-fatt, dawn l-elementi b’ebda mod ma jispjegaw il-kważi identiċità tat-trade marks inkwistjoni u l-identiċità tas-servizzi koperti minnhom. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-esperjenza invokata mir-rikorrent tikkonċerna l-qasam finanzjarju, jiġifieri qasam totalment differenti minn dak tar-ristorazzjoni rapida.
91
Ir-rikorrent jibbaża ruħu wkoll fuq deċiżjoni mogħtija mill-Juzgado de lo Mercantil no 2 de Murcia (Qorti Kummerċjali Nru 2 ta’ Murcia, Spanja) fl-10 ta’ Mejju 2015 fil-kuntest tal-proċedura ordinarja Nru 263/2012, li dan ressaq b’ittra ppreżentata fir-reġistru fit-18 ta’ Mejju segwenti. Skont dan, din id-deċiżjoni tikkostitwixxi “fatt ġdid”, sa fejn din tiċħad b’mod partikolari talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mressqa mir-rikorrenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kontra t-trade mark Spanjola tiegħu doggis Nru 2914857. Dan jirrileva li, fid-deċiżjoni msemmija, ġie kkonstatat li ma jeżisti ebda element ta’ fatt li jista’ jistabbilixxi li dan aġixxa b’mala fide meta ppreżenta l-applikazzjoni tiegħu għar-reġistrazzjoni ta’ din it-trade marks Spanjola.
92
Għandu jiġi kkonstatat li din id-deċiżjoni lanqas ma tista’ tpoġġi indiskussjoni l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li tinsab fil-punt 89 iktar ’il fuq, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ din il-prova ġdida, li hija kkontestata mill-UASI.
93
Fil-fatt, qabel kollox, mid-deċiżjoni msemmija jirriżulta li, fir-rigward tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità li tressqet quddiemu, il-qorti wettqet evalwazzjoni essenzjalment fattwali, u dan abbażi ta’ sensiela ta’ provi ppreżentati mill-partijiet fil-kawża inkwistjoni. Issa, għandu jiġi kkonstatat li din l-analiżi ma tikkonċernax l-interpretazzjoni tad-dritt tat-trade marks tal-Unjoni u li r-rikorrent lanqas ma jispjega b’xi mod kif dan jista’ jkun il-każ.
94
Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni inkwistjoni tindika li tista’ tkun is-suġġett ta’ appell. B’hekk, ma jistax jiġi eskluż li din ma saritx res judicata.
95
Finalment, u f’kull każ, għandu jitfakkar li s-sistema tat-trade marks tal-Unjoni hija sistema indipendenti, komposta minn ġabra ta’ regoli u li tħaddan għanijiet li huma speċifiċi għaliha, billi l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali fejn il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI għandhom jiġu evalwati biss abbażi tar-Regolament Nru 207/2009, kif inhu interpretat mill-Qorti tal-Unjoni (sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, L & D vs UASI, C-488/06 P, Ġabra, EU:C:2008:420, punt 58).
96
Minn dan isegwi li t-tieni motiv u, konsegwentement, ir-rikors kollu kemm hu, għandhom jiġu miċħuda.
Fuq l-ispejjeż
97
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),
Taqta’ u tiddeċiedi:
1)
Ir-rikors huwa miċħud.
2)
José-Manuel Davó Lledó huwa kkundannat għall-ispejjeż.
Frimodt Nielsen
Dehousse
Collins
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-28 ta’ Jannar 2016.
Firem
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.
Full & Egal Universal Law Academy